EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-moviment ħieles tal-kapital fl-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE — id-direttiva dwar il-liberalizzazzjoni tal-kapital

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija ġiet imfassla biex tagħti lis-suq uniku tal-Unjoni Ewropea (UE) id-dimensjoni finanzjarja sħiħa tiegħu.
  • L-għan tagħha kien li b’mod progressiv tabolixxi r-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment ħieles ta’ kapital bejn il-pajjiżi tal-UE u li timplimenta l-Artikolu 67 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej (l-Artikolu 67 kien sussegwentement irrevokat).
  • Ir-regoli tad-direttiva skadew wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 63 il-ġdid tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jiżgura l-moviment ħieles tal-kapital bejn il-pajjiżi tal-UE kif ukoll bejn pajjiżi tal-UE u pajjiżi mhux tal-UE.
  • Madankollu, kif indikat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, in-nomeklatura tal-movimenti ta’ kapital inkluża fl-Anness I tagħha għadha tintuża biex tiddefinixxi l-kunċett tal-movimenti ta’ kapital.

PUNTI EWLENIN

  • Id-Direttiva tistabbilixxi l-prinċipju tal-liberalizzazzjoni sħiħa tal-movimenti ta' kapital * bejn il-pajjiżi tal-UE b’effett mill-1 ta’ Lulju 1990. It-transazzjonijiet li jirrappreżentaw il-movimenti ta’ kapital huma elenkati fl-Anness I tagħha.
  • Arranġamenti transizzjonali kienu offruti għal Spanja, il-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall, u l-Portugall u Greċja ngħataw il-possibilità ta’ estensjoni ulterjuri għal massimu ta’ tliet snin.
  • Id-direttiva tfittex li tabolixxi l-arranġamenti ġenerali għar-restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital bejn persuni residenti f’pajjiżi tal-UE.
  • Ġiet introdotta “klawsola ta’ salvagwardja”. Il-movimenti ta’ kapital jistgħu jikkawżaw pressjoni kbira fuq is-swieq tal-kambju barranin, li jwasslu għal disturbi serji fil-kondotta tal-politiki monetarji u l-politiki tar-rati tal-kambju ta’ pajjiż. F’dan il-każ, il-Kummissjoni Ewropea, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Monetarju u mal-Kumitat tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali, tista’ tawtorizza lil dak il-pajjiż biex jieħu miżuri protettivi.
  • Il-miżuri protettivi relatati mal-moviment ta’ kapital huma elenkati fl-Anness II tad-Direttiva, u m’għandhomx jaqbżu s-sitt xhur.

B’effett mill-1 ta’ Lulju 1990, id-Direttiva ħassret:

  • l-ewwel direttiva għall-implimentazzjoni ta’ Artikolu 67 tat-Trattat;
  • Id-Direttiva tal-Kunsill 72/156/KEE dwar ir-regolament taċ-ċirkolazzjoni ta' kapital internazzjonali u n-newtralizzazzjoni tal-effetti mhux mixtieqa tagħhom fuq il-likwidità domestika*.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija kienet tapplika bejn is-7 ta’ Lulju 1988 u l-31 ta’ Diċembru 1999. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Lulju 1990. Id-Direttiva issa hija sostitwita mir-regoli tat-Trattat il-ġdid dwar il-moviment ħieles ta’ kapital iżda għadha tintuża biex tiddefinixxi l-kunċett tal-movimenti ta’ kapital.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Movimenti tal-kapital: trasferimenti ta’ kapital bejn pajjiżi mwettqa minn persuna, organizzazzjoni jew negozju. Dawn jinkludu investimenti diretti, investimenti fi proprjetà immobbli, operazzjonijiet f'titoli u f'kontijiet kurrenti u ta' depożitu, kif ukoll self finanzjarju u krediti.

Likwidità domestika: L-ammont ta’ flus jew ekwivalenti ta' flus (jiġifieri assi li jistgħu malajr jinbidlu fi flus kontanti) fiċ-ċirkolazzjoni f’ekonomija ta’ pajjiż.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU L 178, 8.7.1988, p. 5-18)

l-aħħar aġġornament 16.11.2016

Top