Protezzjoni ta’ dejta personali
Id-Direttiva 95/46/KE hija d-dokument ta’ referenza, fil-livell Ewropew, dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Hija tistabbilixxi qafas regolamentari li għandu l-għan li jistabbilixxi bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-privatezza tal-individwi u l-moviment liberu tad-dejta personali fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). Biex tagħmel dan, id-Direttiva tistabbilixxi limiti stretti għall-ġbir u l-użu ta’ dejta personali, u titlob il-ħolqien, f’kull Stat Membru, ta’ organizzazzjoni nazzjonali indipendenti inkarigata mill-protezzjoni tad-dejta.
ATT
Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [Ara l-att(i) li jemenda(w)].
SINTEŻI
Din id-Direttiva għandha tapplika għad-dejta pproċessata b’mezzi awtomatiċi (pereżempju, bażi ta' dejta kompjuterizzata tal-klienti) kif ukoll għad-dejta mqiegħda jew maħsuba sabiex titqiegħed f’sistema ta’ skedar mhux awtomatizzat (fajls tradizzjonali tal-karti).
Id-Direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ dejta:
- li jsir minn persuna fiżika fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma esklużivament personali jew domestiċi;
- implimentat għat-twettiq ta’ attivitajiet li ma jaqgħux fl-ambitu ta’ applikazzjoni tal-liġi Komunitarja bħas-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà tal-Istat.
Id-Direttiva għandha l-għan li tħares id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali billi tistabbilixxi prinċipji gwida li jiddeterminaw il-legalità ta’ dan l-ipproċessar. Dawn il-prinċipji jirrigwardaw:
- il-kwalità tad-dejta: id-dejta personali għandha tiġi pproċessata b’mod ġust u skont il-liġi, u miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi. Barra minn hekk għandha tkun eżatta u, fejn meħtieġ, aġġornata;
- il-leġittimazzjoni tal-ipproċessar tad-dejta: l-ipproċessar tad-dejta personali għandu jsir biss jekk l-individwu kkonċernat ikun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar jew jekk l-ipproċessar ikun meħtieġ:
- biex jiġi eżegwit kuntratt li għalih tkun parti l-persuna kkonċernata jew;
- biex jitħares obbligu legali li għalih ikun soġġett il-kontrollur tad-dejta jew;
- għas-salvagwardja tal-interess vitali tal-individwu kkonċernat jew;
- għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew;
- biex jinkiseb l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur tad-dejta;
- il-kategoriji speċjali tal-ipproċessar: għandu jkun ipprojbit l-ipproċessar ta’ dejta personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet pubbliċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija trejdjunjonistika, kif ukoll l-ipproċessar ta’ dejta dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali. Din id-dispożizzjoni tinkludi xi riżervi dwar, pereżempju, il-każ fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ għad-difiża tal-interessi vitali tal-individwu kkonċernat jew għall-finijiet tal-mediċina preventiva u ta’ dijanjożi medika;
- l-informazzjoni tal-individwi kkonċernati mill-ipproċessar tad-dejta: il-kontrollur tal-ipproċessar għandu jipprovdi ċertu ammont ta’ informazzjoni (l-identità tal-kontrollur tal-ipproċessar, l-għanijiet tal-ipproċessar, min ser jirċievi d-dejta, eċċ.) lill-persuna li dwarha jkun qed jiġbor l-informazzjoni;
- id-dritt tal-aċċess ta’ dawn l-individwi għad-dejta: kull individwu kkonċernat għandu jkollu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur tad-dejta:
- il-konferma li dejta dwaru tkun jew ma tkunx qed tiġi pproċessata u l-komunikazzjoni tad-dejta li tkun qiegħda tiġi pproċessata;
- il-korrezzjoni, it-tħassir jew l-imblukkar ta’ dejta li l-ipproċessar tagħha ma jkunx konformi ma’ din id-Direttiva – b’mod partikolari minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-dejta – kif ukoll notifika ta’ dawn il-bidliet lill-partijiet terzi li lilhom tkun ġiet żvelata d-dejta;
- l-eżenjonijiet u r-restrizzjonijiet: il-prinċipji dwar il-kwalità tad-dejta, l-informazzjoni tal-individwu kkonċernat, id-dritt għall-aċċess u r-reklamar tal-ipproċessar jistgħu jkollhom l-ambitu tagħhom limitat għall-ħarsien, fost oħrajn, tas-sigurtà tal-Istat, tad-difiża, tas-sigurtà pubblika, l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, ta’ interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-UE jew il-protezzjoni tal-individwu kkonċernat;
- id-dritt ta' oppożizzjoni għall-ipproċessar tad-dejta: l-individwu kkonċernat għandu jkollu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet leġittimi, għall-ipproċessar ta' dejta dwaru. Huwa għandu jkun jista’ wkoll joġġezzjona, fuq talba u bla ħlas, għall-ipproċessar tad-dejta għal skopijiet ta’ marketing. Fl-aħħar nett huwa għandu jkun mgħarraf qabel ma d-dejta tiġi żvelata lil xi parti terza għal finijiet ta’ marketing u għandu jingħata d-dritt li joġġezzjona għal dan l-iżvelar;
- il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-ipproċessar: kull persuna li taġixxi bl-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur tad-dejta, inkluż il-proċessur innifsu, li jkollha aċċess għal dejta personali, m’għandhiex tipproċessaha ħlief fuq struzzjonijiet tal-kontrollur tad-dejta. Barra minn hekk, il-kontrollur tad-dejta għandu jimplimenta l-miżuri xierqa biex jipproteġi lid-dejta personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali, telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat;
- in-notifika tal-ipproċessar lill-awtorità ta’ superviżjoni: il-kontrollur għandu jibgħat notifika lill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni qabel isir l-ipproċessar. L-awtorità ta’ superviżjoni għandha tagħmel kontrolli minn qabel dwar il-possibbiltà ta’ riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi kkonċernati wara li tirċievi n-notifika. Il-pubbliċità tal-ipproċessar għandha tkun assigurata u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom iżommu reġistru tal-ipproċessar innotifikat.
Kull individwu għandu jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju f’każ ta’ ksur tad-drittijiet garantiti lilu mil-liġi nazzjonali applikabbli għall-ipproċessar inkwistjoni. Barra minn hekk, l-individwi li jkunu sofrew ħsara minħabba proċessar illegali tad-dejta personali tagħhom għandhom id-dritt li jirċievu kumpens għall-ħsara li jkunu sofrew.
It-trasferimenti ta’ dejta personali minn Stat Membru lil pajjiż terz li jkollu livell ta’ protezzjoni adegwata huma awtorizzati. Għall-kuntrarju, dawn ma jistgħux jingħataw lil pajjiż terz li ma jkollux tali livell ta’ protezzjoni, ħlief skont id-derogi elenkati b’mod ristrett.
Id-Direttiva għandha l-għan li tħeġġeġ it-tfassil ta’ kodiċi ta’ kondotta nazzjonali u Komunitarji maħsuba sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni tajba tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji.
Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli mis-sorveljanza tal-applikazzjoni, fit-territorju tiegħu, tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skont din id-Direttiva.
Għandu jkun stabbilit Grupp ta’ Ħidma għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-Rigward tal-Ipproċessar ta’ Dejta Personali, li jkun jikkonsisti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, minn rappreżentanti tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji, u minn rappreżentant tal-Kummissjoni.
REFERENZI
| Att | Dħul fis-seħħ | Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri | Ġurnal Uffiċjali |
|---|---|---|---|
| Direttiva 95/46/KE |
13.12.1995 |
24.10.1998 |
ĠU L 281, 23.11.1995 |
| Att(i) li jemenda(w) | Dħul fis-seħħ | Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri | Ġurnal Uffiċjali |
|---|---|---|---|
| Regolament (KE) Nru 1882/2003 |
20.11.2003 |
— |
ĠU L 284, 31.10.2003 |
L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 95/46/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata
għandha tintuża biss għal għanijiet ta' referenza.
ATTI RELATATI
RAPPORT TA’ IMPLIMENTAZZJONI
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2007, intitolata: “Monitoraġġ tal-Programm ta’ Ħidma għal Implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta” [COM(2007) 87 finali - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].
Din il-Komunikazzjoni teżamina x-xogħol li sar bħala parti mill-Programm ta’ ħidma għal implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta li jinsab fl-Ewwel Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE. Il-Kummissjoni tindika li l-implimentazzjoni tjiebet, minħabba li issa l-Istati Membri kollha kienu ttrasponew id-Direttiva. Hija enfasizzat li għalissa, id-Direttiva m’għandhiex tkun emendata.
Hija kompliet iżżid li:
- kienet sejra tkompli l-ħidma tagħha mal-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, tniedi proċeduri uffiċjali ta’ ksur;
- sejra tħejji komunikazzjoni interpretattiva għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva;
- sejra tkompli timplimenta l-programm ta’ ħidma;
- sejra tippreżenta, f’każ ta’ żviluppi tekonoloġiċi kbar f’qasam speċifiku, leġiżlazzjoni settorjali fil-livell tal-Unjoni Ewropea;
- sejra tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-imsieħba esterni, b’mod partikolari l-Istati Uniti.
Rapport tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Mejju 2003, intitolat “L-Ewwel Rapport dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (95/46/KE)” [COM(2003) 265 finali - Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].
Ir-rapport jirreferi b’mod partikolari għar-riżultati tal-konsultazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE mal-gvernijiet, l-istituzzjonijiet, il-federazzjonijiet tal-impriżi, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u ċittadini. Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet juru li ftit kontributuri talbu reviżjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni nnutat li l-parti l-kbira minnhom u, ukoll, tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, kienu tal-fehma li fl-istadju attwali d-Direttiva m’għandhiex bżonn tkun emendata.
Minkejja d-dewmien u n-nuqqasijiet identifikati fl-implimentazzjoni tagħha, id-Direttiva ssodisfat l-għan ewlieni tagħha li tneħħi l-ostakoli għall-moviment liberu tad-dejta personali bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tqis barra minn hekk li l-għan li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità ntlaħaq peress li d-Direttiva stabbiliet ċerti standards ta’ protezzjoni tad-dejta fost l-ogħla fid-dinja.
Għanijiet oħrajn tal-politika tas-suq intern madankollu ma ntlaħqux daqstant tajjeb. Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta għadha tvarja sew bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, dawn id-differenzi jimpedixxu li l-organizzazzjonijiet multinazzjonali jiddefinixxu politiki panEwropej dwar il-protezzjoni tad-dejta. Għalhekk il-Kummissjoni sejra tagħmel dak li huwa meħtieġ sabiex tirranġa din is-sitwazzjoni billi tevita, safejn ikun possibbli, li tirrikorri għal azzjoni formali.
Mill-aspett ta’ livell ġenerali ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta fl-UE, għandhom jingħelbu tliet diffikultajiet:
- nuqqas ta’ riżorsi allokati għall-implimentazzjoni;
- nuqqas ta’ konsistenza fil-konformità fost il-kontrolluri tad-dejta;
- livell apparentement baxx ta’ għarfien tad-drittijiet tagħhom fost l-individwi kkonċernati, li jista’ jkun il-kawża tal-fenomenu preċedenti.
Sabiex tassigura applikazzjoni aqwa tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta, il-Kummissjoni adottat programm ta’ ħidma li fih ċertu numru ta’ azzjonijiet li kellhom jitwettqu bejn l-adozzjoni ta’ dan ir-rapport u l-aħħar tal-2004. Dawn l-azzjonijiet jinkludu l-inizjattivi li ġejjin:
- diskussjonijiet mal-Istati Membri u l-awtoritajiet responsabbli mill-protezzjoni tad-dejta dwar il-bidliet li għandhom isiru fil-liġi nazzjonali tagħhom sabiex jagħmluha għal kollox konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva;
- assoċjazzjoni tal-pajjiżi kandidati mal-isforzi mmirati lejn applikazzjoni ta’ kwalità aqwa u aktar uniformi tad-Direttiva;
- titjib tan-notifika tal-atti legali kollha li jittrasponu d-Direttiva;
- simplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-trasferimenti internazzjonali tad-dejta;
- promozzjoni tat-teknoloġiji li jsaħħu l-protezzjoni tal-privatezza;
- promozzjoni tal-awto-regolamentazzjoni u tal-kodiċi ta’ kondotta Ewropej.
DIRETTIVA “PRIVATEZZA U KOMUNIKAZZJONIJIET ELETTRONIĊI”
Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) [Ġurnal Uffiċjali L 201, 31 ta’ Lulju 2002].
Din id-Direttiva ġiet adottata fl-2002 flimkien ma’ leġiżlazzjoni ġdida maħluqa sabiex tirregola s-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Din fiha dipożizzjonijiet dwar għadd ta’ kwistjonijiet xi ftit jew wisq sensittivi, bħall-ħażna ta’ dejta ta’ konnessjoni mill-Istati Membri għal finijiet ta’ sorveljanza mill-pulizija (żamma ta’ dejta), l-ispam, l-użu tal-“cookies” u l-inklużjoni ta’ dejta personali fid-direttorji pubbliċi.
KLAWŻOLI KUNTRATTWALI STANDARD GĦAT-TRASFERIMENT TA’ DEJTA LIL PAJJIŻI TERZI
Deċiżjoni 2004/915/KE, tas-27 ta' Diċembru 2004, li temenda d-deċiżjoni 2001/497/KE fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ sett alternattiv ta’ klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiżi terzi [Ġurnal Uffiċjali L 385, 29.12.2004].
Il-Kummissjoni Ewropea approvat klawżoli kuntrattwali standard ġodda li l-impriżi jistgħu jużaw sabiex jassiguraw garanziji adegwati waqt it-trasferiment ta’ dejta personali mill-UE lejn pajjiżi terzi. Dawn il-klawżoli ġodda sejrin jiżdiedu ma’ dawk li diġà jeżistu fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2001 (ara hawn taħt).
Deċiżjoni 2001/497/KE tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Ġunju 2001, dwar klawżoli standard tal-kuntratti għat-trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiżi terzi skont id-Direttiva 95/46/KE [Ġurnal Uffiċjali L 181, tal-4.7.2001].
Din id-Deċiżjoni tiddefinixxi l-klawżoli kuntrattwali standard li jassiguraw livell xieraq ta’ protezzjoni tad-dejta personali ttrasferita mill-UE lejn pajjiżi terzi. Id-Deċiżjoni tobbliga lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu li l-kumpaniji jew l-organizzazzjonijiet li jużaw tali klawżoli standard f’kuntratti dwar trasferimenti ta’dejta personali lejn pajjiżi terzi jiżguraw “livell adegwat ta’ protezzjoni” tad-dejta.
PROTEZZJONI TAD-DEJTA MILL-ISTITUZZJONIJIET U L-KORPI TAL-KOMUNITÀ
Ir-Regolament 45/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta [Ġurnal Uffiċjali L 8, 12.01.2001].
Dan ir-Regolament għandu l-għan li jassigura l-protezzjoni tad-dejta personali fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea. Id-dokument jipprovdi:
- dispożizzjonijiet li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali pproċessata mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji;
- l-istabbiliment ta’ awtorità indipendenti ta’ sorveljanza inkarigata mill-kontroll tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.



