RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Politika tas-sigurtà u tad-difiża komuni

INTRODUZZJONI

Il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tissostitwixxi l-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (PESD). It-Trattat ta' Lisbona jagħmel din il-bidla fl-isem waqt li jiddedika sezzjoni ġdida għal din il-politika fi ħdan it-Trattati fundaturi. B'hekk, it-Trattat ta' Lisbona jimmarka l-importanza u l-ispeċifiċità tal-PSD, li madankollu tibqa' tifforma parti integrali mill-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK).

Minbarra dan ir-rikonoxximent ġdid, it-Trattat ta' Lisbona jintroduċi wkoll dispożizzjonijiet ġodda bil-għan li tiġi żviluppata l-PSDK. L-innovazzjonijiet prinċipali għandhom l-għan li jistabbilixxu b'mod progressiv difiża Ewropea komuni.

L-Istati Membri b'hekk jistgħu jipparteċipaw f'missjonijiet militari jew umanitarji u issa huma marbuta bi klawsola ta' solidarjetà fil-qasam tad-difiża Ewropea. Huma għandhom aktar mezzi biex jikkooperaw aktar mill-qrib f'dan il-qasam, b'mod partikolari fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża jew bl-istabbiliment ta' kooperazzjoni strutturata permanenti.

Bħal fit-Trattati preċedenti, il-PSDK tibqa' kwistjoni fundamentalment intergovernattiva. Il-Kunsill tal-UE jiddeċiedi prinċipalment fuq bażi ta' unanimità. Il-finanzjament u l-mezzi operattivi tal-missjonijiet immexxija fil-qafas tal-PSDK huma, barra minn hekk, ipprovduti mill-Istati Membri.

IT-TKABBIR TAL-MISSJONIJIET IMMEXXIJA FIL-QAFAS TAL-PSDK

Il-PSDK toffri qafas ta' kooperazzjoni li permezz tiegħu l-UE tista' tmexxi missjonijiet operattivi f'pajjiżi terzi. Dawn il-missjonijiet b'mod partikolari għandhom bħala għan iż-żamma tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali. Dawn huma bbażati fuq mezzi ċivili u militari pprovduti mill-Istati Membri.

Sa qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-missjonijiet li setgħu jsiru fi ħdan il-qafas tal-PSDK kienu:

  • il-missjonijiet umanitarji u ta' evakwazzjoni;
  • il-missjonijiet ta' prevenzjoni ta' kunflitti u ta' żamma tal-paċi;
  • il-missjonijiet ta' forzi ta' kumbattiment għall-ġestjoni ta' kriżijiet.

Ma' din il-lista, it-Trattat ta' Lisbona jżid tliet missjonijiet ġodda:

  • l-azzjonijiet konġunti fil-qasam tad-diżarmament;
  • il-missjonijiet ta' konsulenza u assistenza fil-qasam militari;
  • l-operazzjonijiet ta' stabbilizzazzjoni fit-tmiem ta' kunflitti.

Il-Kunsill jiddefinixxi l-objettivi u l-proċeduri ġenerali għat-twettiq ta' dawn il-missjonijiet. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, issa jista' jiddelega t-twettiq ta' missjoni lil grupp ta' Stati Membri li kienu jixtiequ jwettqu tali missjoni u li jkollhom il-mezzi ċivili u militari meħtieġa. L-Istati Membri inkarigati mit-tmexxija tal-operazzjonijiet għandhom jinfurmaw lill-Kunsill regolarment dwar l-istat tal-missjoni. Barraminnhekk, huma għandhom jaġixxu b'kollaborazzjoni mar-rappreżentant għoli għall-affarijiet barranin u l-politika tas-sigurtà.

Barra minn hekk, it-Trattat ta' Lisbona jirrikonoxxi l-possibbiltà ta' intervent minn forzi multinazzjonali fit-twettiq tal-PSDK. Dawn il-forzi jirriżultaw minn alleanza militari bejn ċerti Stati Membri li jkunu ddeċidew li jgħaqqdu l-kapaċitajiet, it-tagħmir u l-persunal tagħhom. Il-“Forzi Ewropej” prinċipali huma:

  • l-Eurofor, li tħaddan forzi tal-art ta' Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall;
  • l-Eurocorps, li tħaddan forzi tal-art tal-Ġermanja, il-Belġju, Spanja, Franza u l-Lussemburgu;
  • l-Euromarfor, li tħaddan il-forzi marittimi ta' Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall;
  • il-Grupp tal-Ajru Ewropew li jħaddan il-forzi tal-ajru tal-Ġermanja, il-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit.

KLAWSOLA TA' DIFIŻA REĊIPROKA

It-Trattat ta' Lisbona jintroduċi għall-ewwel darba klawsola ta' difiża reċiproka li torbot b'mod speċifiku lill-Istati Membri tal-UE. B'hekk, Stat Membru li jġarrab attakk armat fuq it-territorju tiegħu jista' jserraħ moħħu mill-għajnuna u l-assistenza tal-Istati Membri oħrajn li huma obbligati jaqbżu għalih.

Dik il-klawsola hija kkundizzjonata minn żewġ restrizzjonijiet:

  • il-klawsola ta' difiża reċiproka ma taffettwax il-politika tas-sigurtà u tad-difiża ta' ċerti Stati Membri, b'mod partikolari dawk li huma tradizzjonalment newtrali;
  • il-klawsola ta' difiża reċiproka ma taffettwax l-impenji mogħtija fil-kuntest tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) (EN) (FR).

L-AĠENZIJA EWROPEA GĦAD-DIFIŻA

It-Trattat ta' Liżona jestendi u jippreċiża l-kompetenzi tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Din għandha l-għan prinċipali li ttejjeb il-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, l-Aġenzija għandha:

  • tiffissaobjettivi komuni għall-Istati Membri fil-qasam tal-kapaċità militari;
  • tistabbilixxiprogrammi u tiżgura l-ġestjoni tagħhom sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti;
  • tarmonizza l-bżonnijiet operattivi tal-Istati Membri u b'hekk ittejjeb il-metodi ta' akkwist tat-tagħmir militari;
  • tiġġestixxi l-attivitajiet ta' riċerka fil-qasam tat-teknoloġija tad-difiża;
  • tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża u għat-titjib tal-effettività tal-ispejjeż militari.

IL-KOOPERAZZJONI STRUTTURATA PERMANENTI

Il-kooperazzjoni strutturata permanenti tirreferi għal forma ta' kooperazzjoni saħansitra aktar profonda bejn ċerti Stati Membri fil-qasam tad-difiża. Din hija s-suġġett ta' protokoll anness mat-Trattat ta' Lisbona.

F'dan il-kuntest, l-Istati Membri parteċipanti huma impenjati li jiżviluppaw b'mod aktar intensiv il-kapaċità tagħhom ta' difiża u jipprovdu unitajiet ta' kumbattiment għall-missjonijiet previsti. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti b'hekk huma s-suġġett ta' evalwazzjoni regolari mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.

Il-kooperazzjoni strutturata permanenti għandha tkun awtorizzata mill-Kunsill li jiddeċiedi b'maġġoranza kkwalifikata fuq talba tal-Istati parteċipanti. Ebda quorum ta' Stati Membri mhu meħtieġ biex tiġi stabbilita. Kull Stat Membru huwa liberu li jitlaq minn jew jissieħeb mal-kooperazzjoni permanenti kemm-il darba jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet tas-sħubija.

L-aħħar aġġornament: 07.05.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna