RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Il-proċess ta' adeżjoni ta' Stat Membru ġdid

Il-proċess ta' tkabbir tal-Unjoni Ewropea (UE) għandu funzjoni storika: li jagħmel lill-kontinent Ewropew żona ta' paċi, stabilità u prosperità. L-UE stabbilixxiet progressivament proċess biex tiggwida u tgħin lill-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni biex iħejju ruħhom għall-obbligi tagħhom bħala Stati Membri, b'mod partikolari fil-proċessi tagħhom ta' tranżizzjoni, ta' riformi u ta' implimentazzjoni tad-dritt u tal-politiki tal-UE.

SINTEŻI

Kull Stat Ewropew li jkun jixtieq isir membru tal-Unjoni Ewropea (UE) għandu jirrispetta l-valuri komuni tal-UE ddefiniti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE): ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-Istat tad-dritt u d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi. Barra minn hekk, għandu jimpenja ruħu li jippromwovi dawn il-valuri fi ħdan l-UE u fir-rigward ta' pajjiżi terzi.

Il-proċeduri ta' adeżjoni mal-UE huma stipulati fl-Artikolu 49 tat-TUE. Fl-ewwel lok, l-Istat li jkun jixtieq isir membru għandu jibgħat l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill. Il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jiġu infurmati dwar dik l-applikazzjoni. Il-Konsull jikkonsulta lill-Kummissjoni u jitlob l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu b'maġġoranza tal-membri tiegħu. F'każ ta' approvazzjoni, il-Kunsill jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar l-adeżjoni b'vot unanimu.

Il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni, u l-adattamenti tat-trattati u tal-istituzzjonijiet li dik l-adeżjoni tkun teħtieġ, huma soġġetti għal ftehim bejn l-Istati Membri u l-pajjiż kandidat. Dak il-ftehim, magħruf bħala t-Trattat tal-adeżjoni, huwa soġġett għar-ratifika tal-Istati kontraenti kollha.

Il-proċess ta' adeżjoni

Kull talba għal adeżjoni hija soġeġtta għal opinjoni mill-Kummissjoni, u deċiżjoni mill-Kunsill, li tattribwixxi l-istatus ta' pajjiż kandidat lill-pajjiż applikant. Dak l-istatus ma jippermettix neċessarjament il-ftuħ immedjat tan-negozjati bil-għan ta' adeżjoni. Biex ikun jista' jsir dan, il-pajjiż kandidat irid jissodisfa numru ta' kundizzjonijiet.

Il-pajjiż irid jissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà, li ġew iddefiniti matul il-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993 u ssupplimentati matul il-Kunsill Ewropew ta' Madrid fl-1995. Dawn huma:

  • kriterji politiċi: l-istabilità tal-istituzzjonijiet għandha tiggarantixxi d-demokrazija, l-Istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll ir-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi;
  • kriterji ekonomiċi: l-eżistenza ta' ekonomija tas-suq vijabbli, il-kapaċità tal-pajjiż li jħabbatha mal-pressjoni tal-kompetizzjoni u mal-forzi tas-suq fi ħdan l-UE;
  • il-kapaċità li jassumi l-obbligi ta' Stat Membru, li jirriżultaw mid-dritt u mill-politiki tal-UE (jew acquis communautaire), inkluża l-adeżjoni mal-objettivi tal-Unjoni politika, ekonomika u monetarja.

Il-pajjiż kandidat għandu wkoll ikun ħoloq il-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni tiegħu għall-adattament tal-istrutturi amministrattivi tiegħu.

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-punent għandhom jipproduċu riżultati sodisfaċenti fil-qafas tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni (b'mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ) qabel mal-UE tkun tista' teżamina l-applikazzjonijiet tagħhom għal adeżjoni.

Il-kapaċità ta' assorbiment tal-UE (jew il-kapaċità ta' integrazzjoni) hija element fundamentali ieħor. L-UE għandha tkun f'pożizzjoni li tilqa' membri ġodda waqt li tapprofondixxi l-integrazzjoni tagħha, u waqt li tiżgura l-funzjonament tal-istituzzjonijiet u l-politiki tagħha. Il-membri l-ġodda għandhom, min-naħa tagħhom, ikunu ppreparati sew għall-istaus ġdid tagħhom ta' Stat Membru. It-tkabbir għandu jirċievi wkoll l-appoġġ tal-opinjoni pubblika fl-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati.

Malli l-pajjiż kandidat jissodisfa dawn il-kriterji, in-negozjati ta' adeżjoni ikunu jistgħu jinbdew. Il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi dwar jekk ikunx opportun li jinfetħu n-negozjati fuq il-bażi tal-parir tal-Kummissjoni.

In-negozjati ta' adeżjoni jikkostitwixxu s-sustanza tal-proċess ta' adeżjoni. Dawn jirrigwardaw l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-acquis communautaire mill-pajjiżi kandidati. Dawn għandhom bħala objettiv li jgħinu lill-pajjiżi kandidati li jippreparaw għall-obbligi tagħhom bħala Stati Membri malli tinkiseb l-adeżjoni. In-negozjati, li huma bbażati fuq il-merti partikolari ta' kull pajjiż kandidat, jitmexxew individwalment; il-grad ta' preparazzjoni b'hekk jista' jvarja minn pajjiż kandidat għal ieħor.

Il-proċess tan-negozjati tal-adeżjoni huwa bbażat fuq qafas ta' negozjati stabbilit mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Dawn ipoġġi f'perspettiva n-negozjati li għandhom isiru mas-sitwazzjoni u l-karatteristiċi ta' kull pajjiż kandidat. Il-qafas tan-negozjati jirrigwarda:

  • il-prinċipji u l-proċeduri tan-negozjati;
  • il-punti li jistgħu jiġu nnegozjati bħall-aspetti finanzjarji, id-derogi temporanji jew miżuri ta' salvagward f'oqsma speċifiċi tal-acquis (bħall-moviment liberu tal-persuni, il-politiki strutturali jew l-agrikoltura);
  • ir-riformi politiċi u ekonomiċi;
  • l-eżitu tan-negozjati, li jibqa' miftuħ;
  • l-objettiv, li huwa l-adeżjoni.

In-negozjati jirrigwardaw l-adozzjoni tal-acquis communautaire. Dawn jibdew b'fażi preparatorja, jew eżami analitiku tal-acquis (“screening”), immexxi mill-Kummissjoni. L-iskop tal-iscreening huwa sabiex jiġi evalwat kemm jinsab ippreparat il-pajjiż kandidat, biex jiġi ffamiljarizzat mal-acquis u biex jidentifika l-kapitli li għandhom jinfetħu fuq il-bażi ta' kriterji ta' referenza (“benchmarks”). Dawn il-kriterji ta' referenza jikkonċernaw stadji preparatorji essenzjali għall-allinjament futur u r-rispett ta' obbligi kuntrattwali abbażi ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni marbuta mal-acquis. Il-Kunsill jiddeċiedi fuq bażi ta' unanimità l-kriterji ta' referenza li jistgħu jiġu speċifikati, jew il-ftuħ ta' kapitlu fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.

In-negozjati jsiru fil-qafas ta' konferenzi intergovernattivi bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiż kandidat.

In-negozjati jingħalqu meta l-pajjiż kandidat jissodisfa l-kriterji ta' referenza (“benchmarks”) iddefiniti għall-għeluq ta' kapitolu (pereżempju: miżuri leġiżlattivi, awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, sezzjonijiet tal-acquis li effettivament ikunu ġew implimentati, ekonomija tas-suq vijabbli għall-kapitoli ekonomiċi). Il-pajjiż għandu jaċċetta wkoll l-abbozz ta' pożizzjoni komuni tal-UE fformulat mill-Kummissjoni u adottat unanimament mill-Kunsill. Il-kapitli magħluqa jistgħu madankollu jerġgħu jinfetħu f'każ li l-pajjiżi kandidati ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa.

In-negozjati ta' adeżjoni jistgħu jiġu sospiżi f'każ ta' ksur serju u persistenti tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-UE. Il-Kummissjoni b'hekk tista' tirrakkomanda, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' terz tal-Istati Membri, is-sospensjoni tan-negozjati u l-kundizzjonijiet biex jerġgħu jibdew in-negozjati. Il-Kunsill jadotta r-rakkomandazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata wara li jkun sema' lill-pajjiż kandidat ikkonċernat.

Ladarba jkunu ngħalqu n-negozjati dwar il-kapitli kollha, il-proċess tal-adeżjoni jkun wasal fi tmiemu. L-adeżjoni tista' titnieda permezz tal-konklużjoni ta' ftehim, it-Trattat ta' adeżjoni, bejn l-Istati Membri u l-pajjiż kandidat. Madankollu, il-Kunsill jiddeċiedi b'unanimità li jikkonkludi l-proċessi wara parir mill-Kummissjoni u parir konformi mill-Parlament Ewropew. It-Trattat ta' Adeżjoni jikkonċerna:

  • ir-riżultat tan-negozjati ta' adeżjoni, il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni u l-miżuri ta' salvagward jew ta' differiment għal-oqsma li jkunu jeħtieġu li jiġu approfonditi aktar;
  • l-adattament tal-istituzzjonijiet u tat-trattati, it-tqassim tal-voti matul il-votazzjonijiet fi ħdan il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, in-numru ta' membri parlamentari Ewropej, ta' membri fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni, eċċ.;
  • id-data tal-adeżjoni.

It-Trattat tal-Adeżjoni huwa soġġett għal ratifika mill-Istati Membri kollha u mill-Istat Membru futur. Il-pajjiż kandidat issa jsir pajjiż fil-fażi ta' adeżjoni u jsegwi l-proċess lejn l-adeżjoni billi jadatta l-oqsma li għalihom irid isir progress taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni.

Strumenti tal-proċess ta' adeżjoni

Strateġija ta' qabel l-adeżjoni hija ddefinita għal kull proċess ta' adeżjoni u għal kull pajjiż kandidat. Dik l-istrateġija tipprevedi l-istrumenti (elenkati iktar 'l isfel) li għandhom jappoġġjaw lill-pajjiżi kandidati fit-tħejjija tagħhom.

Il-ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-UE u kull pajjiż kandidat iservu bħala qafas għad-djalogu u għan-negozjati. Dawn jikkonsistu pereżempju fil-ftehim ta' assoċjazzjoni u l-ftehim dwar l-unjoni doganali konklużi mat-Turkija, kif ukoll il-ftehimiet ta' stabilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-punent.

Id-djalogi politiċi u ekonomiċi jsiru bejn l-UE u kull pajjiż kandidat sabiex jiġi kkonsolidat il-proċess. Ir-riżultati tagħhom huma integrati fin-negozjati tal-adeżjoni.

Is-sħubijiet għall-adeżjoni jiffurmaw qafas individwali għal kull pajjiż kandidat. Dawn jippreżentaw b'mod dettaljat:

  • il-prijoritajiet ta' riformi fuq medda ta' żmien twil u medju, ibbażati fuq il-kriterji ta' Kopenħagen;
  • il-prijoritajiet ta' tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-infrastrutturi;
  • il-qafas ta' referenza tal-għajnuna finanzjarja żgurata mill-fondi Ewropej.

Il-programmi nazzjonali għall-adozzjoni tal-acquis (PNAA) huma previsti mis-sħubijiet għall-adeżjoni u huma stabbiliti għal kull pajjiż kandidat. Dawn jippreżentaw kalendarju biex jiġu implimentati l-prijoritajiet iddefiniti mis-sħubija għall-adeżjoni kif ukoll ir-riżorsi umani u finanzjarji allokati għal dan l-iskop.

Il-parteċipazzjoni fil-programmi, aġenziji u kumitati tal-UE hija miftuħa għall-pajjiżi kandidati. Il-pajjiż kandidat iħallas kontribuzzjoni finanzjarja; abbażi ta' dan l-għajnuna finanzjarja ta' qabel l-adeżjoni tista' tkopri parti minn dan il-finanzjament. Madankollu, il-pajjiżi kandidati għandhom biss status ta' osservaturi fil-programmi li fihom jipparteċipaw u jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitati ta' segwitu ta' dawk il-programmi biss jekk dawn ikunu jikkonċernawhom (l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, l-ambjent, is-saħħa, eċċ). Il-parteċipazzjoni tagħhom fi ħdan l-aġenziji tvarja bejn aġenzija u oħra, minn parteċipazzjoni sħiħa għal parteċipazzjoni parzjali.

