RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


L-iġjene tal-ikel

Bħala parti mir-reviżjoni tal-liġi dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (“il-pakkett dwar l-iġjene”), dan ir-Regolament jenfasizza d-definizzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel, billi jħalli f’idejn l-operaturi tas-settur tal-ikel ir-responsabbiltà li jadottaw il-miżuri ta’ sigurtà li għandhom jimplimentaw sabiex jiggarantixxu is-sikurezza tal-ikel.

ATT

Regolament (KE) nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel [Ara l-att(i) ta' emenda].

SINTEŻI

Dan ir-regolament jissostitwixxi d-direttiva 93/43/KEE dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel * sabiex jistabbilixxi politika globali u integrata li tapplika għall-oġġetti tal-ikel kollha mill-impriża agrikola sal-post fejn jinbiegħ lill-konsumatur.

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jassigura l-iġjene tal-ikel fl-istadji kollha tal-proċess ta’ produzzjoni, mill-produzzjoni primarja * jsal-bejgħ lill-konsumatur finali. Huwa ma jkoprix il-kwistjonijiet dwar in-nutrizzjoni, u lanqas dawk li jirrigwardaw il-kompożizzjoni u l-kwalità tal-ikel.

Dan ir-Regolament japplika għall-impriżi tas-settur tal-ikel u mhux għall-produzzjoni primarja u l-preparazzjoni fid-dar għall-finijiet ta’ konsum privat.

Dispożizzjonijiet ġenerali u dispożizzjonijiet speċifiċi

L-operaturi kollha tas-settur tal-ikel għandhom jiżguraw li l-istadji kollha li huma responsabbli għalihom, mill-produzzjoni primarja sal-bejgħ jew id-disponibbiltà tal-ikel għall-konsumatur finali, isiru b’mod iġjeniku, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-operaturi tas-settur tal-ikel li jwettqu attivitajiet ta’ produzzjoni primarja u ċerti attivitajiet relatati għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-iġjene tal-parti A tal-Anness I. Jistgħu jingħataw eżenzjonijiet fir-rigward ta' impriżi ż-żgħar, sakemm dan ma jikkompromettix l-għanijiet tar-Regolament.

L-attivitajiet relatati kkonċernati huma:

  • it-trasport, l-immaniġġjar u l-ħażna tal-prodotti primarji fuq il-post ta’ produzzjoni meta n-natura tagħhom ma tkunx ġiet mibdula b’mod sostanzjali;
  • it-trasport tal-annimali ħajjin jekk ikun meħtieġ;
  • it-trasport, mill-post ta’ produzzjoni lejn stabbiliment, ta’ prodotti li ġejjin mill-pjanti, tal-prodotti tas-sajd u tal-kaċċa, meta n-natura tagħhom ma tkunx ġiet mibdula b’mod sostanzjali.

Barraminnhekk, l-operaturi tas-settur tal-ikel li jwettqu attivitajiet oħra minbarra dawk tal-produzzjoni primarja għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-iġjene tal-Anness II. Dan l-Anness jagħti dettalji dwar id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw:

  • il-postijiet, inklużi s-siti esterni;
  • il-kundizzjonijiet ta’ trasport;
  • it-tagħmir;
  • l-iskart tal-ikel;
  • l-alimentazzjoni permezz tal-ilma;
  • l-iġjene personali tal-individwi f’kuntatt mal-ikel;
  • l-ikel innifsu;
  • it-tgeżwir u l-ippakkjar;
  • it-trattament bis-sħana, li jgħin fl-ipproċessar ta’ ċertu ikel;
  • it-taħriġ tal-professjonisti tas-settur.

L-Istati Membri jistgħu jadattaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II sabiex jikkunsidraw il-ħtiġijiet tal-operaturi tas-settur tal-ikel li jinsabu f’reġjuni soġġetti għal limitazzjonijiet ġeografiċi partikolari jew li għandhom diffikultajiet ta’ provvista, li jservu s-suq lokali, jew sabiex jikkunsidraw il-metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali u d-daqs tal-impriżi. L-objettivi tas-sigurtà tal-ikel * madankollu m'għandhomx jiġu kompromessi.

Barraminnhekk, l-operaturi kollha tas-settur tal-ikel għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ċerti regoli speċifiċi dwar, b’mod partikolari, il-kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għall-oġġetti tal-ikel, il-kontroll tat-temperatura u r-rispett tal-katina tal-kesħa, it-teħid ta’ kampjuni u l-analiżijiet.

Is-sistema HACCP

L-operaturi tas-settur tal-ikel (minbarra dawk li jwettqu attivitajiet ta’ produzzjoni primarja) għandhom japplikaw il-prinċipji tas-sistema HACCP (analiżi tar-riskji u l-kontroll tal-punti kritiċi) introdotta mill-Codex Alimentarius (ġabra ta’ standards internazzjonali dwar l-ikel imfassla bħala parti mill-ħidma tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ikel u l-agrikoltura).

Dawn il-prinċipji jippreskrivu ċertu numru ta’ rekwiżiti li għandhom jiġu rrispettati matul iċ-ċiklu kollu ta’ produzzjoni, ta’ pproċessar u ta’ tqassim sabiex jippermettu, permezz ta’ analiżi tal-perikli, l-identifikazzjoni tal-punti kritiċi li l-kontroll tagħhom huwa essenzjali għall-garanzija ta’ ikel sigur:

  • l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe periklu li jeħtieġ li jkun evitat, eliminat jew jitnaqqas għal livell aċċettabbli;
  • l-identifikazzjoni tal-punti kritiċi li fil-livell tagħhom huwa essenzjali l-kontroll;
  • l-istabbiliment tal-limiti kritiċi li meta jinqabżu jkun meħtieġ intervent;
  • l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ proċeduri ta’ sorveljanza effiċjenti tal-punti kritiċi;
  • l-istabbiliment ta’ azzjonijiet korrettivi meta s-sorveljanza turi li punt kritiku ma jkunx taħt kontroll;
  • l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ awto-kontroll sabiex jivverifikaw l-effikaċja tal-miżuri li jittieħdu;
  • l-istabbiliment ta’ reġistri maħsuba sabiex juru l-applikazzjoni effettiva ta’ dawn il-miżuri u jiffaċilitaw il-kontrolli uffiċjali mill-awtorità kompetenti.

Gwidi ta’ prattika tajba u gwidi għall-applikazzjoni tas-sistema HACCP

L-Istati Membri għandhom iħeġġu t-tfassil ta’ gwidi nazzjonali ta’ prattiki tajbin mill-operaturi tas-settur tal-ikel, li jinkludu pariri rigward il-konformità mar-regoli ġenerali tal-iġjene u mal-prinċipji HACCP. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn il-gwidi nazzjonali sabiex jiżguraw li l-kontenut tagħhom jista’ jiġi applikat fil-prattika, li jkunu ġew imfassla b’kunsiderazzjoni għall-prinċipji ġenerali tal-iġjene tal-ikel tal-Codex Alimentarius u li l-partijiet kollha interessati jkunu ġew ikkonsultati. Il-gwidi nazzjonali li jitqiesu konformi jintbagħtu lill-Kummissjoni li żżomm rekord tagħhom.

Jekk Stat Membru jew il-Kummissjoni jqisu li jeħtieġ li jipprovdu gwidi Komunitarji uniformi, il-Kummissjoni għandha jekk tali gwidi humiex opportuni. Il-kumitati permanenti li jgħinu lill-Kummissjoni għandhom jassiguraw li l-kontenut tagħhom jkun jista' jiġi applikat fil-prattika, li jkunu tfasslu b’kunsiderazzjoni għall-prinċipji ġenerali tal-iġjene tal-ikel tal-Codex Alimentarius u tal-gwidi nazzjonali u li l-partijiet kollha interessati jkunu ġew ikkonsultati.

L-operaturi tas-settur tal-ikel jistgħu jirreferu kemm għall-gwidi nazzjonali kif ukoll dawk Komunitarji.

Reġistrazzjoni jew approvazzjoni tal-impriżi tas-settur tal-ikel

L-operaturi tas-settur tal-ikel għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti u, b’mod partikolari, jiżguraw li l-istabbilimenti kollha taħt ir-responsabbiltà tagħhom ikunu rreġistrati mal-awtorità xierqa u li jżommu lil din tal-aħħar informata dwar il-bidliet fis-sitwazzjoni (pereżempju, l-għeluq tal-istabbiliment).

Fejn ikun meħtieġ mil-liġi nazzjonali jew Komunitarja, l-impriżi tas-settur tal-ikel għandhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti u ma jistgħux joperaw mingħajr din l-approvazzjoni.

Traċċabbiltà u rtirar tal-oġġetti tal-ikel

B'mod konformi mar-Regolament (KE) nru 178/2002, l-operaturi tas-settur tal-ikel għandhom jistabbilixxu sistemi u proċeduri li jippermettu t-traċċabbiltà tal-ingredjenti u tal-ikel u, jekk ikun il-każ, tal-annimali użati għall-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel.

Bl-istess mod, meta operatur tas-settur tal-ikel jinnota li oġġett tal-ikel jippreżenta riskju gravi għas-saħħa, dan għandu jirtirah minnufih mis-suq u jinforma b’dan lill-awtorità kompetenti kif ukoll lill-utenti.

Kontrolli uffiċjali

L-applikazzjoni, mill-operaturi tas-settur tal-ikel, tal-prinċipji HACCP ma tissostitwixxix il-kontrolli uffiċjali li għandhom isiru mill-awtorità kompetenti. L-operaturi huma partikolarment meħtieġa li jikkollaboraw mal-awtoritajiet kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja jew, inkella, nazzjonali.

Id-dimensjoni esterna

L-oġġetti tal-ikel importati fil-Komunità għandhom ikunu konformi mal-istandards Komunitarji tal-iġjene jew ma’ standards ekwivalenti.

Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali esportati lejn pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw mill-inqas l-istess rekwiżiti bħal dawk applikabbli għall-bejgħ tagħhom ġewwa l-Komunità, minbarra kwalunkwe rekwiżit impost mill-pajjiż terz ikkonċernat.

Rapport lill-Kunsill u lill-Parlament

Il-Kummissjoni, fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat jekk ikun il-każ minn kwalunkwe proposta xierqa, dwar l-esperjenza miksuba wara l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll dwar l-opportunità li jiġu applikati l-prinċipji HACCP għall-operaturi tas-suq tal-ikel li jwettqu attivitajiet ta’ produzzjoni primarja u l-attivitajiet relatati deskritti hawn fuq.

KUNTEST

Dan ir-Regolament jagħmel parti mill-“pakkett dwar l-iġjene”, sett ta’ atti li jistabbilixxu regoli tal-iġjene għall-prodotti tal-ikel. Dan jinkludi, minbarra dan ir-Regolament, l-atti li ġejjin:

  • ir-Regolament (KE) nru 853/2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali, bl-għan li jiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà fl-ikel u ta’ saħħa pubblika ;
  • ir-Regolament (KE) nru 854/2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman u li jistabbilixxi regoli speċifiċi għal-laħam frisk, il-molluski bivalvi, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.

Barraminnhekk, l-atti li ġejjin jikkompletaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel:

  • ir-Regolament (KE) nru 178/2002 li fih jinsabu l-prinċipji ġenerali tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel. Dan ir-regolament jispjega l-proċeduri dwar is-sigurtà tal-ikel u jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) (DE) (EN) (FR);
  • ir-Regolament (KE) nru 882/2004 li jorganizza mill-ġdid il-kontrolli uffiċjali tal-oġġetti tal-ikel u tal-ikel għall-annimali, b’mod li jintegra l-kontrolli fl-istadji kollha tal-produzzjoni u fis-setturi kollha;
  • id-Direttiva 2002/99/KE li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali u r-restrizzjonijiet applikabbli għall-prodotti li jkunu ġejjin minn pajjiż jew reġjun terz, soġġetti għal restrizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali.
Termini ewlenin tal-Att
  • Iġjene tal-ikel: miżuri u kundizzjonijiet meħtieġa biex iħarsu kontra l-perikli u jiggarantixxu l-idoneità għall-konsum mill-bniedem ta’ oġġett tal-ikel.
  • Produzzjoni primarja: il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti primarji, inklużi l-ħsad, il-kaċċa, is-sajd, il-ħlib u l-istadji kollha ta’ produzzjoni tal-annimali qabel il-qatla.
  • Sigurtà tal-oġġetti tal-ikel: assigurazzjoni li l-oġġetti tal-ikel ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tal-konsumaturi finali meta dawn ikunu ppreparati u kkunsmati.

REFERENZI

AttDħul fis-seħħTerminu għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali

Regolament (KE) nru 852/2004

20.5.2004

-

ĠU L 139, 30.4.2004

Att(i) li jemenda(w)Dħul fis-seħħTerminu għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Regolament (KE) nru 219/2009

20.4.2009

-

ĠU L 87, 31.3.2009

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) nru 852/2004 ġew integrati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għal skopijiet ta' referenza.

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għal oġġetti tal-ikel [Ġurnal Uffiċjali L 338, 22.12.2005].
Ara verżjoni kkonsolidata (DE ) (EN ) (FR )

Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 2074/2005, tal-5 ta' Diċembru 2005, li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għal ċerti prodotti taħt ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 [Ġurnal Uffiċjali L 338, 22.12.2005].
Ara verżjoni kkonsolidata

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) nru 852/2004, nru 853/2004 u nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene [KUMM(2009) 403 finali – Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].
Il-Kummissjoni irrivediet l-esperjenza miksuba waqt l-applikazzjoni tar-Regolamenti msemmija. Hija ppreżentat il-progress li sar u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom il-partijiet interessati fl-applikazzjoni tal-pakkett dwar l-iġjene, mill-2006 sal-2008. Hija kkonkludiet li, globalment, l-Istati Membri adottaw il-miżuri amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll meħtieġa għall-garanzija tal-konformità mal-leġiżlazzjoni, iżda li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tista’ titjieb aktar. Id-diffikultajiet ewlenin li jissemmew jirrigwardaw:

  • ċerti restrizzjonijiet fl-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolamenti kkonċernati;
  • ċerti definizzjonijiet stabbiliti f’dawn ir-Regolamenti;
  • ċerti aspetti prattiċi tal-approvazzjoni tal-istabbilimenti li jipproċessaw l-ikel li ġej mill-annimali u l-immarkar ta’ dan l-ikel;
  • l-iskema ta’ importazzjoni ta’ ċertu ikel;
  • l-istabbiliment tal-proċeduri bbażati fuq il-prinċipji HACCP (analiżi tar-riskji u kontroll tal-punti kritiċi) f’ċerti impriżi tas-settur tal-ikel; u
  • t-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali f’fergħat speċifiċi tas-settur.

Dan ir-rapport ma jissuġġerixxi l-ebda soluzzjoni dettaljata. Madankollu, il-Kummissjoni ser tistudja jekk proposta ta’ titjib tal-pakkett dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel hijiex meħtieġa abbażi tad-diffikultajiet identifikati.

L-aħħar aġġornament: 30.09.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna