RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

Is-settur tal-bini jirrappreżenta 40 % tal-konsum tal-enerġija totali tal-Unjoni Ewropea (UE). It-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija f'dan il-qasam b'hekk jikkostitwixxi prijorità fil-kuntest tal-objettivi “20-20-20” fir-rigward tal-effikaċja tal-enerġija. Din id-direttiva tesprimi dik ir-rieda billi tipproponi linji ta' kondotta għall-Istati Membri fir-rigward tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

ATT

Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

SINTEŻI

Din id-direttiva hija maħsuba biex tippomwovi r-rendiment tal-bini *, tal-partijiet u tal-unitajiet ta' dak il-bini, fl-użu tal-enerġija.

Metodu ta' kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

L-Istati Membri huma obbligati li jadottaw, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, metodu ta' kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija li jieħu f'kunsiderazzjoni ċerti elementi, b'mod partikolari:

  • il-karatteristiċi termali tal-bini (kapaċità termali, insulazzjoni, eċċ);
  • it-tagħmir ta' tisħin u ta' provvista ta' misħun;
  • l-installazzjonijiet tal-arja kkundizzjonata;
  • l-installazzjoni ta' dawl integrat;
  • il-kundizzjonijiet klimatiċi interni.

L-influwenza pożittiva ta' elementi oħrajn bħall-espożizzjoni għax-xemx lokali, id-dawl naturali, il-produzzjoni tal-elettriku għall-koġenerazzjoni u s-sistemi ta' tisħin u ta' tkessiħ urbani jew kollettivi wkoll jittieħdu f'kunsiderazzjoni.

Iffissar ta' rekwiżiti minimi

L-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu, b'mod konformi mal-metodu ta' kalkolu ċċitat iktar 'il fuq, rekwiżiti minimi fir-rigward tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sabiex jintlaħqu livelli ottimali f'termini ta' spejjeż. Il-livell ta' dawk ir-rekwiżiti huwa rrivedut kull 5 snin.

Meta jiffissaw ir-rekwiżiti minimi, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn bini ġdid u bini eżistenti u bejn kategoriji differenti ta' bini.

Il-binjiet ġodda għandhom jirrispettaw dawk ir-rekwiżiti u, qabel ma tinbeda l-kostruzzjoni tagħhom, għandhom ikunu soġġetti għal studji ta' fattibbiltà dwar l-installazzjoni tas-sistemi ta' forniment tal-enerġija rinnovabbli, pompi tas-sħana, sistemi ta' tisħin u ta' tkessiħ urbani jew kollettivi u sistemi ta' koġenerazzjoni.

Il-binjiet eżistenti, meta jkunu soġġetti għal xogħlijiet ta' rinovazzjoni importanti, għandhom jibbenefikaw minn titjib tar-rendiment tagħhom fl-użu tal-enerġija b'mod li jkunu jistgħu jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti minimi.

Jistgħu jiġu esklużi mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti minimi:

  • il-binjiet li huma protetti uffiċjalment (binjiet storiċi pereżempju);
  • il-binjiet li jintużaw bħala postijiet ta' qima;
  • il-kostruzzjonijiet proviżorji;
  • il-binjiet residenzjali maħsuba għal użu limitat fis-sena;
  • il-binjiet indipendenti b'erja utli totali ta' inqas minn 50 m².

Meta jiġu installati mill-ġdid, mibdula, jew immodernizzati, is-sistemi tekniċi tal-bini bħas-sistemi tat-tisħin, is-sistema tal-produzzjoni tal-misħun, is-sistema tal-arja kkundizzjonata u l-installazzjonijiet kbar tal-ventilazzjoni għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti fir-rigward tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

L-elementi tal-bini li jagħmlu parti mill-qoxra tal-bini u li għandhom impatt konsiderevoli fuq ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta' dik il-qoxra (pereżempju, iċ-ċaċċis tat-twieqi) għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti minimi fir-rigward tar-rendiment fl-użu tal-enerġija meta jiġu mibdula jew rinovati, sabiex jintlaħqu livelli ottimali meta mqabbla mal-ispejjeż.

Kull darba li jinbena jew jiġi rinovat bini, din id-direttiva tħeġġeġ bis-saħħa l-introduzzjoni ta' sistemi intelliġenti ta' kejl tal-konsum tal-enerġija, b'mod konformi mad-Direttiva dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku.

Objettiv : binjiet b'konsum ta' enerġija kważi null

Sa mill-31 ta' Diċembru 2020, kull bini ġdid irid ikollu konsum ta' enerġija kważi null. Il-binjiet ġodda okkupati u pposseduti mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom jissodisfaw l-istess kriterji wara l-31 ta' Diċembru 2018.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ iż-żieda fin-numru ta' binjiet ta' dan it-tip permezz tal-istabbiliment ta' pjanijiet nazzjonali, li jinkludu:

  • deskrizzjoni tal-mod kif l-Istat Membru japplika d-definizzjoni ta' binjiet b'konsum ta' enerġija kważi null;
  • l-objettivi intermedjarji intiżi biex itejbu r-rendiment fl-użu tal-enerġija ta' binjiet ġodda minn issa sal-2015;
  • l-informazzjoni dwar politiki u miżuri finanzjarji adottati biex jiġi mħeġġeġ it-titjib tar-rendiment tal-binjiet fl-użu tal-enerġija.

Inċentivi kummerċjali u ostakli finanzjarji

L-Istati Membri huma inkarigati li jistabbilixxu lista ta' strumenti eżistenti u potenzjali li l-għan tagħhom huwa li jippromwovu t-titjib tar-rendiment tal-binjiet fl-użu tal-enerġija. Din il-lista tiġi aġġornmata kull tliet snin.

Ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw sistema ta' ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-binjiet fl-użu tal-enerġija. Din tal-aħħar tinkludi b'mod partikolari informazzjoni dwar il-konsum ta' enerġija mill-binjiet, kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib tal-ispejjeż.

Meta bini jew unità ta' bini jkunu offruti għall-bejgħ jew għall-kiri, l-indikatur tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jissemma fil-pubbliċità li tidher fil-media kummerċjali.

Matul il-kostruzzjoni, il-bejgħ u l-kiri ta' bini jew unità ta' bini, dak iċ-ċertifikat għandu jintwera lill-inkwilin il-ġdid jew lix-xerrej potenzjali u għandu jintbagħat lix-xerrej jew lill-inkwilin il-ġdid.

Fir-rigward tal-binjiet li jkollhom erja totali ta' aktar minn 500 m² okkupata minn awtorità pubblika u fir-rigward ta' binjiet li jkollhom erja totali ta' aktar minn 500 m² li tkun iffrekwentata ta' spiss mill-pubbliku, iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jitħawwal f'post u b'tali mod li jkun jidher ċar (dan il-limitu ser jitnaqqas għal 250 m² mid-9 ta' Lulju 2015).

L-Istati huma inkarigati li jistabbilixxu sistema ta' kontroll regolari tas-sistemi ta' tisħin u tal-ajra kkundizzjonata tal-binjiet.

Din id-direttiva tirrevoka d-Direttiva 2002/91/KE (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV).

Termini ewlenin tal-Att
  • Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija : kwantità ta' enerġija kkalkulata jew mkejla li tkun neċessarja biex tissodisfa l-bżonnijiet ta' enerġija relatati ma' użu normali tal-bini, li tinkludi l-enerġija użata għat-tisħin, is-sistema ta' tkessiħ, il-ventilazzjoni, il-produzzjoni ta' misħun u t-tidwil.

REFERENZA

AttDħul fis-seħħTerminu għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Direttiva 2010/31/UE

8.7.2010

9.7.2012

ĠU L 153, 18.6.2010

L-aħħar aġġornament: 17.09.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna