RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


It-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea

INTRODUZZJONI

It-Trattat ta’ Lisbona jqiegħed liċ-ċittadin fil-qalba tal-Unjoni Ewropea (UE) u tal-istituzzjonijiet tagħha. Huwa għandu l-għan li jqajjem mill-ġdid l-interess taċ-ċittadin fl-UE u l-kisbiet tagħha li xi drabi jidhru mbiegħda wisq. Għaldaqstant wieħed mill-għanijiet tat-Trattat ta’ Lisbona huwa l-promozzjoni ta’ demokrazija Ewropea li toffri opportunità liċ-ċittadini li jinteressaw ruħhom u jipparteċipaw fil-funzjonament u fl-iżvilupp tal-UE.

Għan bħal dan jeħtieġ neċessarjament rikonoxximent akbar taċ-ċittadinanza Ewropea fit-Trattati fundaturi tal-UE. It-Trattat ta’ Lisbona jistinka wkoll sabiex jissimplifika u jiċċara l-funzjonament tal-Unjoni sabiex jagħmilha tinftiehem aktar, u għalhekk aċċessibbli aktar għaċ-ċittadini. Fl-aħħar nett, it-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ ir-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin fil-proċess Ewropew. Il-ħolqien ta’ inizjattiva taċ-ċittadini huwa wieħed mill-innovazzjonijiet ewlenin.

RIKONOXXIMENT AKBAR TAĊ-ĊITTADINI FIT-TRATTATI

It-Trattat ta’ Lisbona jintroduċi Artikolu ġdid li fih jirrikonoxxi b’mod sħiħ iċ-ċittadinanza Ewropea. Għalhekk, l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar l-UE jispeċifika li ċ-ċittadini huma direttament irrappreżentati fil-livell istituzzjonali mill-Parlament Ewropew. L-istess Artikolu jżid li din id-demokrazija rappreżentattiva hija waħda mill-pedamenti tal-UE. Rikonoxximent bħal dan ma jġibx drittijiet ġodda għaċ-ċittadini iżda għandu valur simboliku billi jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ċittadinanza Ewropea fit-Trattati fundaturi.

L-Artikolu 10 barra minn hekk jistabbilixxi prinċipju ta’ prossimità li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu qrib kemm jista’ jkun taċ-ċittadini. Dan il-prinċipju japplika l-aktar fl-implimentazzjoni tal-kompetenzi fi ħdan l-UE. Din l-implimentazzjoni għandha għalhekk tinvolvi bl-aktar mod effikaċi l-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali, b’mod li l-UE titressaq aktar qrib iċ-ċittadini tagħha.

UNJONI EWROPEA AKTAR AĊĊESSIBBLI GĦAĊ-ĊITTADINI

Spiss l-UE tat l-impressjoni ta’ bini b’arkitettura u proċeduri kumplessi. It-Trattat ta’ Lisbona jiċċara l-funzjonament tal-UE sabiex jagħmilha tinftiehem aktar miċ-ċittadini tagħha. L-ammont kbir ta’ proċeduri leġiżlattivi issa qegħdin iċedu posthom għal proċedura ta’ liġi komuni u proċeduri speċjali dettaljati każ b’każ. Bl-istess mod, l-istruttura antika ta’ pilastri tneħħiet u minflokha sar tqassim ċar u preċiż tar-responsabbiltajiet fi ħdan l-UE.

Fl-istess perspettiva, it-Trattat ta’ Lisbona jtejjeb it-trasparenza tal-ħidma fi ħdan l-UE. Għaldaqstant, huwa jestendi għall-Kunsill il-prinċipju tal-pubblikazzjoni tad-diskussjonijiet, li diġà huwa applikat fi ħdan il-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, din iż-żieda fit-trasparenza tippermetti li ċ-ċittadini jkunu informati aktar dwar il-kontenut tad-dibattiti leġiżlattivi.

RAPPREŻENTANZA MSAĦĦA FIL-LIVELL ISTITUZZJONALI

It-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ b’mod konsiderevoli s-setgħat tal-Parlament Ewropew (ara l-iskeda “Parlament Ewropew”). Fost il-bidliet l-aktar importanti hemm:

  • it-tisħiħ tas-setgħa leġiżlattiva: il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li fiha l-Parlament għandu l-istess setgħat tal-Kunsill, hija estiża għal oqsma politiki ġodda;
  • rwol akbar fil-livell internazzjonali: il-Parlament għandu japprova l-ftehimiet internazzjonali fl-oqsma koperti mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
  • it-tisħiħ tas-setgħa baġitarja: il-Parlament issa jinsab fl-istess livell tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ adozzjoni tal-baġit annwali tal-UE.

Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona jkabbar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-UE (ara l-iskeda “parlamenti nazzjonali”). Dawn tal-aħħar jistgħu wkoll jiddefendu l-vuċi taċ-ċittadini fi ħdan l-UE. B’mod speċifiku, il-parlamenti nazzjonali għandhom minn issa ’l quddiem jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għal dan il-għan, huma jistgħu jintervjenu fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja u għandhom id-dritt ta’ tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

PARTEĊIPAZZJONI AKBAR TAĊ-ĊITTADINI FIL-PROĊESS TA’ TEĦID TA’ DEĊIŻJONIJIET

It-Trattat ta’ Lisbona jistabbilixxi għall-ewwel darba id-dritt ta’ inizjattiva taċ-ċittadini, introdotta mill-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-UE: mill-inqas miljun ċittadin Ewropew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar suġġett speċifiku. Din id-dispożizzjoni tirrifletti r-rieda tal-UE li tinkludi liċ-ċittadini tagħha fil-proġetti Ewropej u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jolqtuhom.

Dan id-dritt huwa soġġett għal diversi kundizzjonijiet. Il-limitu minimu ta’ miljun ċittadin jista’ jidher impressjonanti għall-ewwel. Madankollu dan jintlaħaq faċilment minn fost popolazzjoni Ewropea ta’ kważi nofs biljun ruħ u bis-saħħa ta’ teknoloġiji ġodda fil-qasam tal-komunikazzjoni. L-Artikolu 11 jispeċifika, barra minn hekk, li ċ-ċittadini firmatarji għandhom ikunu ċittadini ta’ għadd sinifikanti ta’ Stati Membri, l-aktar sabiex ikun evitat il-ħarsien tal-interessi essenzjalment nazzjonali.

Barra minn hekk, id-dritt ta’ Inizjattiva taċ-Ċittadini ma tneħħix il-monopolju ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea. Din tal-aħħar tibqa’ libera li ssegwi, jew le, l-inizjattiva proposta miċ-ċittadini Ewropej. Jekk din l-inzjattiva twassal għal proposta leġiżlattiva, allura l-att ikun adottat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew proċedura leġiżlattiva speċjali.

L-aħħar aġġornament: 26.03.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna