RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


L-inizjattiva taċ-ċittadini

Iċ-ċittadini Ewropej għandhom id-dritt ta’ inizjattiva li permezz tiegħu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji li jimplimentaw din l-inizjattiva.

ATT

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 211/2011 tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini.

SOMMARJU

L-inizjattiva taċ-ċittadini tippermetti liċ-ċittadini Ewropej jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar suġġett speċifiku. Din kienet introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona u l-għan tagħha huwa li ssaħħaħ id-dimensjoni demokratika tal-Unjoni Ewropea (UE). Iċ-ċittadini issa għandhom l-opportunità li jsemmgħu leħenhom fil-livell Ewropew u li jkunu involuti b’mod sħiħ fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE.

L-inizjattiva Ewropea hija dritt strettament regolat. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji relatati ma’ din l-inizjattiva. Huwa jiddefinixxi wkoll il-proċedura li biha l-inizjattiva taċ-ċittadini tiġi implimentata. Din il-proċedura tiżvolġi f’diversi stadji.

Kundizzjonijiet

Sabiex tiġi żgurata l-leġittimità tagħha u l-karattru Ewropew tagħha, jinħtieġu diversi kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ inizjattiva taċ-ċittadini:

  • l-inizjattiva għandha tinkludi mill-anqas miljun ċittadin Ewropew, jiġifieri ċittadini li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru. Il-persuni li jappoġġjaw inizjattiva jimlew dikjarazzjoni ta’ appoġġ u jissejħu l-firmatarji tal-inizjattiva;
  • iċ-ċittadini firmatarji għandhom ikunu ġejjin mill-anqas minn kwart tal-Istati Membri. L-għan huwa li jkun iggarantit li l-inizjattiva tirrifletti l-interess tal-Unjoni u mhux biss dak ta’ Stat Membru jew ta’ xi grupp żgħir ta’ Stati Membri;
  • dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll numru minimu ta’ ċittadini firmatarji li jkunu ġejjin minn kull Stat Membru rrappreżentat. Numru minimu huwa stabbilit għal kull Stat Membru fl-Anness I għar-Regolament.

Barra minn hekk, kumitat taċ-ċittadini għandu jkun iffurmat għal kull inizjattiva taċ-ċittadini. Dan il-kumitat huwa magħmul minn seba’ membri li jkunu ġejjin minn seba’ Stati Membri differenti u minn rappreżentanti li jiżguraw il-kuntatt mal-istituzzjonijiet Ewropej matul il-proċedura kollha. Ir-rwol tal-kumitat huwa li jassigura l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Il-kumitat huwa inkarigat ukoll li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kwistjonijiet mal-Ewropa kollha u li jrawwem ir-riflessjoni taċ-ċittadini dwar ċerti suġġetti.

Ir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini

Qabel jibda l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal inizjattiva, l-organizzaturi għandhom l-ewwel jirreġistraw il-proposta ta’ inizjattiva mal-Kummissjoni. Din il-proposta għandu jkun fiha b’mod partikolari s-suġġett u l-objettivi tal-inizjattiva.

Il-Kummissjoni mbagħad teżamina l-ammissibbiltà tal-inizjattiva. Hija tivverfika b’mod partikolari li:

  • il-kumitat ta’ appoġġ ikun ġie ffurmat u l-membri tiegħu jkunu ġew maħtura;
  • is-suġġett tal-inizjattiva jkun jaqa’ taħt l-oqsma ta’ politika li għalihom il-Kummissjoni tista’ tressaq proposti leġiżlattivi;
  • l-inizjattiva ma tkunx frivola, abbużiva, jew vessatorja;
  • l-inizjattiva ma tkunx kuntrarja għall-valuri stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-UE.

Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati, il-Kummissjoni tirreġistra l-proposta ta’ inizjattiva u l-organizzaturi jkunu jistgħu jibdew jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ.

Il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ

L-organizzaturi huma responsabbli għall-ġbir mingħand iċ-ċittadini. Id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għall-inizjattiva jistgħu jinġabru bil-miktub, bil-posta elettronika jew online.

L-organizzaturi għandhom 12-il xahar mir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva sabiex jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ kollha.

Verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ

Ladarba jinġabru, l-organizzaturi għandhom jibagħtu d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-verifika tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom joħorġu ċertifikat li jiċċertifika n-numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ li ġejjin mill-Istat Membru kkonċernat.

Preżentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni

Ladarba jinkisbu ċ-ċertifikati u l-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati, l-organizzaturi jistgħu jippreżentaw l-inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni mbagħad tirċievi lill-organizzaturi sabiex tippermettilhom jispjegaw fid-dettall il-kwistjonijiet imqajma mill-inizjattiva. Barra minn hekk, l-organizzaturi għandhom ukoll id-dritt ta’ smigħ pubbliku organizzat fil-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha tliet xhur sabiex teżamina l-inizjattiva taċ-ċittadini. Hija mbagħad tadotta komunikazzjoni li tkun tinkludi:

  • il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha;
  • ir-raġunijiet għalfejn tkun biħsiebha tieħu jew ma tiħux l-azzjoni;
  • l-azzjoni li tkun biħsiebha tieħu jekk ikun il-każ.

Protezzjoni tad-dejta personali u penalitajiet

Id-dejta personali taċ-ċittadini firmatarji tista’ tintuża biss fil-kuntest tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Din id-dejta mbagħad tinqered sa mhux aktar tard minn xahar wara l-preżentazzjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni.

Barra minn hekk, dan ir-Regolament jipprovdi penalitajiet kontra l-organizzaturi f’każ ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew użu frodulenti tad-data.

Kuntest

Dan ir-Rgolament ġie adottat skont l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-UE u l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Dawn l-Artikoli ġew introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona. Huma jipprovdu l-possibbiltà liċ-ċittadini li jistabbilixxu inizjattiva taċ-ċittadini.

REFERENZI

AttDħul fis-seħħTerminu għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 211/2011

31.3.2011

ĠU L 65, 11.3.2011

Dan is-sommarju qiegħed jinħareġ għal għanijiet ta' informazzjoni biss. Dan ma għandux l-għan li jinterpreta jew li jissostitwixxi d-dokument ta' referenza, li jibqa' l-uniku bażi legali vinkolattiva.

L-aħħar aġġornament: 27.05.2011
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna