RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Il-Parlament Ewropew

INTRODUZZJONI

It-tqassim tas-siġġijiet bejn l-Istati Membri u s-setgħa tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv kienu spiss fil-qalba tad-dibattiti waqt ir-reviżjonijiet preċedenti tat-Trattati.

Matul it-tkabbir suċċessiv tal-Unjoni Ewropea (UE), l-għadd ta’ membri preżenti fil-Parlament żdied b’mod regolari u wassal għal negozjati fit-tul bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-membri parlamentari Ewropej raw is-setgħat tagħhom jikbru b’mod konsiderevoli b’mod partikolari minħabba l-ġeneralizzazzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni.

It-Trattat ta’ Lisbona jipproponi proċedura ġdida rigward l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament u jżid ferm is-setgħat leġiżlattivi u baġitarji tiegħu permezz tal-bidla fil-proċeduri deċiżjonali tal-UE.

KOMPOŻIZZJONI

It-tqassim tas-siġġijiet bejn l-Istati Membri fil-Parlament huwa suġġett kumpless. Dan it-tqassim għandu qabel kollox iżomm proporzjon sodisfaċenti bejn is-siġġijiet allokati lill-Istati Membri u l-popolazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, in-numru totali ta’ parlamentari ma jistax jaqbeż ċertu limitu sabiex ma jippreġudikax l-effikaċja tal-ħidma tal-Parlament.

In-numru ta’ siġġijiet fi ħdan il-Parlament għaldaqstant kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet twal u t-tqassim dettaljat tas-siġġijiet għal kull Stat kien tradizzjonalment inkluż fid-diversi Trattati li jemendaw. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dan it-tqassim tas-siġġijiet m’għadux jidher fit-Trattati. Issa dan għandu jiġi propost mill-Parlament qabel ma jkun adottat unanimament mill-Kunsill Ewropew.

Għalhekk it-Trattat ta’ Lisbona jħalli f’idejn il-Parlament Ewropew ir-responsabbiltà li jipproponi t-tqassim tas-siġġijiet tiegħu stess, iżda madankollu jistabbilixxi r-regoli bażiċi li fil-kuntest tagħhom għandu jsir dan it-tqassim:

  • in-numru massimu ta’ membri parlamentari huwa ta’ 751, inkluż il-President tal-Parlament;
  • il-minimu tas-siġġijiet għal kull Stat Membru huwa ta’ sitt membri parlamentari b’mod li kull kurrent politiku importanti jkollu l-possibbiltà li jkun irrappreżentat, anki fil-każ tal-Istati Membri l-inqas popolati;
  • in-numru massimu ta’ siġġijiet għal kull Stat Membru huwa ta’ 96;
  • it-tqassim tas-siġġijiet għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju tal-“proporzjonalità gradwali”. Fi kliem ieħor, aktar ma Stat ikun popolat, aktar għandu jkollu membri parlamentari u aktar in-numru ta’ abitanti rrappreżentati minn membru parlamentari għandu jkun kbir.

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI

Il-Parlament Ewropew elett f’Ġunju 2009 huwa magħmul minn 736 membru parlamentari kif jipprovdi t-Trattat ta’ Nizza. Il-Kunsill Ewropew, madankollu, antiċipa d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona billi pprovda miżuri tranżitorji rigward il-kompożizzjoni tal-Parlament. Għalhekk, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 u tat-12 ta’ Diċembru 2008, huwa jispeċifika li n-numru ta’ membri parlamentari għandu jitla’ għal 754 fi tmiem il-leġiżlatura 2009-2014. Din il-bidla għandha tiġi rratifikata mill-Istati Membri kollha. Sakemm issir l-adozzjoni definittiva ta’ din iż-żieda fl-għadd ta’ membri parlamentari, it-18-il membru parlamentari Ewropew supplementari jkollhom biss status ta’ osservaturi.

FUNZJONIJIET

It-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ il-karattru demokratiku tal-UE billi jestendi l-prerogattivi tal-Parlament Ewropew. Il-proċedura ta’ kodeċiżjoni, li fiha l-Parlament jinsab fuq l-istess livell tal-Kunsill, issa hija msemmija “proċedura leġiżlattiva ordinarja”. Din il-proċedura hija estiża għal oqsma ta' politiki ġodda, bħall-agrikultura, il-ġustizza u l-immigrazzjoni (ara l-iskeda “proċeduri legiżlattivi”). Il-Parlament iżomm ukoll id-dritt tal-approvazzjoni għall-atti adottati fil-qafas tal-proċeduri ta’ konsultazzjoni u ta’ kunsens, minn issa ’l quddiem imsejħa “proċeduri leġiżlattivi speċjali”.

Fuq il-livell internazzjonali, il-Parlament għandu japprova sensiela sħiħa ta’ ftehimiet bħall-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jew il-ftehimiet fl-oqsma koperti mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali meta din tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament. Barra minn hekk, għandu jkun informat u kkonsultat dwar kwalunkwe tip ieħor ta’ ftehimiet internazzjonali.

Il-kompetenzi baġitarji tal-Parlament ukoll issaħħu. Issa jinsab fuq l-istess livell tal-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-baġit annwali tal-UE. Speċifikament, id-distinzjoni bejn in-“nefqa mhux obbligatorja” li fuqha l-Parlament kellu d-deċiżjoni finali, u n-“nefqa obbligatorja” li għaliha il-Parlament seta’ biss jipproponi xi emendi, issa tneħħiet. Il-proċedura hija ukoll issemplifikata u minn issa ’l quddiem soġġetta għal qari uniku tal-Parlament u tal-Kunsill, imbagħad għal kumitat ta’ konċiljazzjoni jekk ikun il-każ (artikolu 314 tat-Trattat dwar l-UE).

Il-Parlament iżomm ukoll kontroll politiku qawwi fuq il-Kummissjoni Ewropea. Huwa għandu jeleġġi l-President tagħha, imbagħad jaqbel dwar in-nomina tal-Kummissjoni kollha. Skont l-Artikolu 234 tat-Trattat dwar l-UE, jista’ wkoll ixolji l-Kummissjoni billi jivvota mozzjoni ta’ ċensura kontriha.

Fl-aħħar nett, il-Parlament jikseb aktar responsabbiltajiet f’dak li jirrigwarda r-reviżjoni tat-Trattati li jistabbilixxu l-UE. Għaldaqstant huwa għandu d-dritt ta’ inizjattiva u jista’ għalhekk jipproponi reviżjoni tat-Trattati lill-Kunsill. Huwa membru tal-Konvenzjoni li teżamina l-proġetti ppreżentati fil-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja tat-Trattati. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni simplifikata, fejn mhuwiex meħtieġ l-intervent ta’ Konvenzjoni, il-konsultazzjoni mal-Parlament tibqa’ meħtieġa għall-emendi tat-Trattati.

TABELLA TA' RIKAPITULAZZJONI

ArtikoliSuġġett
Trattat dwar l-UE

14

Ir-rwol u l-kompożizzjoni tal-Parlament

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE

223 sa 234

Il-mod kif jaħdem u jiffunzjona l-Parlament
L-aħħar aġġornament: 07.01.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna