RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 20-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Kooperazzjoni mal-Istati Uniti għal operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet

L-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Uniti jaqsmu objettivi komuni f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika barranija tagħhom. B'mod partikolari, huma jinkoraġġixxu s-solvien b'mod paċifiku tal-kunflitti kif ukoll il-bini mill-ġdid u l-istabilizzazzjoni ta' pajjiżi f'sitwazzjoni ta' kriżi. Għalhekk, l-UE u l-Istati Uniti ddeċidew li jikkondividu l-isforzi tagħhom għal ċerti operazzjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet immexxija mill-UE f'pajjiżi terzi.

ATT

Ftehim qafas bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet.

SOMMARJU

Dan il-ftehim huwa ftehim qafas li japplika għall-operazzjonijiet kollha ta' ġestjoni ta' kriżi mmexxija mill-Unjoni Ewropea (UE) f'pajjiżi terzi u li l-Istati Uniti ddeċidew li jipparteċipaw fihom. Il-ftehim jiddefinixxi b'mod partikolari l-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti u r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE waqt li jkunu għaddejjin il-missjonijiet.

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti fl-operazzjoni ta' ġestjoni ta' kriżi mmexxija mill-UE

L-Istati Uniti jiddeċiedu fuq bażi ta' każ b'każ li jipparteċipaw f'operazzjonijiet immexxija mill-UE. Imbagħad, l-UE tadotta deċiżjoni li fiha tistieden lill-Istati Uniti sabiex jissieħbu f'operazzjoni. Jekk huma jaċċettaw, l-Istati Uniti jwiegħdu wkoll li jobdu t-termini tad-deċiżjoni tal-Kunsill permezz ta' liema l-UE tkun iddeċidiet li tmexxi l-operazzjoni kkonċernata.

Sussegwentament, l-UE u l-Istati Uniti jikkonsultaw ma' xulxin fuq il-kontribut propost tal-Istati Uniti. Dan il-kontribut jittraduċi ruħu fil-bgħit ta' persunal, ta’unitajiet u ta' beni ċivili. L-UE u l-Istati Uniti jiftiehmu wkoll fuq kontribut possibbli tal-Istati Uniti għall-baġit tal-operazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Uniti jassumu l-ispejjeż kollha marbutin mal-parteċipazzjoni tagħhom, għajr meta l-ispejjeż ikunu previsti fil-baġit.

Meta jridu, l-Istati Uniti jistgħu jiddeċiedu li jirtiraw għal kollox jew parzjalment mill-operazzjoni militari wara konsultazzjoni mal-UE. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni ta' ġestjoni ta' kriżi tappartjeni essenzjalment għal-UE. Madankollu, din għandha tikkonsulta mal-Istati Uniti jekk dawn ikunu qegħdin jipprovdu kontribut sad-data li fiha tittieħed id-deċiżjoni.

Barra minn hekk, id-differenzi kollha dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-ftehim huma regolati bejn l-UE u l-Istati Uniti permezz ta' kanali diplomatiċi.

L-istatus tal-kontinġent Amerikan issekondat fil-qafas ta' operazzjoni mmexxija mill-UE

L-istatus ta' kontinġent Amerikan huwa regolat mill-ftehim fuq l-istatus tal-missjoni konkluż bejn l-UE u l-Istat fejn tkun qiegħda sseħħ l-operazzjoni. L-Istati Uniti għandhom ikunu f'pożizzjoni li jeżaminaw dan il-ftehim qabel ma jiddeċiedu jekk humiex sejrin jipparteċipaw jew le fl-operazzjoni.

Jekk tali ftehim ma jkunx għadu ġie konkluż, il-partijiet għandhom jaqblu fuq ftehim ekwivalenti qabel jiġi skjerat il-kontinġent Amerikan.

Il-ftehim fuq l-istatus tal-missjoni jiddefinixxi b'mod partikolari l-privileġġi u l-immunitajiet tal-persunal u tal-unitajiet distakkati tal-Istati Uniti.

Barra minn hekk, l-Istati Uniti jirriservaw id-dritt li jeżerċitaw is-setgħat tal-ġurisdizzjoni tagħhom fuq il-persunal distakkat tagħhom fil-pajjiż fejn tkun qiegħda sseħħ l-operazzjoni. Bl-istess mod, hija r-responsabilità tagħhom li jissodisfaw kwalunkwe pretensjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom b'mod konformi mal-liġi nazzjonali.

Tmexxija tal-operazzjonijiet

L-UE hija responsabbli mit-tmexxija tal-operazzjoni ta' ġestjoni ta' kriżi. Hija tiddefinixxi wkoll l-objettivi u l-linji gwida tal-missjonijiet.

L-Istati Uniit għandhom jiżguraw li l-persunal u l-unitajiet tagħhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom b'mod konformi ma' dawn il-linji gwidi. B'hekk, il-persunal tal-unitajiet distakkati huma marbutin isegwu d-direttivi tal-kap tal-missjoni jew tal-kmandat tal-UE, iżda jibqgħu għal kollox taħt il-kmand tal-Istati Uniti.

Barra minn hekk, l-Istati Uniti jaħtru punt ta' kuntatt nazzjonali sabiex jirrappreżenta lill-kontinġent nazzjonali tagħhom fi ħdan l-operazzjoni. Dan il-punt ta' kuntatt għandu b'mod partikolari jsegwi l-istruzzjonijiet tal-kap tal-missjoni u huwa responsabbli għal materji ta' dixxiplina fi ħdan il-kontinġent Amerikan.

Rinunzja għal talbiet ta' indennizz

Permezz ta' dan il-ftehim, l-UE u l-Istati Uniti jirrinunzjaw għat-talbiet ta' indennizz kontra l-parti l-oħra għal danni li jirriżultaw mit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, għajr f'każijiet ta' negliġenza gravi jew ta' kondotta ħażina konsapevoli.

Ir-rinunzja għal talbiet ta' indennizz għandha tkun is-suġġett ta' dikjarazzjoni min-naħa tal-Istati Uniti u ta' kull Stat Membru tal-UE.

REFERENZI

AttDħul fis-seħħSkadenza għat-traspożizzjoni fi ħdan l-Istati MembriĠurnal Uffiċjali

Ftehim qafas bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea

Ara Artikolu 10.1

Applikazzjoni provviżorja: 17.5.2001

ĠU L 143, 31.5.2011

Dan is-sommarju qiegħed jinħareġ għal għanijiet ta' informazzjoni biss. Dan ma għandux l-għan li jinterpreta jew li jissostitwixxi d-dokument ta' referenza, li jibqa' l-unika bażi legali vinkolattiva.

L-aħħar aġġornament: 29.07.2011
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna