RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Sistema għar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali

Din id-Direttiva tistabbilixxi sistema għar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, sabiex is-swieq tax-xogħol ikunu megħjunin isiru aktar flessibbli, tiġi liberalizzata aktar il-provvista ta' servizzi, jiġi mħeġġeġ aktar għarfien awtomatiku tal-kwalifiki u jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi.

ATT

Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali [Ara l-att(i) emendatorju(i)].

SOMMARJU

Din id-Direttiva tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea (UE) li jixtiequ li jipprattikaw professjoni regolata *, jew fuq bażi li jaħdmu għal rashom jew bħala impjegati, fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih huma kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom.

Id-Direttiva tagħmel distinzjoni bejn “il-libertà li jiġu pprovduti servizzi” u l-“libertà ta 'stabbiliment” fuq il-bażi ta' kriterji identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja: tul ta' żmien, frekwenza, regolarità u l-kontinwità tal-għoti ta' servizzi.

LIBERTÀ LI JIĠU PPROVDUTI SERVIZZI

Kwalunkwe ċittadin tal-UE li huwa stabbilit legalment fi Stat Membru jista' jipprovdi servizzi fuq bażi temporanja u okkażjonali fi Stat Membru ieħor taħt it-titolu professjonali oriġinali tiegħu/tagħha, mingħajr ma jkollu għalfejn japplika għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tiegħu. Madankollu, jekk il-professjoni kkonċernata mhijiex regolata fl-Istat Membru, il-fornitur tas-servizz għandu jipprovdi prova ta' esperjenza professjonali ta' sentejn.

L-Istat Membru ospitu jista' jitlob lill-fornitur tas-servizz biex jagħmel dikjarazzjoni qabel ma jipprovdi kwalunkwe servizz fit-territorju tiegħu (li għandha tiġi mġedda kull sena), li tinkludi dettalji tal-kopertura tal-assigurazzjoni jew dokumenti oħra bħal prova tan-nazzjonalità, l-istabbiliment legali u l-kwalifiki professjonali.

Jekk l-Istat Membru ospitu jeħtieġ reġistrazzjoni pro forma mal-assoċjazzjoni professjonali kompetenti, din trid tkun awtomatika. L-awtorità kompetenti għandha tgħaddi l-fajl tal-applikant lill-organizzazzjoni jew lill-korp professjonali malli tirċievi d-dikjarazzjoni minn qabel. Għall-professjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet tas-saħħa pubblika jew implikazzjonijiet tas-sigurtà u ma jibbenefikawx minn rikonoxximent awtomatiku, l-Istat Membru ospitu jista' jwettaq verifika minn qabel ta' kwalifiki professjonali tal-fornitur tas-servizz fi ħdan il-limiti tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Fil-każijiet fejn is-servizz huwa pprovdut taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ta' stabbiliment jew taħt il-kwalifiki formali * tal-fornitur tas-servizz, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitu jistgħu jeħtieġu lil dan tal-aħħar li jipprovdi lir-riċevituri tas-servizz b'ċertu informazzjoni, b'mod partikolari dwar l-assigurazzjoni kontra r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mir-responsabbiltà professjonali.

Fir-rigward kemm tal-għoti temporanju tas-servizzi kif ukoll tal-istabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jiżguraw skambju proattiv ta' informazzjoni relatata ma' kwalunkwe ċirkostanza serja li tirriżulta mill-istabbiliment ta' individwu fit-territorju tagħhom li jista' jkollha konsegwenzi għat-twettiq tal-attivitajiet professjonali kkonċernati. Dan l-iskambju ta' informazzjoni għandu jsir f'konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti ta' protezzjoni tad-dejta.

LIBERTÀ TA' STABBILIMENT

“Libertà ta 'stabbiliment” tapplika meta professjonista jgawdi l-libertà effettiva biex isir stabbilit fi Stat Membru ieħor sabiex iwettaq attività professjonali hemmhekk fuq bażi stabbli.

Sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki

Is-sistema ġenerali tapplika għal professjonijiet li mhumiex koperti minn regoli speċifiċi ta' rikonoxximent u għal ċerti sitwazzjonijiet fejn il-professjonist ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fi skemi ta' rikonoxximent oħrajn. Din is-sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' miżuri kumpensatorji jekk hemm differenzi sostanzjali bejn it-taħriġ * miksub mill-persuna kkonċernata u t-taħriġ meħtieġ fl-Istat Membru ospitu. Il-miżura ta' kumpens tista' tieħu l-forma ta' perjodu ta' adattament * jew test tal-attitudni *. L-għażla titħalla f'idejn il-persuna kkonċernata, sakemm ma jkunux jeżistu derogi speċifiċi.

Meta l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta' professjoni jkunu regolati fl-Istat Membru ospitu, jiġifieri jkunu soġġetti għall-pussess ta' kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru msemmi għandha tippermetti aċċess għall-professjoni kkonċernata u l-eżerċizzju tagħha taħt l-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini tagħha. Madankollu, l-applikant għandu jkollu kwalifika ta' taħriġ miksuba fi Stat Membru ieħor li tagħti prova ta' livell ta' taħriġ li jkun għallinqas ekwivalenti għal-livell immedjatament taħt dak meħtieġ fl-Istat Membru ospitu.

Min-naħa l-oħra, meta l-aċċess għal professjoni ma jkunx soġġett għall-pussess ta' kwalifiki professjonali speċifiċi fl-Istat Membru tal-applikant, aċċess għal dik il-professjoni fi Stat Membru ospitu fejn hija regolata, jeħtieġ prova ta' sentejn esperjenza professjonali 'full-time' fuq l-għaxar snin preċedenti flimkien mal-kwalifika.

Id-direttiva tiddistingwi ħames livelli ta' kwalifiki professjonali:

  • attestazzjoni ta' kompetenza maħruġa minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru domestiku, li tattesta jew li d-detentur kiseb għarfien ġenerali korrispondenti għall-edukazzjoni primarja jew sekondarja, jew li jkun għamel taħriġ li ma jiffurmax parti minn ċertifikat jew diploma, jew li jkun għamel eżami speċifiku mingħajr taħriġ preċedenti jew għandu tliet snin esperjenza professjonali;
  • ċertifikat li jikkorrispondi għal taħriġ fil-livell sekondarju ta' natura teknika jew professjonali jew ta' natura ġenerali, issupplimentat b'kors professjonali;
  • diploma li tiċċertifika t-tmiem b'suċċess ta' taħriġ f'livell post-sekondarju ta' tul ta' mhux inqas minn sena jew ta' taħriġ professjonali komparabbli f'termini ta' responsabbiltajiet u funzjonijiet;
  • diploma li tiċċertifika t-tmiem b'suċċess ta' taħriġ fuq livell ogħla jew fuq livell universitarju ta' tul ta' mill-inqas tliet snin u li ma jaqbiżx erba' snin.
  • diploma li tiċċertifika t-tmiem b'suċċess ta' taħriġ fuq livell ogħla jew universitarju ta' tul ta' mill-inqas erba' snin;

L-Istat Membru ospitu jista' jagħmel ir-rikonoxximent ta' kwalifiki soġġett għall-fatt li l-applikant ikun temm miżura kumpensatorja (test tal-attitudni jew perjodu ta' adattament ta' massimu ta' tliet snin) fil-tliet każijiet li ġejjin:

  • it-taħriġ kien tal-inqas sena iqsar minn dak meħtieġ mill-Istat Membru ospitu;
  • it-taħriġ kopra suġġetti sostanzjalment differenti minn dawk koperti mill-provi ta' taħriġ formali meħtieġ fl-Istat Membru ospitu;
  • il-professjoni kif definita fl-Istat Membru ospitu tinkludi attività professjonali regolata waħda jew aktar li ma teżistix fil-professjoni korrispondenti fl-Istat Membru domestiku tal-applikant u teħtieġ taħriġ speċifiku li jkopri suġġetti li huma sostanzjalment differenti minn dawk koperti mit-taħriġ tal-applikant.

Id-Direttiva tippermetti lil assoċjazzjonijiet professjonali rappreżentattivi fil-livell kemm nazzjonali kif ukoll Ewropew biex jipproponu pjattaformi komuni biex jikkumpensaw għad-differenzi sostanzjali identifikati bejn ir-rekwiżiti tat-taħriġ tal-Istati Membri. Il-pjattaforma hija mod kif jiġi żgurat li miżuri addizzjonali ma jiġux imposti fuq dawk ikkonċernati, filwaqt li tiggarantixxi livell xieraq ta' kwalifiki. Il-pjattaforma hija tip ta' miżura kumpensatorja predefinita. Il-Kummissjoni sejra tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq il-pjattaformi komuni fl-aħħar tal-2010.

Sistema ta' rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki attestati minn esperjenza professjonali f'ċerti attivitajiet industrijali, tas-snajja' u kummerċjali.

L-attivitajiet industrijali, tas-snajja' u kummerċjali elenkati fid-Direttiva (Kapitolu II) huma soġġetti, taħt il-kondizzjonijiet iddikjarati, għar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki attestati minn esperjenza professjonali.

L-elementi meqjusin għar-rikonoxximent ta' esperjenza professjonali huma t-tul tagħha u l-forma tagħha (f'kapaċità ta' persuna jaħdmu għal rashom jew impjegati). Taħriġ preċedenti huwa meqjus ukoll u jista' jnaqqas l-ammont ta' esperjenza professjonali meħtieġ. Madankollu, provi ta' kull taħriġ preċedenti għandhom jiġu pprovduti permezz ta' ċertifikat rikonoxxut mill-Istat Membru jew meqjus bħala kompletament validu minn korp professjonali kompetenti.

L-insegwiment ta' dawn l-attivitajiet professjonali huwa soġġett għall-kundizzjonijiet murija fi:

  • lista I tal-Anness IV, li tirreferi għal setturi varji bħat-tessuti, kimiċi u industriji taż-żejt, l-istampar, manifattura, kostruzzjoni, eċċ;
  • lista II ta' Anness IV, li tirreferi għal setturi bħalma huma l-manifattura ta' tagħmir tat-trasport, l-attivitajiet relatati mat-trasport, servizzi postali, it-telekomunikazzjonijiet, studji fotografiċi, eċċ;
  • lista III ta' Anness IV, li tirreferi għal setturi bħal ristoranti u lukandi, servizzi personali, komunitarji u ta' divertiment, eċċ.

Sistema ta' rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki għall-professjonijiet ta' tabib, infermier, dentist, kirurgu veterinarju, qabla, spiżjar u perit.

Ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki tat-taħriġ fuq il-bażi tal-koordinazzjoni ta' kundizzjonijiet minimi ta' taħriġ ikopri l-professjonijiet li ġejjin: tobba, infermiera responsabbli għal kura ġenerali, prattikanti dentisti, kirurgi veterinarji, qwiebel, spiżjara u periti (Kapitolu III tad-direttiva).

Għal skopijiet ta' rikonoxximent, id-Direttiva tistabbilixxi kondizzjonijiet minimi ta' taħriġ għal kull waħda minn dawn il-professjonijiet, inkluż it-tul minimu tal-istudji. Il-kwalifiki formali konformi mad-Direttiva maħruġa mill-Istati Membri huma elenkati fl-Anness V. Dawn il-kwalifiki jippermettu lid-detenturi sabiex jipprattikaw il-professjoni tagħhom fi kwalunkwe Stat Membru.

Id-direttiva tippermetti lill-Istati Membri sabiex jawtorizzaw taħriġ 'part-time' għal dawn il-professjonijiet kollha, diment li t-tul, il-livell u l-kwalità ġenerali ta' dan it-taħriġ ma jkunx aktar baxx minn dak ta' taħriġ ‘full-time’ kontinwu.

Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet speċifiċi miksuba tal-professjonijiet ikkonċernati, u partikolarment ta' periti (Anness VI), anke jekk il-kwalifiki formali għal dawn l-attivitajiet professjonali miżmuma minn ċittadini ta' Stati Membri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha tat-taħriġ deskritt, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxihom bħala prova suffiċjenti. Madankollu, dawn il-kwalifiki għandhom jiċċertifikaw it-temm b'suċċess ta' taħriġ li beda qabel id-dati ta' referenza stabbiliti fl-Anness V u għandhom ikunu akkumpanjati minn evidenza tad-detentur li ddedika mill-inqas tliet snin konsekuttivi għall-attivitajiet inkwistjoni matul il-perjodu preċedenti ta' ħames snin.

Proċedura għar-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali

Għandha tiġi sottomessa applikazzjoni individwali lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitu, akkumpanjata minn ċerti dokumenti u ċertifikati. L-awtorità kompetenti għandha xahar żmien biex tirrikonoxxi l-irċevuta tal-applikazzjoni u tiġbed l-attenzjoni għal xi dokumenti neqsin. Fil-prinċipju, deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni tkun waslet b'mod sħiħ. Madankollu, din l-iskadenza tista' tiġi estiża b'xahar f'każijiet li jaqgħu taħt is-sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki. Għandhom jingħataw raġunijiet għal kull rifjut. Rifjut jew nuqqas li tittieħed deċiżjoni sal-iskadenza jista' jiġi kkontestat fil-qrati nazzjonali.

Ċittadini ta' Stat Membru għandhom ikunu kapaċi jużaw it-titolu mogħti lilhom, u possibbilment il-forma mqassra tiegħu, kif ukoll it-titolu professjonali korrispondenti tal-Istat Membru ospitu. Jekk professjoni tkun regolata fl-Istat Membru ospitu minn assoċjazzjoni jew organizzazzjoni (ara l-Anness I), ċittadini ta' Stat Membru għandhom isiru membri ta' dik l-organizzazzjoni jew assoċjazzjoni sabiex ikunu jistgħu jużaw it-titolu.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-applikanti sabiex ikollhom l-għarfien tal-lingwa meħtieġ għall-prattika tal-professjoni. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata b'mod proporzjonat, li jeskludi l-impożizzjoni sistematika ta' testijiet tal-lingwa qabel l-attività professjonali tkun tista' tiġi pprattikata.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq, id-Direttiva titlob li jkun hemm kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membri ospiti u ta' domiċilju. Barra minn hekk, titlob ukoll li ssir l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

  • kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur biex jiffaċilita l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva;
  • L-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta' kuntatt responsabbli sabiex jipprovdu liċ-ċittadini bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u sabiex jgħinuhom jasserixxu drittijiethom, b'mod partikolari permezz ta' kuntatt mad-deċiżjoni tal-awtoritajiet dwar talbiet għar-rikonoxximent;
  • L-Istati Membri għandhom jaħtru rappreżentanti għall-kumitat dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali;
  • il-Kummissjoni hija meħtieġa li tikkonsulta ma' esperti mill-gruppi professjonali kkonċernati, kif xieraq.

L-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tas-sistema kull sentejn. Jekk l-applikazzjoni ta' waħda mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva tippreżenta diffikultajiet kbar f'qasam partikolari, il-Kummissjoni għandha teżamina dawk id-diffikultajiet f'kollaborazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat.

Mill-20 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni sejra tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva kull ħames snin.

Kuntest

Din id-Direttiva hija reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma 2001 li talab lill-Kummissjoni sabiex tfassal sistema aktar uniformi, trasparenti u flessibbli bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija ta' Lisbona.

Id-Direttiva ġġib flimkien f'test wieħed it-tliet direttivi dwar is-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (rikonoxximent ta' diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta' edukazzjoni ogħla ta' tul ta' żmien twil (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV); rikonoxximent ta' diplomi oħrajn, ċertifikati u provi oħrajn ta' edukazzjoni professjonali u taħriġ ieħor (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV); u l-mekkaniżmu għar-rikonoxximent ta' kwalifiki għal snajja', negozji u ċerti servizzi (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV)).

Hija wkoll tikkonsolida tnax-il direttiva settorjali li jkopru l-professjonijiet ta' tabib (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV), infermier (Direttiva 77/452/KEE), prattikant dentist (Direttiva 78/686/KEE), kirurgu veterinarju (Direttiva 78/1026/KEE), qabla (Direttiva 80/154/KEE), perit (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV) u spiżjar (rikonoxximent reċiproku tad-diplomi fil-farmaċija (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV) u kwalifiki fil-farmaċija (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV)).

Id-direttivi speċifiċi dwar l-għoti ta' servizzi minn avukati (Direttiva 77/249/KEE) u l-istabbiliment ta' avukati mhumiex koperti minn dan l-eżerċizzju, minħabba li dawn jikkonċernaw ir-rikonoxximent mhux ta' kwalifiki professjonali iżda tal-awtorizzazzjoni għall-prattika.

Termini ewlenin tal-Att
  • Professjoni regolata: attività professjonali jew grupp ta' attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, li l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta' eżerċizzju tagħhom huwa soġġett, direttament jew indirettament, permezz ta' disposizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi, għall-pussess ta' kwalifiki professjonali speċifiċi; b'mod partikolari, l-użu ta' titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi lil detenturi ta' kwalifika professjonali partikolari jikkostitwixxi mod ta' eżerċizzju.
  • Kwalifika formali: diplomi, ċertifikati u provi oħrajn maħruġin minn awtorità fi Stat Membru maħtura skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ta' dak l-Istat Membru u li jiċċertifikaw it-tlestija b'suċċess ta' taħriġ professjonali miksub b'mod ewlieni fil-Komunità.
  • Taħriġ regolat: kull taħriġ li huwa speċifikament intiż għall-eżerċizzju ta' professjoni speċifika u li jkun fih kors jew korsijiet ikkumplimentati, meta xieraq, b'taħriġ professjonali, jew bi prattika bi prova jew professjonali. L-istruttura u l-livell tat-taħriġ professjonali, il-prattika bi prova jew professjonali huma stabbiliti fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi tal-Istat Membru partikolari jew soġġett għal superviżjoni jew approvazzjoni mill-awtorità maħtura għal dak il-għan.
  • Perjodu ta' adattament: it-twettiq ta' professjoni regolata fl-Istat Membru ospitu taħt ir-responsabbiltà ta' membru kkwalifikat ta' dik il-professjoni, fejn it-tali perjodu ta' prattika sorveljata possibbilment ikun akkumpanjat minn aktar taħriġ. Dan il-perjodu ta' prattika sorveljata huwa s-suġġett ta' valutazzjoni.
  • Test tal-attitudni: test limitat għall-għarfien professjonali tal-applikant, imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitu bil-għan li jevalwa l-abilità tal-applikant li jwettaq professjoni regolata f'dak l-Istat Membru. Biex testijiet bħal dawn jiġu permessi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu lista ta' suġġetti mhux koperti mill-evidenza ta' kwalifiki formali li jkollu l-applikant.

REFERENZI

AttDħul fis-seħħSkadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Direttiva 2005/36/KE

20.10.2005

20.10.2007

ĠU L 255, tat-30.9.2005

Att(i) emendatorjiDħul fis-seħħSkadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Direttiva 2006/100/KE

1.1.2007

1.1.2007

ĠU L 363, tal-20.12.2006

Regolament (KE) Nru 1137/2008

11.12.2008

-

ĠU L 311, tal-21.11.2008

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2005/36/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha tintuża biss għal għanijiet ta' referenza.

EMENDI GĦALL-ANNESSI

Anness II - Lista ta' korsijiet li għandhom struttura speċjali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 11 punt (ċ) subparagrafu (ii):
Direttiva 2006/100/KE [Ġurnal Uffiċjali L 363, tal-20.12.2006];
Regolament (KE) Nru 1430/2007 [Ġurnal Uffiċjali L 320, tas-6.12.2007];
Regolament (KE) Nru 755/2008 [Ġurnal Uffiċjali L 205, tal-1.8.2008];
Regolament (KE) Nru 279/2009 [Ġurnal Uffiċjali L 93, tas-7.4.2009].

Anness III - Lista ta' edukazzjoni u taħriġ regolati li hemm referenza għalihom fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2):
Regolament (KE) Nru 1430/2007 [Ġurnal Uffiċjali L 320, tas-6.12.2007].

Anness V - Rikonoxximent abbażi ta' kordinazzjoni tal-kondizzjonijiet minimi ta' taħriġ:
Direttiva tal-Kunsill 2006/100/KE [Ġurnal Uffiċjali L 363, tal-20.12.2006].

Anness VI - Drittijiet miksubin applikabbli għall-professjonijiet soġġetti għar-rikonoxximent abbażi ta' kordinazzjoni tal-kondizzjonijiet minimi ta' taħriġ:
Direttiva tal-Kunsill 2006/100/KE [Ġurnal Uffiċjali L 363, tal-20.12.2006].

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/172/KE tad-19 ta' Marzu 2007 għall-ħolqien ta' grupp ta' koordinaturi għar-rikonoxximent tal-kwalifiċi professjonali [Ġurnal Uffiċjali L 79 tal-20.3.2007].
L-irwol ta' dan il-grupp espert huwa li jiffaċilita l-implimentazzjoni tad-Direttiva u jiżviluppa suq intern għall-professjonijiet regolati fir-rigward tal-kwalifiki. Il-Kummissjoni tikkonsulta lil dan il-grupp, li huwa magħmul minn koordinaturi nazzjonali, membri supplenti u minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

L-aħħar aġġornament: 19.01.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna