EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Ftehim li jemenda l-punt 4 tal-Ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM QAFAS?

Huwa għandu l-għan li jiffaċilita u jorganizza kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Il-ftehim jiddefinixxi l-proċeduri għall-kollaborazzjoni tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Dan il-ftehim qafas fih għadd ta’ regoli li jirrelataw mal-organizzazzjoni tax-xogħol bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, b’mod partikolari:

  • ir-responsabbiltà politika tal-Kummissjoni;
  • l-istabbiliment ta’ djalogu politiku regolari u effettiv;
  • l-implimentazzjoni ta’ proċeduri leġiżlattivi.

Ir-responsabbiltà politika tal-Kummissjoni

Hemm konnessjoni politika qawwija bejn il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni u l-Parlament:

  • Il-President u l-Membri tal-Kummissjoni l-oħrajn (kummissarji) għandhom jiġu approvati mill-Parlament Ewropew.
  • Il-Parlament jiġi kkonsultat dwar il-ħatra ta’ sostituzzjonijiet għall-kummissarji li jirreżenjaw u jingħata wkoll avviż bil-quddiem dwar kwalunkwe ridistribuzzjoni ppjanata tar-responsabbiltajiet fi ħdan il-Kummissjoni.
  • Il-Parlament jista’ jitlob lill-President tal-Kummissjoni għar-riżenja ta’ Membru tal-Kummissjoni. Imbagħad il-President għandu jikkunsidra t-talba u jipprovdi spjegazzjoni fil-każ ta’ rifjut.
  • Il-Membri tal-Kummissjoni jistgħu joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. F’tali każijiet, il-ftehim jispeċifika s-salvagwardji sabiex tiġi żgurata separazzjoni xierqa tad-dmirijiet tagħhom bħala kummissarji u l-attività tal-kampanja tagħhom.

Fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin tal-Parlament Ewropew, il-ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea li jemenda l-punt 4 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jippermetti lill-Membri tal-Kummissjoni joħorġu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew mingħajr ma jieħdu liv għal matul il-kampanja.

Djalogu politiku

Il-ftehim għandu l-għan li jistabbilixxi kooperazzjoni effettiva bejn il-Kummissjoni u l-Parlament. Dan jinkiseb billi:

  • jiġu organizzati laqgħat regolari bejn ir-rappreżentanti taż-żewġ istituzzjonijiet, bħal bejn il-Kulleġġ tal-Kummissarji u l-presidenti tal-kumitati parlamentari;
  • jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet biex tiġi eżaminata bir-reqqa kull talba li ssir miż-żewġ istituzzjonijiet;
  • impenn mill-Kummissjoni li tiżgura lill-Parlament, flimkein mal-Kunsill, aċċess ugwali fir-rigward tal-laqgħat u d-dokumenti li jirrelataw ma’ proċeduri leġiżlattivi u baġitarji;
  • rekwiżit biex il-Parlament jiġi informat bis-sħiħ waqt in-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-UE hija firmatarja;
  • regoli speċifiċi għal kooperazzjoni dwar:
    • l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità;
    • kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali;
    • il-ħidma ta’ gruppi ta’ esperti nazzjonali mal-Kummissjoni.

Kooperazzjoni fil-proċeduri leġiżlattivi

Il-ftehim jispeċifika l-organizzazzjoni tal-ħidma bejn il-Parlament u l-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ proċeduri leġiżlattivi:

  • il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-programm ta’ ħidma annwali tagħha lill-Parlament;
  • waqt il-proċedura għall-adozzjoni ta’ atti, il-ftehim imbagħad jiggarantixxi diversi impenji min-naħa taż-żewġ istituzzjonijiet, fosthom:
    • l-iskedar mill-Parlament ta’ rapporti u ta’ opinjonijiet dwar proposti għal leġiżlazzjoni, u
    • l-eżaminazzjoni bir-reqqa mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe emenda adottata mill-Parlament;
  • Il-Membri tal-Kummissjoni huma preżenti matul is-sessjonijiet plenarji tal-Parlament. Wieħed mill-kompiti tagħhom huwa li jwieġbu l-mistoqsijiet tal-Membri tal-Parlament;
  • Il-Membri tal-Kummissjoni jistgħu jinstemgħu wkoll quddiem il-Parlament fuq talba.

DOKUMENT EWLIENI

Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 304, 20.11.2010, pp. 47-62)

Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea li jemenda l-punt 4 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 45, 17.2.2018, p. 46)

l-aħħar aġġornament 12.03.2018

Top