RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Nipproteġu lit-tfal fid-dinja diġitali

Setgħu jiġu osservati bidliet kbar fl-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mill-konsumaturi, u b’mod partikolari minn minorenni. Dawn tal-aħħar qed jagħmlu użu dejjem akbar tal-mezzi ta’ komunikazzjoni permezz tal-apparati mobbli, inklużi l-logħob online, sitwazzjoni li twassal għal domanda dejjem akbar għas-servizzi on-demand fuq l-internet. Bħala fenomenu ġdid, in-netwerks soċjali kisbu importanza, kemm fil-livell individwali kif ukoll fil-livell tas-soċjetà. Għad baqa’ diversi bidliet xi jsiru. Dawn l-iżviluppi ġodda kollha joffru opportunitajiet ġodda għal dawk taħt l-età, iżda joħolqu ċerti sfidi f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tagħhom. Dan ir-rapport jagħti fil-qosor x’sar fil-qasam tal-protezzjoni tal-minorenni fid-dinja diġitali u jħabbar il-passi meħtieġa li jmiss sabiex dan il-qasam jissaħħaħ.

ATT

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta’ Settembru 2011 dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 1998 dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta’ tweġiba fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni online intitolat “Nipproteġu lit-tfal fid-dinja diġitali” [COM(2011) 556 finali – Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].

SOMMARJU

Dan ir-rapport jispjega l-miżuri implimentati mill-Istati Membri għall-protezzjoni tat-tfal fil-qafas tal-attivitajiet online. Isegwi r-rakkomandazzjoni tal-2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri fis-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjoni tal-1998 dwar il-protezzjoni ta' minorenni u tad-dinjità tal-bniedem.

Kontenut illegali jew dannuż

Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi meħuda mill-Istati Membri u intenzjonati sabiex jiġġieldu kontra l-kontenuti diskriminatorji, illegali jew dannużi online. Essenzjalment, dawn jikkonċernaw impenji jew kodiċi ta’ kondotta. Pereżempju, dawn jipprevedu l-wiri ta’ tikketta xierqa fuq il-websajts.

Madankollu, il-livell ta’ protezzjoni garantit minn din it-tip ta’ inizjattiva għadu jvarja bejn Stat Membru u ieħor. Ikun jaqbel li dawn il-miżuri attwali jiġu sottomessi għal monitoraġġ kostanti sabiex ikunu aktar effikaċi.

Barra minn hekk, ġeneralment, il-kontenuti illegali jew preġudikabbli jkunu ġejjin minn Stati Membri oħrajn tal-UE jew minn pajjiżi terzi. Approċċ koordinat fil-livell Ewropew, u eventwalment, internazzjonali, jippermetti sabiex tiġi armonizzata l-protezzjoni kontra dan it-tip ta’ kontenut.

Linji diretti

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tipprevedi li sal-2013 jiġu stabbiliti linji diretti li jippermettu sabiex jiġu rraportati kontenuti online li huma mhumiex xierqa jew dannużi. Dawn il-linji diretti għandhom jibbenefikaw mill-kofinanzjament tal-programm "Internet Aktar Sikur". Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni ta’ linji diretti fuq l-internet, INHOPE (EN), hija għodda ta’ kooperazzjoni effikaċi għall-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Hemm ukoll xi proċeduri ta’ notifika u ta’ tneħħija implimentati sabiex il-fornituri tas-servizzi tal-internet (ISPs) ineħħu kull kontenut illegali rrapportat minn persuna li tkun użat il-linja diretta.

Madankollu, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex iwettqu monitoraġġ aktar rigoruż fuq il-linji diretti tagħhom. Għadhom mhumiex magħrufa u aċċessibbli biżżejjed għall-utenti tal-internet, u lanqas għat-tfal.

Fornituri tas-servizzi tal-internet (ISPs)

L-ISPs huma mistiedna jsiru aktar attivi fil-protezzjoni tal-minorenni. L-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta jridu jinfirxu aktar u jiġu sorveljati mill-qrib. L-assoċjazzjonijiet tal-ISPs huma mistieda jinkludu l-protezzjoni ta’ minorenni fl-azzjonijiet tagħhom u jiżguraw li l-membri tagħhom jimpenjaw ruħhom f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, parteċipazzjoni akbar mill-konsumaturi u l-awtoritajiet fl-iżvilupp ta’ dawn il-kodiċi ta’ kondotta għandha tgħin sabiex l-awtoregolamentazzjoni verament twieġeb għall-evoluzzjoni mgħaġġla tad-dinja diġitali.

L-ISPs huma mħeġġa jkabbru l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta u jinkludu l-protezzjoni tal-minorenni fil-mandati tagħhom.

Netwerks soċjali online

In-netwerks soċjali online biddlu b’mod fundamentali l-imġiba tal-minorenni fil-mod kif jinteraġixxu u jikkomunikaw bejniethom. Dawn ir-riżorsi jippreżentaw diversi riskji bħal kontenuti illegali, kontenuti li mhumiex adatti għal minorenni, kuntatti mhux xierqa u mġiba mhux xierqa.

Wieħed mill-mezzi proposti minn dan ir-rapport sabiex jiġu indirizzati dawn ir-riskji jista’ jkun l-iżvilupp tal-linji gwida mmirati għall-fornituri tan-netwerks soċjali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ sabiex jiżdiedu ċ-ċentri ta’ rapportar u li jiġu implimentati strutturi amministrattivi effiċjenti sabiex dawn jitħaddmu fin-netwerks soċjali.

Litteriżmu medjatiku u sensibilizzazzjoni

L-Istati Membri ħadu l-impenn li jsaħħu l-litteriżmu medjatiku. Jeżistu diversi inizjattivi f’dan il-qasam, bħal sħubijiet pubbliċi-privati jew il-proġett EU kids online (EN). Madankollu, l-involviment tat-tfal u l-ġenituri kollha kif ukoll l-armonizzazzjoni bejn l-iskejjel u l-Istati Membri għadhom sfidi importanti, filwaqt li l-integrazzjoni tal-litteriżmu medjatiku fl-iskejjel juri riżultati pożittivi.

Restrizzjoni tal-aċċess għal konenuti

Ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-kontenuti għall-minorenni jimplika l-istabbiliment ta’ klassifikazzjonijiet skont l-età u l-kontenut. Bħalissa jeżistu sistemi ta’ klassifikazzjoni ta’ materjal awdjoviżiv meqjusa bħala biżżejjed jew effikaċi minn ċerti Stati Membri, filwaqt li hemm oħrajn li jikkunsidraw li dawn iridu jittejbu.

Is-sistemi tekniċi, bħall-iffiltrar, is-sistemi ta’ verifika tal-età jew is-sistemi ta’ kontroll mill-ġenituri jistgħu jkunu utli, iżda ma jistgħux jiggarantixxu restrizzjoni sħiħa tal-aċċess għall-kontenuti mill-minorenni. L-abbonati dejjem qed jikbsu aktar tagħrif dwar l-eżistenza ta’ sistemi ta’ ffiltrar u klassifikazzjoni, kif ukoll ta’ softwer ta’ verifika tal-età. Minkejja dan, l-Istati Membri jidhru maqsma dwar l-utilità, il-pertinenza (fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni u tar-riskju ta’ ċensura), il-fattibbiltà teknika u l-affidabbiltà tas-sistemi tekniċi. Barra minn hekk, dawn jenfasizzaw il-bżonn ta’ trasparenza f’dak li jikkonċerna l-integrazzjoni tal-kontenuti f’“lista ta’ siti projbiti” u l-possibbiltà tat-tneħħija tagħhom.

Filwaqt li l-parti l-kbira tal-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li jittejjeb is-sejbien tal-età kif ukoll is-sistemi ta’ klassifikazzjoni, għad ma jeżistix kunsens rigward klassifikazzjoni pan-Ewropea ta’ sistema għall-kontenut tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Dan ir-rapport jistieden sabiex jiġu kkunsidrati sistemi innovattivi ta’ klassifikazzjoni tal-kontenut fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT).

Servizzi awdjoviżivi

Il-Kummissjoni titkellem dwar ċertu dewmien mis-servizzi tat-televiżjoni on-demand fir-rigward tas-sistemi ta’ koregolamentazzjoni u awtoregolamentazzjoni maħsuba sabiex jipproteġu lill-minorenni minn kontenut dannuż u rigward il-mezzi tekniċi li joffru lit-tfal aċċess selettiv għall-kontenut fuq l-internet. Ikun jaqbel li jiġu żviluppati u li jinxteħet dawl fuq klassifikazzjonijiet skont l-età kif ukoll fuq restrizzjonijiet tal-ħin ta’ trażmissjoni għal dawn it-tipi ta’ servizzi awdjoviżivi.

Logħob

Minbarra l-Ġermanja, l-Istati Membri kollha jużaw is-sistema Pan European Games Information System (PEGI) rigward il-protezzjoni ta’ minorenni fil-qasam tal-logħob. Dan ir-rapport josserva li jkun xieraq li jiżdiedu l-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni b’għan preventiv, b’mod partikolari fl-iskejjel. Barra minn hekk, għad irid isir progress sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-klassifikazzjoni skont l-età fir-rigward tal-bejgħ tal-logħob u sabiex jiġu applikati sistemi bħall-PEGI b’mod usa’ għal logħob online.

L-aħħar aġġornament: 06.12.2011

Ara wkoll

  • Direttorat Ġenerali għas-Soċjetà Informatika u l-Mezzi ta’ Komunikazzjoni – Nipproteġu lill-minorenni (DE) (EN) (FR)
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna