Karta tad-Drittijiet Fundamentali
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tirrikonoxxi firxa ta' drittijiet personali, ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini u tar-residenti tal-UE, u tagħmilhom parti mil-liġi tal-UE.
F'Ġunju 1999, il-Kunsill Ewropew ta' Cologne ikkonkluda li d-drittijiet fundamentali applikabbli fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom jiġu kkonsolidati f'karta sabiex tingħatalhom viżibilità akbar. Il-kapijiet ta' stat/gvern ħadmu bis-sħiħ biex jinkludu fil-karta dawk il-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950 u dawk derivati mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-pajjiżi tal-UE. Barra minn hekk, il-karta kellha tinkludi d-drittijiet fundamentali li japplikaw għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll id-drittijiet ekonomiċi u soċjali li jinsabu fil-Karta Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema. Din tkun tirrifletti wkoll il-prinċipji derivati mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-karta tfasslet minn konvenzjoni li kienet magħmula minn rappreżentant minn kull pajjiż tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll minn membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali. Din ġiet formalment ipproklamata f'Nizza f'Diċembru 2000 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.
F'Diċembru 2009, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta ngħatat effett legali vinkolanti ugwali għat-Trattati. Għal dan il-għan, il-Karta ġiet emendata u pproklamata għat-tieni darba f'Diċembru 2007.
Kontenut
Il-karta ġġib flimkien f'dokument waħdieni, id-drittijiet li qabel kienu jinstabu fil-firxa ta' strumenti leġiżlattivi, bħal fil-liġijiet nazzjonali u tal-UE, kif ukoll fil-konvenzjonijiet internazzjonali mill-Kunsill tal-Ewropa, in-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). Billi tagħmel id-drittijiet fundamentali aktar ċari u aktar viżibbli, din toħloq ċertezza legali fi ħdan l-UE.
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
tinkludi preambolu u 54 Artikolu, miġbura f'seba' kapitoli:
- kapitolu I: dinjità (id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni tat-tortura u trattament inuman jew degradanti jew kastig, projbizzjoni tal-iskjavitu u tax-xogħol furzat);
- kapitolu II: libertajiet (id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u familjari, il-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt taż-żwieġ u tal-istabbiliment ta' familja, il-libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u informazzjoni, il-libertà ta' assemblea u assoċjazzjoni, il-libertà tal-arti u x-xjenzi, id-dritt għall-edukazzjoni, il-libertà tal-għażla tal-okkupazzjoni u d-dritt li persuna tinvolvi ruħha f'xogħol, il-libertà li persuna tmexxi negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għall-ażil, il-protezzjoni fil-każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni);
- kapitolu III: ugwaljanza (ugwaljanza quddiem il-liġi, in-non-diskriminazzjoni, id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani, l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà);
- kapitolu IV: solidarjetà (dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u konsultazzjoni fi ħdan l-impriża, id-dritt ta' negozjar u azzjoni kollettiva, id-dritt ta' aċċess għal servizzi ta' impjieg, il-protezzjoni fil-każ ta' tkeċċija inġusta, kundizzjonijiet ġusti u xierqa tax-xogħol, il-projbizzjoni ta' xogħol mit-tfal u l-protezzjoni ta' żgħażagħ fuq ix-xogħol, tal-ħajja familjari u ta' dik professjonali, is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, il-kura tas-saħħa, l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, il-protezzjoni ambjentali, il-protezzjoni tal-konsumatur);
- kapitolu V: drittijiet taċ-ċittadini (id-dritt għall-vot u li persuna toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, id-dritt ta' aċċess għal dokumenti, Ombudsman Ewropew, id-dritt għall-petizzjoni, il-libertà tal-moviment u residenza, u l-protezzjoni diplomatika u konsulari);
- kapitolu VI: ġustizzja (id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità ta' reati kriminali u pieni, id-dritt li persuna ma tiġix iġġudikata jew tingħata piena darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess offiża kriminali);
- kapitolu VII: dispożizzjonijiet ġenerali.
Ambitu
Il-karta tapplika għall-istituzzjonijiet Ewropej, soġġett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, u huma ma jistgħu taħt ebda ċirkostanza jestendu l-poteri u l-kompiti mogħtija lilhom mit-Trattati. Il-karta tapplika wkoll għall-pajjiżi tal-UE meta dawn jimplimentaw il-liġi tal-UE.
Jekk xi wieħed mid-drittijiet jikkorrispondi għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, is-sens u l-ambitu ta' dawk id-drittijiet għandu jkun l-istess kif definit mill-konvenzjoni, għalkemm liġi tal-UE tista' tipprovdi għal protezzjoni aktar estensiva. Kwalunkwe dritt derivat mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' pajjiżi tal-UE, għandu jiġi interpretat b'mod konformi ma' dawk it-tradizzjonijiet.
Il-Protokoll (Nru) 30 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-karta għall-Polonja u r-Renju Unit jirrestrinġi l-interpretazzjoni tal-karta mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali ta' dawn iż-żewġ pajjiżi, b'mod partikolari fir-rigward ta' drittijiet relatati mas-solidarjetà (kapitolu IV).



