RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil

L-Unjoni Ewropea (UE) għandha l-ħsieb li tippermetti li l-imgħaxijiet mit-tfaddil riċevuti fi Stat Membru minn persuni fiżiċi li għandhom ir-residenza għal raġunijiet ta’ taxxa tagħhom fi Stat Membru ieħor jiġu intaxxati b’mod effettiv b’konformità mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

ATT

Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax.

SOMMARJU

Id-Direttiva għandha l-għan li tippermetti li d-dħul mit-tfaddil, fil-forma ta’ pagament ta’ imgħax li jsir fi Stat Membru wieħed favur il-“benefiċjarju effettivi” *, li huma persuni fiżiċi li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, jiġu intaxxati b’mod effettiv b’konformità mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ dan l-aħħar Stat Membru. Il-mezz użat għal din it-taxxa effettiva fuq il-pagamenti tal-imgħax fl-Istat Membru fejn il-benefiċjarju effettiv għandu r-residenza għal raġunijiet ta’ taxxa tiegħu huwa l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri rigward dawn il-“pagamenti tal-imgħax” *. F’dan is-sens, l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li t-twettiq tal-kompiti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva — kooperazzjoni u skambji ta’ informazzjoni bankarji — mill-atturi li jħallsu stabbiliti fit-territorju tagħhom, b’mod indipendenti mill-post ta’ stabbiliment tad-debitur tad-dejn li jipproduċi l-imgħaxijiet.

Dħul ikkonċernat

Id-Direttiva hija limitata għat-taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil fil-forma ta’ ħlas ta’ imgħaxijiet fuq djun u teskludi l-kwistjonijiet marbuta mal-intaxxar ta’ pensjonijiet u ta’ benefiċċji mill-assigurazzjoni. Fil-livell territorjali, id-Direttiva tapplika għal imgħaxijiet imħallsa minn “attur li jħallas” * stabbilit ġewwa t-territorju fejn huwa applikabbli t-Trattat.

Il-proċedura ġenerali: l-iskambji ta’ informazzjoni

  • Komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-attur li jħallas

Meta l-benefiċjarju effettiv tal-imgħaxijiet ikun resident ta’ Stat Membru li mhuwiex dak fejn huwa stabbilit l-attur li jħallas, id-Direttiva teħtieġ li dan tal-aħħar jikkomunika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit dwar kontenut minimu ta’ informazzjoni bħall-identità u r-residenza tal-benefiċjarju effettiv, l-isem jew l-isem ewlieni u l-indirizz tal-attur li jħallas, in-numru tal-kont tal-benefiċjarju effettiv jew, fin-nuqqas ta dan, l-identifikazzjoni tad-dejn li qed jiġġenera l-imgħaxijiet u l-informazzjoni li tikkonċerna l-pagament tal-imgħaxijiet.

Barra minn hekk, il-kontenut minimu tal-informazzjoni li l-attur li jħallas huwa marbut li jikkomunika rigward il-pagament tal-imgħaxijiet irid jagħmel distinzjoni bejn l-imgħaxijiet skont il-kategoriji speċifiċi elenkati fid-Direttiva. Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw dan il-konetnut minimu ta’ informazzjoni għal ammont totali ta’ imgħaxijiet jew ta’ dħul u għal ammont totali tal-prodott tal-bejgħ, tar-riakkwist jew tar-rimborż.

  • Skambju awtomatiku ta’ informazzjoni

Id-Direttiva teħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-attur li jħallas tikkomunika — tal-inqas darba fis-sena, fis-sitt xhur ta’ wara tmiem l-eżerċizzju fiskali tal-Istat Membru tal-attur li jħallas — lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza tal-benefiċjarju effettiv, dik l-informazzjoni msemmija aktar ’il fuq.

Kuntest

Fil-qafas tal-“pakkett fiskali” li għandu l-għan li jiġġieled kontra l-kompetizzjoni fiskali dannuża, l-Unjoni Ewropea (UE) iddeċiediet li timplimenta strument normattiv sabiex tegħleb it-tgħawwiġ eżistenti fl-intaxxar effettiv tad-dħul mit-tfaddil fil-forma ta’ pagament ta’ imgħaxijiet.

Din id-Direttiva hija msejsa fuq il-kunsens milħuq mill-Kunsill Ewropew ta’ Feira tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2000. F’din il-laqgħa tal-Kunsill, ġie deċiż li jiġi implimentat skambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri kollha. Il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Awstrija bbenefikaw minn perjodu ta’ tranżizzjoni għall-implimentazzjoni ta’ din il-miżura li matulha, minflok ma jipprovdu informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra, riedu japplikaw taxxa minn ras il-għajn għad-dħul mit-tfaddil kopert minn din id-Direttiva.

Termini ewlenin tal-Att
  • Benefiċjarju effettiv: kull persuna fiżika li tirċievi pagament tal-imgħaxijiet jew kull persuna fiżika li huwa attribwit lilha pagament tal-imgħaxijiet, ħlief jekk din tipprovdi prova li dan il-pagament ma seħħx jew ma ġiex attribwit għall-kont tagħha.
  • Attur li jħallas: kull attur ekonomiku li jħallas imgħaxijiet jew jattribwixxi l-pagament tal-imgħaxijiet bi profitt immedjat tal-benefiċjarju effettiv, li dan l-attur ikun id-debitur tad-dejn li jipproduċi l-imgħaxijiet jew l-attur inkarigat mid-debitur jew mill-benefiċjarju effettiv sabiex iħallas l-imgħaxijiet jew li jattribwixxi l-pagament tiegħu; f’każijiet speċifiċi ppreċiżati mill-Artikolu 4 tad-Direttiva, hija meqjusa bħala attur li jħallas, fil-mument fejn din tirċievi pagament tal-imgħaxijiet jew tattribwixxi pagament tal-imgħaxijiet, anki kull entità stabbilita fi Stat Membru li jitħallsu lilha xi imgħaxijiet li jibbenefikaw lill-benefiċjarju effettiv.
  • Pagament tal-imgħaxijiet: imgħaxijiet imħallsa, jew ikkreditati f’kont, li huma relatati ma’ kull tip ta’ dejn, imqassma jew le skont il-garanziji ipotekarji jew skont il-klawżola ta’ parteċipazzjoni għall-benefiċċju tad-debitur, u b’mod partikolari d-dħul mill-fondi pubbliċi u l-obbligi tas-self, inklużi l-primjums u l-konsenji marbuta ma’ dawn (esklużi l-penali għal pagamenti li jaslu tard; imgħaxijiet imġarrba jew kapitalizzati fil-bejgħ, fir-rimborż jew fir-riakkwist tad-djun imsemmija aktar ’il fuq; dħul li ġej mill-pagamenti tal-imgħax, kemm direttament kif ukoll permezz tal-intermedjarju ta’ ċerti entitajiet li huma elenkati b’mod limitattiv, imqassma mill-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS — Undertakings for Collective Investment in Transferable Securities) jew ċerti impriżi ta’ investiment kollettiv; dħul miġjub mill-bejgħ, mir-rimborż jew mir-riakkwist ta’ komponenti jew unitajiet fil-UCITS, meta dawn jinvestu, b’mod dirett jew indirett permezz tal-intermedjarju ta’ impriżi oħra ta’ investiment kollettiv jew entitajiet, aktar minn 40 % tal-assi tagħhom fid-djun.

REFERENZI

Att Dħul fis-seħħ Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri Ġurnal Uffiċjali
Direttiva 2003/48/KE

16.7.2003

Data ta’ applikazzjoni: 1.7.2005

ĠU L 157, 26.6.2003

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2003/48/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għal skopijiet ta' referenza.

ATTI RELATATI

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni tar-riżervi fuq id-dħul [mit-tfaddil] fil-forma ta' pagamenti ta' mgħax (COM(2008) 727 finali — Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
Din il-Proposta għal Direttiva għandha l-għan li telimina n-nuqqasijiet tad-direttiva attwali bil-għan li tiġi żgurata b’mod aktar effikaċi tassazzjoni effettiva tad-dħul mit-tfaddil u sabiex jiġi eliminat it-tgħawwiġ mhux mixtieq tal-kompetizzjoni.

Għal dan il-għan, il-modifiki prinċipali proposti jikkonċernaw il-punti li ġejjin:

  • id-definizzjoni tal-benefiċjarju effettiv: proposta għal “metodu ta’ trasparenza” sabiex jiġu koperti l-pagamenti tal-imgħax mogħtija favur entitajiet jew arranġamenti legali miftiehma minn persuni fiiżiċi (id-direttiva attwali tkopri biss il-pagamenti tal-imgħax mogħtija għal benefiċċju immedjat tal-persuni fiżiċi);
  • l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji effettivi: huwa propost li tiġi rreġistrata d-data u l-post ta’ fejn twieled il-benefiċjarju effettiv fil-każijiet kollha u sabiex f’kull każ, din l-informazzjoni tingħata flimkien man-Numru ta’ Identifikazzjoni Fiskali tal-benefiċjarju meta dan in-numru jidher fuq id-dokumenti ppreżentati għal skopijiet ta’ identifikazzjoni;
  • id-definizzjoni tal-kunċett ta’ attur li jħallas: kjarifika tal-kunċett ta’ attur li jħallas mal-irċevuta u l-introduzzjoni ta’ definizzjoni “pożittiva” tal-istrutturi intermedjarji stabbiliti f’wieħed mill-Istati Membri u marbuta li jaġixxu bħala “aġenti li jħallsu mal-irċevuta”;
  • id-definizzjoni ta’ pagament tal-imgħaxijiet, bil-għan li jiġu koperti l-istrumenti finanzjarji ekwivalenti għal dawk koperti b’mod espliċitu: prodotti strutturati li essenzjalment huma ekwivalenti għall-prodotti tad-djun u ċerti prodotti tal-assigurazzjoni li huma direttament komparabbli ma’ impriżi ta’ investiment kollettiv minħabba l-fatt li l-prestazzjoni tagħhom hija marbuta mad-dħul minn djun jew dħul simili;
  • l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS);
  • il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-aġenti li jħallsu;
  • l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ komitoloġija sabiex ikunu jistgħu jitwaqqfu minnufih miżuri ta’ applikazzjoni relatati mad-Direttiva.
L-aħħar aġġornament: 27.09.2011
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna