EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) — niżguraw ikel u għalf tal-annimali sigur fl-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 — il-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel

Ir-Regolament (UE) 2019/1381 — it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Magħruf bħala r-regolament dwar il-liġi ġenerali dwar l-ikel, dan isaħħaħ ir-regoli dwar is-sigurtà tal-ikel u l-għalf fl-UE.
  • Dan jistabbilixxi wkoll l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li tipprovdi appoġġ għall-ittestjar xjentifiku u evalwazzjoni tal-ikel u l-għalf.
  • Ir-Regolament ma jkoprix il-produzzjoni fuq ir-razzett għal użu privat jew l-immaniġġjar tal-ikel id-dar.

PUNTI EWLENIN

  • L-ebda ikel perikoluż għas-saħħa jew mhux xieraq għall-konsum ma jista’ jitpoġġa għall-bejgħ. Il-fatturi li ġejjin jittieħdu inkunsiderazzjoni:
    • il-kundizzjonijiet normali li taħthom l-ikel jintuża mill-konsumatur;
    • l-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur;
    • l-effett fuq is-saħħa, fuq perjodu qasir jew twil;
    • l-effetti tossiċi kumulattivi;
    • is-sensittivitajiet tas-saħħa partikolari ta’ kategorija speċifika tal-konsumaturi fejn l-ikel huwa maħsub għal din il-kategorija ta’ konsumaturi.
  • Jekk xi ikel jew għalf mhux sigur huwa parti minn lott, huwa preżunt li l-lott sħiħ mhux sigur.
  • Il-leġiżlazzjoni dwar l-ikel tapplika fl-istadji kollha tal-katina alimentari, mill-produzzjoni, l-ipproċessar, it-trasport u d-distribuzzjoni sal-provvista. B’mod partikolari, in-negozji tal-ikel għandhom:
    • jiggarantixxu t-traċċabilità tal-ikel, l-għalf u l-annimali għall-konsum fl-istadji kollha tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni,
    • jirtiraw l-ikel u l-għalf mis-suq immedjatament, jew isejħu lura l-prodotti mis-suq li diġà ġew fornuti, jekk dawn jitqiesu ta’ ħsara għas-saħħa,
    • jinformaw lill-awtoritajiet xierqa, u lill-konsumaturi jekk meħtieġ.
  • L-EFSA tipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi tal-UE fl-oqsma kollha li jolqtu s-sikurezza alimentari. Hija responsabbli wkoll għall-koordinazzjoni ta’ valutazzjonijiet tar-riskju, l-identifikazzjoni tar-riskji emerġenti u għall-għoti ta’ pariri dwar il-maniġġar ta’ kriżijiet.
  • Meta b’segwitu għal analiżi tar-riskju tas-saħħa jiġi identifikat riskju, il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni jistgħu jadottaw miżuri ta’ prekawzjoni provviżorji konsistenti ma’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.
  • Is-sistema ta’ twissija rapida għall-ikel u l-għalf (RASFF) li tinvolvi lill-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni u l-EFSA, tipprevedi kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar:
    • miżuri biex tiġi ristretta ċ-ċirkolazzjoni tal-ikel, jew għall-irtirar tiegħu mis-suq;
    • azzjoni meħuda biex tipprevjeni, tillimita jew timponi kondizzjonijiet speċifiċi fuq it-tqegħid fis-suq jew l-użu eventwali tal-ikel jew l-għalf;
    • iċ-ċaħda ta’ lott ta’ ikel importat.
  • Din l-informazzjoni trid tkun disponibbli wkoll għall-pubbliku ġenerali meta jkun xieraq.
  • Meta l-ikel jew l-għalf jippreżenta riskju serju u li ma jistax jiġi kkontrollat għas-saħħa jew l-ambjent, il-miżuri protettivi ta’ emerġenza tal-Kummissjoni jistgħu jinkludu s-sospensjoni tal-kummerċ jew tal-importazzjonijiet tal-prodott. Jekk il-Kummissjoni tonqos milli tieħu azzjoni, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jieħdu miżuri simili.
  • Flimkien mal-EFSA u l-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni għandha tfassal pjan ta’ maniġġar ta’ kriżijiet ġenerali biex ikopri sitwazzjonijiet fejn il-miżuri protettivi ta’ emerġenza standard mhumiex biżżejjed. Fejn jiġi identifikat każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi immedjament unità ta’ kriżijiet biex tidentifika l-għażliet għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
  • L-UE għandha wkoll l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi kontra prattiki frodulenti jew qarrieqa fil-kummerċ tal-ikel, bħal adulterazzjoni tal-ikel (pereżempju, laħam taż-żiemel fi prodotti taċ-ċanga), u tipprovdi bażi għall-konsumaturi biex jagħmlu għażliet infurmati dwar l-ikel.

Ir-Regolament (UE) 2019/1381 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari jemenda prinċipalment ir-Regolament (KE) Nru 178/2002. Dan ifittex li jagħmel li ġej.

  • Jiżgura aktar trasparenza: Il-pubbliku ser ikollu aċċess awtomatiku għall-istudji kollha u l-informazzjoni sottomessa b’appoġġ għal kwalunkwe talba indirizzata lill-EFSA, eż. għall-istudji kollha li jappoġġjaw talba għal awtorizzazzjoni minn operatur tan-negozju tal-ikel, fil-bidu tal-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju. Informazzjoni kunfidenzjali ġġustifikata b’mod dovut mhijiex sejra tiġi żvelata. Il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku ġenerali ser jiġi kkonsultat ukoll dwar dawn l-istudji sottomessi. Il-feedback li jiġi riċevut ser jippermetti lill-EFSA aċċess għall-usa’ bażi ta’ evidenza possibbli qabel tagħti l-parir xjentifiku tagħha.
  • Iżid l-indipendenza u r-robustezza tal-istudji xjentifiċi sottomessi: L-EFSA ser tiġi nnotifikata dwar l-istudji kollha, meta dawn jiġu kkummissjonati, bl-għan ta’ proċedura ta’ applikazzjoni futura, waqt il-fażi ta’ qabel is-sottomissjoni. Dan ser jiggarantixxi li l-kumpaniji li japplikaw għal awtorizzazzjonijiet jissottomettu l-informazzjoni rilevanti kollha u ma jżommux lura studji mhux favorevoli. L-EFSA ser tipprovdi wkoll parir ġenerali lill-applikanti, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u medji, qabel is-sottomissjoni tad-dossier. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-EFSA biex tikkummissjona studji addizzjonali għal skopijiet ta’ verifika f’ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ kontroversji serji jew riżultati konfliġġenti. Il-Kummissjoni ser twettaq ukoll missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni biex tivverifika l-konformità tal-laboratorji mal-istandards applikabbli għat-twettiq ta’ studji sottomessi lill-EFSA. Ir-riżultat tal-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni ser jiġi ppreżentat f’rapport ta’ ħarsa ġenerali.
  • Isaħħaħ il-governanza u l-kooperazzjoni xjentifika: Il-pajjiżi tal-UE, is-soċjetà ċivili u l-Parlament Ewropew ser ikunu involuti fil-governanza tal-EFSA billi jiġu rrappreżentati b’mod dovut fil-bord tat-tmexxija tagħha. Il-pajjiżi tal-UE ser iħeġġu l-kapaċità xjentifika tal-EFSA biex tiżviluppa, pereżempju, permezz ta’ proġetti konġunti u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, u ser iwettqu attivitajiet ta’ promozzjoni biex jiżguraw ir-reklutaġġ tal-aħjar esperti indipendenti fix-xogħol tal-EFSA.
  • Jiżviluppa komunikazzjoni tar-riskju komprensiva: pjan ġenerali għall-komunikazzjoni tar-riskju ser jiġi adottat permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni biex jiżgura qafas ta’ komunikazzjoni tar-riskju komprensiva tul il-proċess tal-analiżi tar-riskju, flimkien ma’ djalogu miftuħ fost il-partijiet interessati kollha.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 ilu japplika mill-21 ta’ Frar 2002.

Ir-regoli l-ġoddi fir-Regolament ta’ emenda (UE) 2019/1381 japplikaw mis-27 ta’ Marzu 2021.

SFOND

Ir-Regolament (UE) 2019/1381 jemenda wkoll 8 atti settorjali oħra (jiġifieri atti fuq setturi relatati speċifiċi), sa fejn huma kkonċernati aspetti ta’ trasparenza:

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, pp. 1-24)

L-emendi suċċessivi fir-Regolament (UE) Nru 178/2002 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 1829/2003, (KE) Nru 1831/2003, (KE) Nru 2065/2003, (KE) Nru 1935/2004, (KE) Nru 1331/2008, (KE) Nru 1107/2009, (UE) 2015/2283 u d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 231, 6.9.2019, pp. 1-28)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, pp. 1-175)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (ĠU L 327, 11.12.2015, pp. 1-22)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, pp. 1-50)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, pp. 1-6)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, 13.11.2004, pp. 4-17)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (ĠU L 268, 18.10.2003, pp. 29-43)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, pp. 1-23)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 01.07.2022

Top