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni (“monitoring”) tibda sa mill-applikazzjoni għall-adeżjoni u tibqa' għaddejja sa meta l-pajjiż kandidat effettivament isir membru tal-UE.

Din l-evalwazzjoni hija soġġetta għal rapporti annwali li fihom il-Kummissjoni tevalwa l-kapaċità tal-pajjiżi kandidati biex jassumu l-obbligi tagħhom bħala Stati Membri. Ir-rapporti jiffukaw fuq evalwazzjoni dettaljata tal-kriterji ta' Kopenħagen, inkluża evalwazzjoni kapitlu b'kapitlu fir-rigward tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis.

Aktar regolarment u b'mod kumplimentari mal-evalwazzjoni annwali tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet proċess ta' segwitu tal-iżvolġiment tan-negozjati ta' adeżjoni. Dan il-proċess huwa bbażat fuq il-qafas tan-negozji u jimmira li jevalwa l-allinjament tal-pajjiżi kandidati mal-acquis u l-implimentazzjoni tiegħu. Din l-evalwazzjoni tiġi ppubblikata regolarment fir-rapporti ta' segwitu.

Id-djalogu mas-soċjetà ċivili għandu l-objettiv li jinvolvi lis-soċjetajiet ċivili tal-UE u tal-pajjiżi kandidati fil-proċess ta' adeżjoni, bil-għan li jifhmu lil xulxin aħjar.

L-għajnuna finanzjarja ta' qabel l-adeżjoni issostni:

  • ir-riformi tal-istituzzjonijiet u l-istabbiliment tal-infrastrutturi meħtieġa biex jallinjaw ruħhom mal-acquis u biex japplikawh;
  • il-kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali,
  • l-iżvilupp reġjonali;
  • il-preparamenti għall-parteċipazzjoni fil-fondi strutturali tal-UE.

L-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni u l-proċess ta' qabel l-adeżjoni huma interdipendenti. Din hija r-raġuni għalfejn dik l-għajnuna għandha tiġi adattata skont il-progress miksub mill-pajjiżi kandidati u l-identifikazzjoni ta' prijoritajiet ġodda.

Għall-perjodu 2007-2013, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) jikkostitwixxi l-għajnuna finanzjarja favur il-pajjiżi kandidati, kif ukoll tal-pajjiżi kandidati potenzjali tal-Balkani tal-punent.

Barra minn hekk, il-pajjiżi kandidati jistgħu jibbenefikaw minn kofinanzjamenti ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) li magħhom il-Kummissjoni ffirmat ftehimiet. Dawn il-ftehimiet jippermettu mhux biss li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn dawk l-istituzzjonijiet iżda wkoll li jiġu allokati aħjar is-self u l-fondi pprovduti għall-proċess ta' qabel l-adeżjoni. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) (DE) (EN) (FR), bħala istituzzjoni finanzjarja uffiċjali tal-UE, għandu wkoll rwol importanti.

Kuntest

L-UE rat ħames operazzjonijiet ta' tkabbir suċċessivi sa minn meta nħolqot fl-1957. Oriġinarjament komposta minn sitt Stati Membri fundaturi, issa għandha seba' u għoxrin Stat Membru.

It-tkabbir tal-2004 u tal-2007 kienu mingħajr preċedent minħabba n-numru ta' pajjiżi li daħlu, kif ukoll minħabba l-isfidi li kien jippreżenta d-dħul ta' dawk il-pajjiżi. Effettivament, is-sitwazzjoni kemm politika kif ukoll ekonomika tal-biċċa l-kbira ta' dawk il-pajjiżi kienet teħtieġ aktar preparazzjoni. Barra minn hekk, l-UE stess kellha tipprepara biex tkun tista' tilqagħhom fi ħdanha. Din hija r-raġuni għalfejn il-proċess ta' tkabbir ġie approfondit.

L-aħħar aġġornament: 16.03.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna