RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

Il-Kummissjoni Ewropea

INTRODUZZJONI

It-Trattat ta’ Lisbona jafferma mill-ġdid il-funzjonijiet essenzjali tal-Kummissjoni rigward id-dritt ta’ inizjattiva tagħha, il-funzjonijiet tagħha ta’ eżekuzzjoni, ta’ kontroll u ta’ rappreżentanza. Għadd ta’ bidliet li saru jirrigwardaw l-aktar il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni. Il-ħolqien tal-kariga tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà huwa wieħed mill-innovazzjonijiet prinċipali. Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona jirsisti sabiex jipprovdi tweġiba sodisfaċenti għall-kwistjoni, diskussa fit-tul waqt it-Trattati ta’ Amsterdam u ta' Nizza, dwar in-numru ta’ Kummissarji. Fl-aħħar nett, b’kontinwazzjoni tat-trattati preċedenti li jemendaw, isaħħaħ ir-rwol u s-setgħat tal-President.

IL-KOMPOŻIZZJONI

L-ewwel Kummissjoni, maħtura taħt it-Trattat ta’ Lisbona fl-2009, hija magħmula minn Kummissarju għal kull Stat Membru. Madankollu, mill-2014, it-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tkun magħmula minn numru ta’ Kummissarji inqas minn dak ta’ Stati Membri. Il-membri tal-Kummissjoni sejrin ikunu magħżula fuq il-bażi ta’ rotazzjoni ugwali li t-termini tagħha sejrin ikunu adottati mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’mod unanimu u skont il-prinċipji li ġejjin:

  • in-numru ta’ Kummissarji għandu jikkorrispondi għaż-żewġ terzi tan-numru ta’ Stati Membri;
  • l-Istati Membri għandhom ikunu ttrattati fuq bażi ugwali f’dak li jirrigwarda l-ordni li fih iċ-ċittadini tagħhom jidħlu u t-tul ta’ żmien li jagħmlu fi ħdan il-Kulleġġ. Fl-ebda każ ma jista’ jkun hemm żewġ membri tal-istess nazzjonalità fil-Kulleġġ;
  • kull wieħed mill-kulleġġi suċċessivi għandu jkun magħmul b’mod li jirrifletti fl-aħjar mod id-diversità demografika u ġeografika tal-Istati Membri kollha tal-UE.

Din is-sistema ta’ rotazzjoni hija r-regola ġenerali stabbilita fit-Trattat dwar l-UE. Madankollu, it-Trattat jipprovdi deroga minħabba li l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’mod unanimu, jista’ jiddeċiedi li jibdel l-għadd ta’ Kummissarji. Din l-għażla diġà saret. Il-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008 , bl-għan li jiffaċilita d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ippjana li jadotta deċiżjoni sabiex il-Kummissjoni tkompli tinkludi ċittadin minn kull Stat Membru anki wara l-2014.

It-Trattat ta’ Lisbona joħloq ukoll funzjoni ġdida fi ħdan il-Kummissjoni: ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà. Dan jieħu post kemm il-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni kif ukoll l-Uffiċjal Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Ir-rwol tiegħu huwa li jmexxi l-politika barranija tal-Unjoni. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà jippresjedi l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, iżda huwa ukoll wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni. Huwa jinħatar mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, bi qbil mal-President tal-Kummissjoni. Fl-istess waqt, huwa jiġi ppreżentat, flimkien mal-President u l-membri l-oħrajn tal-Kummissjoni, għall-vot ta’ approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

IL-PROĊEDURI TAL-ĦATRA

Il-mod kif jintgħażel il-President tal-Kummissjoni ma nbidilx. Huwa jiġi propost mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, imbagħad approvat mill-Parlament Ewropew. Madankollu, it-Trattat ta’ Lisbona jġedded billi jintroduċi rabta diretta bejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet fil-Parlament Ewropew u l-għażla tal-kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni. Issa, il-Kunsill Ewropew ikollu jikkunsidra r-riżultati fil-Parlament meta jinnomina lill-persuna li għandu l-ħsieb li jaħtar bħala President tal-Kummissjoni. Dan it-tibdil iżid il-piż tal-Parlament fin-nomina tal-President u jsaħħaħ għalhekk l-implikazzjonijiet politiċi marbuta mal-elezzjonijiet Ewropej.

Wara dan, il-Kunsill, bi ftehim komuni mal-President elett, jadotta l-lista ta’ persuni li jipproponi li jaħtar bħala membri tal-Kummissjoni, ħlief għar-rappreżentant għoli għall-affarijiet barranin u l-politika tas-sigurtà. Il-membri tal-Kummissjoni jintgħażlu skont il-kompetenza ġenerali u l-indipendenza tagħhom. It-Trattat ta’ Lisbona jżid kriterju ġdid rigward l-impenn Ewropew tagħhom.

IR-RWOL TAL-PRESIDENT

It-Trattati ta’ Amsterdam u ta’ Nizza kienu wessgħu sew is-setgħat tal-President tal-Kummissjoni. Fil-fatt, dan għandu jiddefinixxi d-direzzjoni politika tal-Kulleġġ, iżda wkoll jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni. Il-President għaldaqstant iqassam il-kompiti lid-diversi Kummissarji u jista’ jibdel ir-responsabbiltajiet matul il-mandat tiegħu. Huwa jaħtar il-Viċi Presidenti minn fost il-membri tal-Kummissjoni, ħlief għar-rappreżentant għoli għall-affarijiet barranin u l-politika tas-sigurtà. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jista’ wkoll jobbliga Kummissarju jħalli l-kariga tiegħu mingħajr ma jkun meħtieġ jitlob l-approvazzjoni tal-Kulleġġ.

TABELLA TA' RIKAPITULAZZJONI

ArtikoliSuġġett

Trattat dwar l-UE

17

Ir-rwol u l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni; nomina u setgħat tal-President tal-Kummissjoni

18

Nomina u setgħat tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE

244 sa 250

Kif taħdem il-Kummissjoni

L-aħħar aġġornament: 22.12.2009
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna