RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Strateġija għas-sejħiet għall-offerti b'mod elettroniku għall-kuntratti pubbliċi

L-ekonomija Ewropea qiegħda tħabbat wiċċha mal-ħtieġa li tnaqqas l-infiq pubbliku u li ssib sorsi ġodda ta' tkabbir ekonomiku. Il-ġeneralizzazzjoni tas-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi b'mod elettroniku tista' tikkontribwixxi għall-ilħuq ta' dawn l-objettivi. Din hija r-raġuni għala din il-komunikazzjoni tipproponi sett ta' miżuri sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tas-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi b'mod elettroniku fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni (COM(2012) 179 finali – Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Din il-komunikazzjoni tiddefinixxi l-linji gwida ta' strateġija għall-aġġudikazzjoni elettronika tal-kuntratti pubbliċi, jew e-akkwisti.

Liema huma l-vantaġġi tas-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi b'mod elettroniku?

Il-proċeduri elettroniċi joffru għadd ta' vantaġġi ekonomiċi. Jissimplifikaw il-mod kif isiru s-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi, li tiġi limitata l-ħela (fil-fornitura, servizzi jew xogħol), li tiġi żgurata kwalità aħjar tas-servizzi bi prezz irħis. Huma jistgħu jissimplifikaw ukoll bil-bosta l-ħajja ta' intrapriżi, b'mod partikolari tal-intrapriżi żgħar u medji (SME), billi jsaħħu t-trasparenza tas-sejħiet għall-offerti, billi jiffaċilitaw l-aċċess u billi jnaqqsu l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni fis-swieq (spejjeż postali, stampar, eċċ.).

Dawn il-proċeduri huma mfasslin sabiex jimmassimizzaw l-effikaċja tal-ispejjeż pubbliċi u li jinstabu sorsi ġodda ta' tkabbir ekonomiku. L-entitajiet li diġà adottaw is-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti b'mod elettroniku iffrankaw mal-5 sal-20 %. Il-volum totali tal-kuntratti pubbliċi fl-UE huwa stmat li jlaħħaq iktar minn 2 000 biljun ewro, dan ifisser li iffrankar ta' 5 % jikkorrespondi għal iffrankar ta' madwar 100 biljun ewro fis-sena.

Is-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi b'mod elettroniku jikkontribwixxu sabiex jittieħed ħsieb tal-ambjent, pereżempju jitnaqqas il-konsum u l-ġarr ta' karti.

Il-proċeduri elettroniċi joffru wkoll aċċess aktar faċli għall-kuntratti pubbliċi, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (SME), u jistgħu jistimulaw il-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u t-tkabbir fi ħdan is-suq domestiku.

Kif jistgħu jiġu implimentati s-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi b'mod elettroniku?

Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-pjan li timplimenta bosta azzjonijiet sabiex tasal għall-e-akkwisti. Dawn huma:

  • il-ħolqien ta' qafas leġiżlattiv effikaċi: f'Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat abbozz ta' Direttiva fuq is-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi b'mod elettroniku, abbozz ta' Direttiva fuq is-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali. Dawn l-abbozzi għandhom jiffavorixxu l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aqwa prattika, kif ukoll isaħħu l-irwol tal-pjattaforma e-Certis (DE) (EN) (FR). Sabiex twettaq dan il-qafas leġiżlattiv, il-Kummissjoni tixtieq ittejjeb l-interoperabilità ta' soluzzjonijiet ta' firem elettroniċi u fil-preżent qiegħda tirrevedi l-qafas eżistenti.
  • il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet konkreti bbażati fuq l-aqwa prattiċi: il-Kummissjoni tirrakkomanda l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet mhux leġiżlattivi, bħall-installazzjoni tat-teknoloġiji tal-informatika ta' ġenerazzjoni ġdida, bil-għan li jiġi ssimplifikat u li jiġi armonizzat il-proċess tax-xiri. F'dan il-kuntest, grupp ta' esperti huwa inkarigat li jifformula rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jippromwovu sistemi ottiċi ta' sejħiet għall-offerti b'mod elettroniku. Il-Kummissjoni Ewropea sejra tippubblika wkoll ir-riżultati ta' studju li għandu l-għan li jidentifika u li jxerred l-aqwa prattiċi f'dan il-qasam.
  • appoġġ għall-użu tal-infrastruttura ta' sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi b'mod elettroniku: il-Kummissjoni tat bidu għal proġett pilota PEPPOL (EN) bil-għan li tipprovdi s-soluzzjonijiet ta' interoperabilità meħtieġa b'konnessjoni ma' pjattaformi ta' sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi b'mod elettroniku li jeżistu diġà. Il-Kummissjoni tipproponi li tappoġġa dan il-proġett fuq perjodu ta' żmien twil. Sejra tiffinanzja wkoll l-iżvilupp tal-infrastruttura permezz ta' mekkaniżmu għall-interkonnessjoni tal-Ewropa, bil-għajnuna, b'mod partikolari, tal-fondi strutturali.
  • żviluppar ta' strateġija ta' diffużjoni: il-Kummissjoni tixtieq tinforma lill-awtoritajiet kontraenti u lill-fornituri bil-vantaġġi ta' sejħiet għal offerti b'mod elettroniku. Sabiex tagħmel dan, hija trid tiddependi b'mod partikolari fuq il-Europe Entreprise Network (EN), kif ukoll fuq ir-reġjuni u l-ibliet tal-Ewropa grazzi għall-programmi ta' netwerking bħalma huwa INTERREG. Il-Kummissjoni sejra torganizza wkoll konferenza annwali fuq is-sejħiet għal offerti għal kuntratti pubbliċi b'mod elettroniku biex tiżgura l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-partijiet b'interess fuq l-iżviluppi fil-qasam tas-sejħiet għal offerti b'mod elettroniku tas-swieq.
  • l-iżgurar tal-monitoraġġ tad-distribuzzjoni: bil-għan li tiżgura l-implimentazzjoni tas-sejħiet għal offerti għall-kuntratti pubbliċi b'mod elettroniku, hemm bżonn tal-iżvilupp ta' indikaturi. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll li jinħolqu sistemi elettroniċi sabiex jiġi ntraċċat l-infiq relatat mas-sejħiet għal offerti għall-kuntratti.
  • ikkunsidrar tad-dimensjoni internazzjonali tal-kuntratti pubbliċi: għandhom jiġu implimentati standards internazzjonali komuni biex jiżguraw operabilità aħjar tal-kuntratti pubbliċi. Sabiex isir dan, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippromwovi d-djalogi internazzjonali fil-qasam tar-regolamentazzjoni tas-sejħiet għall-offerti b'mod elettroniku. L-ewwel rapport annwali dwar is-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi b'mod elettroniku għandu jiġi ppubblikat sa nofs l-2013 bil-għan li jiġi rrapportat il-progress li sar f'dan il-qasam.

Kuntest

Fil-Att dwar is-Suq Uniku tagħha, il-Kummissjoni espremiet il-volontà tagħha li timmodernizza l-qafas leġiżlattiv tal-UE fir-rigward tas-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi. L-importanza ekonomika ta' dan is-settur hija konsiderevoli: il-valur totali tal-kuntratti regolati minn dawn id-direttivi jlaħħaq madwar 447 biljun ewro. L-introduzzjoni ta' proċeduri elettroniċi għandha tippermetti t-tisħiħ tal-effikaċja tas-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti pubbliċi.

L-aħħar aġġornament: 26.12.2012
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna