RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 22-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda temenda r-regoli ta’ proċedura tagħha sabiex tagħmilhom aktar faċli biex jinftiehmu u jinqraw mil-litiganti u l-qrati nazzjonali. Biħsiebha wkoll tadatta l-istruttura u l-kontenut tagħhom sabiex jikkunsidraw aħjar il-fatti u l-evoluzzjoni tal-litigazzjoni tagħha.

ATT

Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2012 (Ġurnal Uffiċjali L 265, 29.9.2012).

SOMMARJU

Dan ir-regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiġi implimentat u jitlesta l-Istatut tal-Qorti li jinsab fil-Protokoll Nru 3 anness għat-Trattati.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija waħda mit-tliet qrati li jiffurmaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA). Iż-żewġ ġurisdizzjonijiet l-oħrajn huma Tribunal et le it-Tribunal għas-servizz pubbliku. Il-missjoni tagħhom hija li jiżguraw l-istat tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati, inkluż bil-kontroll tal-legalità tal-atti tal-Unjoni.

Organizzazzjoni tal-Qorti

Il-Qorti hija organizzata kif ġej:

  • Kompożizzjoni tal-Qorti: Il-Qorti tinkludi 27 imħallef u 8 avukati ġenerali, eletti għal sitt snin. L-avukati ġenerali huma responsabbli milli jassistu lill-Qorti u jagħtu pariri legali. L-Imħallfin jeleġġu l-President tal-Qorti, kif ukoll il-Viċi President, għal tliet snin. Il-President huwa inkarigat milli jirrappreżenta lill-Qorti u jmexxi l-ħidma tagħha; il-Viċi President jgħinu fil-funzjonijiet tiegħu.
  • Il-kostituzzjoni tal-awli u l-ħatra tal-imħallfin relaturi: Il-Qorti fiha fi ħdanha awli b’ħames imħallfin, li l-president tagħhom jiġi maħtur għal tliet snin, u awli bi tliet imħallfin, li l-president tagħhom ikun maħtur għal sena. Biex jittratta każ, il-President tal-Qorti jagħżel imħallef relatur, filwaqt li avukat ġenerali jintgħażel mill-Avukat Ġenerali ewlieni. Jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tista’ taħtar assistenti relaturi.
  • Ir-rwol tar-Reġistratur: Il-Qorti taħtar Reġistratur għal perjodu ta’ sitt snin. Dan huwa inkarigat milli jirċievi, jibgħat, iżomm id-dokumenti kollha, u huwa responsabbli mill-arkivji. Barra minn hekk, huwa jgħin lill-membri tal-Qorti u jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tagħha. Fl-aħħar nett, huwa jmexxi s-servizzi tal-istituzzjoni taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti.
  • Kif taħdem il-Qorti: Il-każijiet jiġu assenjati lis-seduta plenarja, lill-Awla Manja jew awla b’ħames jew tliet Imħallfin. Diversi kawżi jistgħu jiġu deċiżi flimkien mill-istess kulleġġ ġudikanti. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti għandhom jibqgħu sigrieti.
  • Sistema lingwistika: Kull kawża għandha lingwa ta’ proċedura. Fir-rikorsi diretti r-rikorrent jista’ jagħżel lingwa minn fost it-tlieta u għoxrin lingwa uffiċjali tal-Unjoni. Fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari l-lingwa tal-proċedura hija dik tal-qorti nazzjonali.

Karatteristiċi tal-proċedura

Il-proċedura quddiem il-Qorti tinkludi fil-prinċipju l-fażijiet li ġejjin:

  • Il-proċedura bil-miktub: din tikkonsisti fi skambju ta’ noti bejn il-partijiet. Dawn in-noti għandhom ikollhom kontenut definit tajjeb. Ladarba l-proċedura tintemm, l-imħallef relatur jippreżenta rapport preliminari waqt il-laqgħa ġenerali tal-Qorti.
  • Miżuri istruttorji: Il-Qorti għandha l-possibbiltà li tistabbilixxi miżuri istruttorji bħad-dehra tal-partijiet, it-talba għall-informazzjoni u għad-dokumenti, il-provi permezz tax-xhieda, il-perizja jew l-aċċess fuq il-post. Rapport ikun imħejji għal kull seduta istruttorja.
  • Il-proċedura orali sseħħ wara l-istruttorja jekk ikun hemm il-ħtieġa. Il-President jiftaħ u jmexxi t-trattazzjoni. Il-proċedura orali tista’ ssir fil-magħluq.
  • Il-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali: wara li tintemm din il-proċedura, l-avukat ġenerali jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu.
  • Id-deċiżjoni finali: Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi permezz ta’ sentenza jew ta’ digriet. Is-sentenza biss tinqara waqt seduta pubblika. Is-sentenzi u d-digrieti jkunu jinkludu informazzjoni varja, bħas-sommarju tal-fatti jew il-motivi. Imbagħad titqassam kopja lil kull waħda mill-partijiet.

Ir-regolament jinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi rigward id-diversi proċeduri quddiem il-qorti: proċedura għal deċiżjoni preliminari, ir-rikorsi diretti, appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali, opinjonijiet kif ukoll ċerti proċeduri partikolari oħrajn.

Ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari

Il-qrati nazzjonali jistgħu jintroduċu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti sabiex jistaqsu mistoqsija dwar il-validità jew l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ rinviju, jistgħu jsiru osservazzjonijiet fosthom mill-:

  • il-partijiet fil-kawża;
  • l-Istati Membri;
  • il-Kummissjoni Ewropea;
  • l-istituzzjoni li tkun adottat l-att li l-validità tiegħu tkun ikkontestata.

Appell kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Jista’ jsir appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ, għandha tiġi indirizzata talba lir-Reġistratur u din għandha tinkludi fost l-oħrajn il-mezzi u l-argumenti tal-liġi invokati. Din it-talba għandu jkollha l-għan li tannulla id-deċiżjoni kollha jew parti minnha.

Eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali

F’żewġ każijiet, speċjalment meta tittieħed deċiżjoni f’appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tas-servizz pubbliku, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Awla ta’ ħames imħallfin tinħatar għal perjodu ta’ sena sabiex twettaq dawn ir-reviżjonijiet.

REFERENZA

AttDħul fis-seħħSkadenza għat-traspożizzjoni fi ħdan l-Istati MembriĠurnal Uffiċjali

Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

1.11.2012

ĠU L 265, 29.9.2012 u

ĠU C 337, 6.11.2012

ATT(I) RELATAT(I)

Regolament (UE, Euratom) Nru 904/2012 tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2012 li jemenda r-Regolament Nru 422/67/KEE, Nru 5/67/Euratom li jistabbilixxi l-emolumenti tal-President u l-Membri tal-Kummissjoni, tal-President, tal-Imħallfin, tal-Avukati Ġenerali u tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-President, tal-Membri u tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim Istanza kif ukoll tal-President, tal-Membri u tar-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (Ġurnal Uffiċjali L 269, 4.10.2012).

L-aħħar aġġornament: 27.12.2012
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna