EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Xkiel għall-kummerċ: Mekkaniżmu ta’ Intervent Rapidu

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 2679/98 dwar il-ħidma tal-moviment liberu ta’ l-oġġetti fost il-pajjiżi tal-UE

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi regoli li jgħinu sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti u jevitaw xkiel fiżiku għall-kummerċ (eż. imblokki fil-fruntieri, dimostrazzjonijiet/strajks, jew attakki fuq trakkijiet) billi tkun permessa l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar dan l-ixkiel bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

  • Ir-regolament mhuwiex maħsub biex jiġi interpretat bi kwalunkwe mod li jirrestrinġi d-drittijiet fundamentali fil-pajjiżi tal-UE (eż. id-dritt għal strajk).
  • Meta jinqala’ xkiel fiżiku għall-kummerċ jew ikun hemm theddida li jista’ jseħħ, kwalunkwe pajjiż tal-UE li jkollu informazzjoni rilevanti għandu jittrasferiha immedjatament lill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni mbagħad tibgħat dik l-informazzjoni lill-pajjiżi tal-UE kollha flimkien ma’ informazzjoni oħra li tqis li hija rilevanti.
  • Il-pajjiż tal-UE fejn iseħħ ix-xkiel għandu jirrispondi fil-pront għat-talbiet għall-informazzjoni mill-Kummissjoni u minn pajjiżi tal-UE oħrajn li jkunu jikkonċeraw in-natura tax-xkiel u l-azzjoni li ħa jew li jipproponi li jieħu. L-informazzjoni kollha skambjata bejn il-pajjiżi tal-UE trid tintbagħat ukoll lill-Kummissjoni.
  • Meta jinqala’ xkiel, il-pajjiż tal-UE rilevanti jrid jieħu l-miżuri kollha neċessarji u proporzjonati sabiex jitkompla l-moviment liberu tal-oġġetti, imbagħad jinforma lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet tiegħu.
  • Meta l-Kummissjoni tiddetermina li qed iseħħ xkiel, hija tinnotifika lill-pajjiż tal-UE rilevanti dwar ir-raġunijiet li wassluha għal dik il-konklużjoni u titlob lill-pajjiż tal-UE sabiex jieħu l-miżuri kollha neċessarji u proporzjonati biex ineħħi l-imsemmi xkiel. Il-pajjiż tal-UE mbagħad għandu ħamest ijiem biex jinforma lill-Kummissjoni dwar il-passi li jkun ħa jew il-pjanijiet li għandhom jittieħdu, jew biex jagħti tweġiba motivata dwar għalfejn mhumiex meħtieġa miżuri.
  • Il-pajjiżi tal-UE li ma jirrispondux sal-iskadenza mogħtija mill-Kummissjoni jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 1999.

SFOND

  • Il-moviment liberu rapidu u effiċjenti tal-oġġetti huwa prinċipju ewlieni tal-UE. Meta jinqala’ xkiel għal dan il-moviment liberu tal-oġġetti, dan jista’ jikkawża telf ekonomiku serju, li huwa dak li għandu l-għan li jipprevjeni l-Mekkaniżmu ta’ Intervent Rapidu.
  • Dan ir-regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 268 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u japplika għal ostakoli ċari, ovvji u mhux ġustifikati għall-moviment liberu tal-oġġetti li joriġinaw minn azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ pajjiż tal-UE.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 tas-7 ta’ Diċembru 1998 dwar il-ħidma tas-suq intern b’relazzjoni mal-moviment liberu ta’ l-oġġetti fost l-Istati Membri (ĠU L 337, 12.12.1998, pp. 8-9)

l-aħħar aġġornament 06.12.2016

Top