RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Il-Programm ta’ Stokkolma

Il-Programm ta’ Stokkolma jipprovdi pjan direzzjonali għax-xogħol tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-qasam tal-ġustizzja, libertà u sigurtà għall-perjodu 2010-2014.

ATT

Il-Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU C 115, 4.5.2010).

SOMMARJU

Il-Programm ta’ Stokkolma jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-qasam tal-ġustizzja, libertà u sigurtà għall-perjodu 2010-14. Filwaqt li jibni fuq il-kisbiet tal-predeċessuri tiegħu, il-programmi ta’ Tampere u tal-Aja hu għandu l-għan li jilħaq l-isfidi futuri u li jkompli jsaħħaħ il-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà permezz ta’ azzjonijiet li jiffokaw fuq l-interessi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini.

Sabiex jipprovdi Ewropa sigura fejn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini jiġu rispettati, il-Programm ta’ Stokkolma jiffoka fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

Ewropa tad-drittijiet

Iċ-ċittadinanza Ewropea għandha tinbidel minn idea astratta għal realtà konkreta. Għandha tagħti liċ-ċittadini tal-UE d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Iċ-ċittadini tal-UE għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet fi ħdan kif ukoll barra l-UE, filwaqt li jkunu jafu li l-privatezza tagħhom qiegħda tiġi rispettata, b’mod partikolari mil-lat tal-protezzjoni tad-dejta personali. L-Ewropa tad-drittijiet għandha tkun żona li fiha:

  • iċ-ċittadini u l-membri tal-familja tagħhom jistgħu jeżerċitaw b’mod sħiħ id-dritt għal moviment liberu;
  • id-diversità tkun rispettata filwaqt li l-aktar gruppi vulnerabbli ta’ nies (it-tfal, il-minoranzi bħar-Roma, il-vittmi tal-vjolenza, eċċ) jiġu protetti, filwaqt li jiġu indirizzati r-razziżmu u l-ksenofobija;
  • id-drittijiet ta’ persuni suspettati u akkużati jiġu protetti fil-proċedimenti kriminali;
  • Iċ-ċittadinanza tal-UE tippromwovi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-UE permezz ta’ proċess trasparenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, aċċess għal dokumenti u amministrazzjoni tajba, kif ukoll tiggarantixxi liċ-ċittadini d-dritt għal protezzjoni konsulari barra l-UE.

Ewropa tal-ġustizzja

Fl-UE kollha għandu jitwettaq qasam Ewropew tal-ġustizzja. L-aċċess tal-ġustizzja għaċ-ċittadini għandu jiġi ffaċilitat, biex b’hekk id-drittijiet tagħhom ikunu infurzati aħjar fl-UE. Fl-istess ħin, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet tal-qrati fl-UE għandhom jiġu żviluppati aktar kemm fil-każijiet ċivili kif ukoll f’dawk kriminali. Għal dan l-għan, il-pajjiżi tal-UE għandhom jużaw il-Ġustizzja elettronika (teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja), jadottaw regoli komuni minimi biex jiġu approssimati l-istandards tal-liġi kriminali u ċivili, u jsaħħu l-fiduċja reċiproka. L-UE trid timmira wkoll li tikseb koerenza mal-ordni legali internazzjonali sabiex toħloq ambjent legali sigur għall-interazzjoni mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE.

Ewropa li tipproteġi

Il-Programm ta’ Stokkolma jirrakkomanda li tiġi żviluppata strateġija ta’ sigurtà interna għall-UE, bil-ħsieb li titjieb il-protezzjoni taċ-ċittadini u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Fl-ispirtu ta’ solidarjetà, l-istrateġija se jkollha l-għan li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-entitajiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, kif ukoll il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri, il-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri. L-istrateġija tas-sigurtà interna sejra tikkonsisti f'approċċ proattiv, orizzontali u transversali b’kompiti maqsuma b’mod ċar għall-UE u l-pajjiżi tagħha. Hija ser tiffoka fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali, bħal:

  • it-traffikar tal-bnedmin;
  • l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal;
  • il-kriminalità ċibernetika;
  • il-kriminalità ekonomika, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni u l-piraterija;
  • id-drogi.

Fil-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali, is-sigurtà interna hija neċessarjament marbuta mas-sigurtà esterna. Għalhekk, għandu jittieħed kont tal-istrateġija tas-sigurtà esterna tal-UE u l-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE.

Aċċess għall-Ewropa

L-UE għandha tiżviluppa iżjed il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-politiki dwar il-viża biex tagħmel l-aċċess legali għall-Ewropa effiċjenti għaċ-ċittadini mhux tal-UE, filwaqt li tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha stess. Huma meħtieġa kontrolli b’saħħithom fil-fruntieri biex jilqgħu għall-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali. Fl-istess ħin, għandu jiġi garantit aċċess għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u għall-gruppi vulnerabbli ta’ nies, bħal minuri mhux akkumpanjati. Konsegwentement, ir-rwol tal-Frontex (l-aġenzija Ewropea għall-ġestjoni tal-kooperazzjoni operattiva fil-fruntieri esterni) għandu jissaħħaħ sabiex din tkun tista’ tirrispondi b’mod aktar effettiv għall-isfidi eżistenti u futuri. Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) huma essenzjali wkoll għat-tisħiħ tas-sistema ta’ kontrolli tal-fruntieri esterni u għaldaqstant għandhom ikunu operattivi għal kollox. Għandu jsir ukoll iżjed xogħol fuq l-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viża u fuq l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni konsulari reġjonali.

Ewropa ta’ solidarjetà

Fuq il-bażi tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, l-UE għandha tiżviluppa politika tal-migrazzjoni komprensiva u flessibbli. Din il-politika għandha tiffoka fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà, u għandha tindirizza l-bżonnijiet kemm tal-pajjiżi tal-UE kif ukoll tal-migranti. Hija għandha tikkunsidra l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fil-pajjiżi tal-UE, filwaqt li tnaqqas l-eżodu ta’ mħuħ minn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE. Għandha tiġi stabbilita wkoll politika b’saħħitha ta’ integrazzjoni li tiggarantixxi d-drittijiet tal-migranti. Barra minn hekk, politika komuni dwar il-migrazzjoni għandha tinkludi politika effettiva u sostenibbli dwar ir-ritorn, filwaqt li għandu jsir iżjed xogħol f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni, il-kontroll u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali. Jeħtieġ ukoll li jissaħħaħ id-djalogu u s-sħubijiet mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE (kemm ta’ transitu kif ukoll ta’ oriġini), b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ulterjuri tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni.

Għandu jsir kull sforz possibbli biex sal-2012 titwaqqaf is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA). F’dan ir-rigward, huwa essenzjali l-iżvilupp tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil. Billi tipprovdi proċedura komuni ta’ ażil għall-pajjiżi tal-UE u status uniformi għal dawk li jkunu ngħataw protezzjoni internazzjonali, is-SEKA tista’ toħloq spazju ta’ protezzjoni u solidarjetà fl-UE.

L-Ewropa f’dinja globalizzata

Id-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE għandha tiġi kkunsidrata wkoll fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Dan se jgħin fl-indirizzar tal-isfidi relatati li llum il-ġurnata l-UE qed tiffaċċja, kif ukoll se jsaħħaħ l-opportunitajiet għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE. L-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam għandha taderixxi mal-prinċipji li ġejjin:

  • iż-żamma ta’ politika waħda għar-relazzjonijiet esterni tal-UE;
  • ħidma bi sħab ma’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE (inklużi l-pajjiżi kandidati, ġirien u taż-ŻEE/ ta’ Schengen, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Federazzjoni Russa);
  • il-promozzjoni tal-istandards u l-valuri Ewropej u internazzjonali, kif ukoll ir-ratifika tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Konferenza tal-Aja dwar il-Konvenzjonijiet tad-Dritt Internazzjonali Privat;
  • l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-attivitajiet bilaterali u multilaterali;
  • aġir fi spirtu ta’ solidarjetà, koerenza u komplementarjetà;
  • użu effettiv tal-istrumenti u r-riżorsi kollha disponibbli;
  • għoti ta’ tagħrif, monitoraġġ u evalwazzjoni fuq l-azzjonijiet fid-dimensjoni esterna tal-ġustizzja u affarijiet interni;
  • użu ta’ approċċ proattiv għar-relazzjonijiet esterni.

Il-Programm ta’ Stokkolma huwa implimentat permezz ta’ pjan ta' azzjoni li se jiġi adottat sa Ġunju 2010.

L-aħħar aġġornament: 16.03.2010

Ara wkoll

  • Is-sit elettroniku tal-Programm ta' Stokkolma (EN) (FR) (SV)
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna