EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Statut għal Kumpanija Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut għal Kumpanija Ewropea

Id-Direttiva 2001/86/KE li tissupplimenta l-Istatut għal Kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT U TAD-DIRETTIVA?

  • Ir-regolament dwar l-Istatut għal kumpanija Ewropea jintroduċi forma legali Ewropea għall-kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata li għandhom jitwaqqfu fit-territorju tal-UE, magħrufa bl-isem Latin Societas Europaea — b’hekk l-akronimu tagħhom, SE. Dan joħloq qafas legali uniku li fih il -kumpaniji minn pajjiżi differenti tal-UE jkunu jistgħu jippjanaw u jwettqu r-riorganizzazzjoni tan-negozju tagħhom fuq skala tal-UE kollha kif ukoll f’pajjiżi li jappartjenu għaż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
  • Id-Direttiva tissupplimenta r-regolament. Dan sabiex jiġi żgurat li l-istabbiliment ta’ SE ma jirriżultax fl-għajbien jew it-tnaqqis tal-prattiki tal-involviment tal-impjegati li jeżistu fil-kumpaniji li jipparteċipaw fl-istabbiliment ta’ dik l-SE, minħabba d-diversi regoli u prattiki madwar il-pajjiżi tal-UE dwar kif ir-rappreżentanti tal-impjegati huma involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji.
  • L-annessi tar-regolament ġew emendati diversi drabi sabiex jitqiesu l-bidliet fl-ekwivalenti nazzjonali għall-kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, kif ukoll pajjiżi addizzjonali li ngħaqdu mal-UE. Fl-2020, wara li faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, ġiet emendata bir-Regolament (UE) 2020/699, li introduċa miżuri temporanji li jikkonċernaw il-laqgħat ġenerali tal-SEs.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament (KE) Nru 2157/2001

Applikazzjoni kkombinata għar-Regolament SE u l-liġi nazzjonali

SE bl-uffiċċju rreġistrat tagħha f’pajjiż tal-UE hija rregolata:

  • mir-regoli li jinsabu fir-regolament; u
  • għal dawk l-aspetti mhux koperti mir-regolament, mir-regoli nazzjonali adottati biex jiġu applikati miżuri tal-UE mmirati speċifikament lejn l-SE u dawk li japplikaw għall-kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata — bħala regola ġenerali, l-istralċ, il-likwidazzjoni, l-insolvenza u s-sospensjoni tal-pagamenti huma fil-biċċa l-kbira rregolati mil-liġi nazzjonali applikabbli.

Regoli għall-istabiliment ta’ SE

SE hija stabbilta minn tal-anqas żewġ kumpaniji li joriġinaw minn pajjiżi taż-ŻEE differenti, li jfisser li tista’ tinħoloq biss minn bażi eżistenti. Għandu jkollha kapital minimu ta’ EUR 120,000 u tista’ tinħoloq bil-modi li ġejjin.

Tip ta’ kostituzzjoni

Tip ta’ kumpanija

Kriterji li għandhom jiġu sodisfatti

Fużjoni (biex tiġi stabbilita SE)

Kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata

Tal-anqas tnejn mill-kumpaniji għandhom joriġinaw minn pajjiżi differenti taż-ŻEE

Stabbiliment ta’ kumpanija azzjonarja Ewropea

Kumpaniji pubbliċi jew privati b’responsabbiltà limitata

Tal-anqas tnejn mill-kumpaniji għandhom joriġinaw minn pajjiżi differenti taż-ŻEE jew għandu jkollhom sussidjarja jew fergħa f’pajjiż ieħor tal-UE għal tal-anqas sentejn

Stabbiliment ta’ sussidjarja Ewropea

Kumpaniji, ditti jew entitajiet legali oħra

Tal-anqas tnejn mill-entitajiet għandhom joriġinaw minn pajjiżi differenti taż-ŻEE jew għandu jkollhom sussidjarja jew fergħa f’pajjiż ieħor tal-UE għal tal-anqas sentejn

Konverżjoni

Kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata

Il-kumpanija għandu jkollha sussidjarja f’pajjiż ieħor taż-ŻEE għal tal-anqas sentejn

SE:

  • tista’ toħloq kumpanija sussidjarja (jew aktar) li huma wkoll SEs;
  • għandu jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fil-pajjiż fejn ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha;
  • tista’ tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat fiż-ŻEE mingħajr ma jkun hemm għalfejn ixxolji l-kumpanija oriġinali biex tifforma waħda ġdida.

Ir-reġistrazzjoni u t-tlestija tal-likwidazzjoni ta’ SE tiġi ppubblikata għal informazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

żewġ strutturi ta’ organizzazzjoni possibbli

L-istatuti tal-SE jistgħu jkunu relatati ma’ żewġ sistemi organizzazzjonali differenti:

  • is-sistema fuq żewġ livelli, fejn il-ġestjoni tal-kumpanija tikkonsisti f’bord ta’ ġestjoni u bord superviżorju; u
  • is-sistema fuq livell wieħed, fejn il-ġestjoni tal-kumpanija tikkonsisti f’bord amministrattiv.

Nuqqas ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa

L-SEs huma soġġetti għal taxxi u imposti fil-pajjiżi kollha taż-ŻEE skont ir-regoli applikabbli f’dawk il-pajjiżi.

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2020/699 jintroduċi eċċezzjoni temporanja għar-regoli li jirregolaw l-SEs (u s-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (SCEs), maħluqa skont ir-Regolament (KE) Nru 1435/2003). Peress li l-miżuri ta’ konfinament u ta’ tbegħid soċjali tal-COVID-19 jagħmluha diffiċli għall-SEs u l-SCEs biex jorganizzaw il-laqgħat ġenerali tagħhom fi żmien 6 xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja tagħhom, kif inhu legalment meħtieġ, din il-miżura temporanja tippermetti lill-SEs u lill-SCEs jagħmlu l-laqgħat ġenerali tagħhom fi żmien 12-il xahar mit-tmiem tas-sena finanzjarja, iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020.

Id-Direttiva 2001/86/KE

Involviment tal-impjegati fl-SE

  • Il-maniġment u r-rappreżentanti tal-impjegati għandhom jiddeċiedu dwar l-involviment tal-impjegati fl-SE qabel ma tiġi rreġistrata l-SE.
  • Dan il-ftehim għandu jinkludi proċeduri ta’ informazzjoni u konsultazzjoni u fejn xieraq, involviment tal-impjegati fil-korpi maniġerjali tal-SE.
  • Dan l-involviment huwa madankollu obbligatorju biss jekk l-impjegati diġà bbenefikaw minnu qabel il-ħolqien tal-SE.
  • Fejn żewġ partijiet ma jistgħux jilħqu arranġament sodisfaċenti, serje ta’ prinċipji standard elenkati fl-anness għad-Direttiva mbagħad japplikaw.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENT U D-DIRETTIVA?

  • Ir-regolament ilu japplika mit-8 ta’ Ottubru 2004.
  • Id-direttiva ilha tapplika mil-10 ta’ Novembru 2001 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-8 ta’ Ottubru 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1-21)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2157/2001 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22-32)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/699 tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar miżuri temporanji li jikkonċernaw il-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji Ewropej (SEs) u tas-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (SCEs) (ĠU L 165, 27.5.2020, pp. 25-26)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1-24)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment ta’ l-impjegati (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25-36)

l-aħħar aġġornament 28.09.2020

Top