EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2001/84/KE dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li tintroduċi dritt tal-bejgħ mill-ġdid* obbligatorju għall-benefiċċju ta’ awturi ta’ xogħlijiet tal-arti oriġinali madwar l-UE.

PUNTI EWLENIN

Xogħlijiet tal-arti li magħhom jirrelata d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid

Sakemm ix-xogħlijiet tal-arti jkunu magħmula mill-artist jew sakemm ikunu kopji li minnhom sar biss numru limitat li huma meqjusa bħala xogħlijiet tal-arti oriġinali skont l-użu professjonali (produzzjonijiet limitati jew xogħlijiet iffirmati, pereżempju), id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid japplikka għal xogħlijiet bħal:

  • stampi;
  • collages;
  • pitturi;
  • tpinġijiet;
  • inċiżjonijiet;
  • stampar;
  • litografiji;
  • skulturi;
  • arazzi;
  • ċeramika;
  • xogħol tal-ħġieġ; u
  • ritratti.

Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ma japplikax għal manuskritti oriġinali ta’ kittieba jew kompożituri.

Materja tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid

  • Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid normalment jitħallas mill-bejjiegħ. Madanakollu, pajjiżi tal-UE jistgħu jgħaddu liġijiet li jippermettu lil professjonist ieħor minbarra l-bejjiegħ biex ikun l-unika persuna responsabbli għall-ħlas tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid jew biex jaqsam din ir-responsabbiltà mal-bejjiegħ.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeterminaw ukoll li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ma japplikax:
    • meta l-bejjiegħ ikun kiseb ix-xogħol direttament mill-awtur inqas minn 3 snin qabel il-bejgħ mill-ġdid; u
    • meta l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ma jaqbiżx l-€10 000.

It-terminu tal-protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid

It-terminu tal-protezzjoni huwa stabbilit mid-Direttiva 2006/116/KE li tarmonizza t-terminu tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati u jdum għal perjodu ta’ 70 sena wara l-mewt tal-awtur.

Il-kalkolu tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid

  • Il-pajjiżi tal-UE huma obbligati li jistabbilixxu prezz minimu tal-bejgħ għal bejgħ soġġett għad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Dan il-prezz minimu tal-bejgħ ma jistax jaqbeż it-€3 000.
  • L-artisti jirċievu royalties ikkalkolati bħala perċentwal tal-prezz tal-bejgħ tax-xogħlijiet tagħhom. Il-prezz tal-bejgħ jinqasam f’ħames porzjonijiet, u r-rata tar-royalty tvarja minn 4 % sa 0.25 %, skont il-porzjon.
  • Madanakollu, l-ammont totali tar-royalty ma jistax jaqbeż it-€12 500.

Benefiċjarji

  • Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid jibbenifika lill-awtur tax-xogħol u, wara l-mewt tiegħu jew tagħha, lil dawk intitolati taħtu jew taħtha.
  • Awturi li huma ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE jistgħu jibbenifikaw mid-dritt tal-bejgħ mill-ġdid jekk il-leġiżlazzjoni f’pajjiżhom tippermetti l-protezzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid f’dak il-pajjiż għal awturi minn pajjiżi tal-UE.
  • Madanakollu, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-direttiva għal awturi li huma ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE iżda li r-residenza abitwali tagħhom hija fil-pajjiż tal-UE kkonċernat.

Id-dritt għall-ksib tal-informazzjoni

Għal perjodu ta’ 3 snin wara l-bejgħ mill-ġdid, il-persuni intitolati li jirċievu royalties għandhom id-dritt li jitolbu minn kwalunkwe professjonist ta’ suq tal-arti kwalunkwe informazzjoni li tista’ tkun neċessarja biex jiġi ggarantit il-ħlas tar-royalties mill-bejgħ mill-ġdid.

Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva u l-prinċipji u rakkomandazzjonijiet ewlenin

Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat rapport dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva. Dan ippropona li jiġi stabbilit djalogu mal-partijiet ikkonċernati (inklużi organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tal-ġbir tad-drittijiet, awturi u professjonisti tas-suq tal-arti bħal negozjanti tal-arti, galleriji, irkantaturi) bil-kompitu li jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar kif tista’ tittejjeb is-sistema tal-ġbir tad-drittijiet tal-bejgħ mill-ġdid u d-distribuzzjoni fl-UE. Fl-2014, ir-rappreżentanti ta’ dawn l-organizzazzjonijiet iffirmaw għall-“Prinċipji u Rakkomandazzjonijiet Ewlenin dwar il-ġestjoni tad-Dritt ta’ Bejgħ mill-Ġdid għall-Awtur”.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

  • Din id-direttiva tapplika għax-xogħlijiet tal-arti oriġinali kollha li, fl-1 ta’ Jannar 2006:
    • kienu protetti mil-liġijiet tad-drittijiet tal-awtur tal-pajjiżi tal-UE; jew
    • jissodisfaw il-kriterji tal-protezzjoni skont din id-direttiva.
  • Ilha tapplika mit-13 ta' Ottubru 2001 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta' Jannar 2006.

SFOND

Għalkemm il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi tagħti lill-awtur ta’ xogħol ta’ arti oriġinali d-dritt li jinbiegħ mill-ġdid, dan mhuwiex vinkolanti, li jfisser li ċerti pajjiżi tal-UE ma japplikawhx. B’riżultat ta’ dan, hemm ostakli għas-suq intern u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdanu, kif ukoll nuqqas ta’ protezzjoni għall-awturi ta’ xogħlijiet artistiċi oriġinali.

TERMINI EWLENIN

Dritt tal-bejgħ mill-ġdid: id-dritt, għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti, li jirċievi perċentwal tal-prezz miksub għal kwalunkwe bejgħ mill-ġdid, li jsir minn professjonisti mis-suq tal-arti, ta’ dan ix-xogħol (swali tal-irkant, galleriji jew kwalunkwe suq tal-arti ieħor).

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti (ĠU L 272, 13.10.2001, pp. 32-36)

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Rapport dwar l-Implimentazzjoni u l-Effett tad-Direttiva dwar id-Dritt tal-Bejgħ mill-Ġdid (2001/84/KE) (COM(2011) 878 final, 14.12.2011)

Id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (verżjoni kodifikata) (ĠU L 372, 27.12.2006, pp. 12-18)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/116/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 11.01.2019

Top