RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 22-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Bioċidi

Dan ir-regolament jarmonizza r-regoli eżistenti tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq ta' prodotti bioċidali u dwar l-użu tagħhom. Joħloq ukoll awtorizzazzjoni tal-Unjoni għal prodotti bioċidali li tippermetti li prodotti jitpoġġew direttament fis-suq kollu tal-UE mingħajr il-ħtieġa għal awtorizzazzjonijiet nazzjonali separati jew rikonoxximent reċiproku.

ATT

Regolament (KE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali.

SOMMARJU

Dan ir-Regolament japplika għal:

  • prodotti bioċidali *;
  • oġġetti u materjali ttrattati * bi prodotti bioċidali;
  • sustanzi attivi.

Lista tal-prodotti kkonċernati tista' tinstab fl-Anness V għar-Regolament.

Kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti bioċidali

Għal prodotti bioċidali, il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati għal awtorizzazzjoni:

  • is-sustanza attiva hija approvata għat-tip ta' prodott relevanti;
  • il-prodott bioċidali, meta użat kif awtorizzat, huwa effettiv biżżejjed, ma għandu ebda effett mhux aċċettabbli fuq l-organiżmi fil-mira, fuq is-saħħa tal-bnedmin jew tal-annimali jew fuq l-ambjent;
  • il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tal-prodott huma meqjusin aċċettabbli fir-rigward tal-użu u l-ġarr tal-prodott;
  • fejn xieraq, il-limiti massimi tar-residwi għall-ikel u għall-għalf ġew stabbiliti fir-rigward tas-sustanzi attivi li jinsabu fil-prodott bijoċidali;
  • meta jintużaw nanomaterjali fil-prodott, ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimal u għall-ambjent ġie vvalutat b'mod separat.

Sustanza attiva għandha tkun approvata għal perjodu inizjali massimu ta' 10 snin jekk għallinqas prodott bijoċidali wieħed li fih dik is-sustanza attiva jista' jkun mistenni li jissodisfa l-kriterji ta' hawn fuq.

Awtorizzazzjoni nazzjonali u rikonoxximent reċiproku

Ir-Regolament jipprovdi għal proċeduri ta' armonizzazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti bioċidali fl-UE. Ladarba tingħata l-ewwel awtorizzazzjoni minn pajjiż tal-UE, l-applikant jista' jitlob għar-rikonoxximent ta' dik l-awtorizzazzjoni minn pajjiżi tal-UE oħrajn. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata skont termini u kundizzjonijiet identiċi.

Awtorizzazzjoni tal-Unjoni

Il-proċedura tal-awtorizzazzjoni ċentralizzata sejra tirriżulta f'awtorizzazzjoni tal-Unjoni li tippermetti lill-industrija sabiex tpoġġi prodotti bioċidali direttament fis-suq kollu tal-UE mingħajr il-ħtieġa li jinkisbu awtorizzazzjonijiet nazzjonali separati jew mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li tgħaddi mill-proċedura ta' rikonoxximent reċiproku. Din l-awtorizzazzjoni ċentralizzata hija volontarja u jekk, għal kwalunkwe raġuni, l-applikant ma jkunx interessat f'awtorizzazzjoni tal-Unjoni, huwa jista' japplika għal awtorizzazzjoni nazzjonali u, jekk applikabbli, għal rikonoxximent reċiproku ta' dik l-awtorizzazzjoni f'pajjiżi tal-UE oħrajn.

Proċedura ta' awtorizzazzjoni ssimplifikata

Ċerti prodotti bioċidali jistgħu jkunu eleġibbli għal proċedura ta' awtorizzazzjoni ssimplifikata, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

  • is-sustanzi attivi kollha li hemm fil-bioċida jidhru fi u jissodisfaw kwalunkwe restrizzjoni fl-Anness I għal dan ir-regolament;
  • il-bioċida ma fih ebda sustanza ta' tħassib jew ebda nanomaterjali;
  • il-bioċida huwa effettiv biżżejjed;
  • il-maniġġ tal-prodott bijoċidali u l-użu maħsub tiegħu ma jeħtiġux apparat ta' protezzjoni personali.

Jekk il-kundizzjonijiet ta' hawn fuq jiġu ssodisfati, l-applikanti għandhom jissottomettu applikazzjoniijet lill-Aġenzija tas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), u jinnominaw awtorità kompetenti biex tevalwa l-applikazzjoni tagħhom.

Prodott bioċidali awtorizzat bil-proċedura ssimplifikata ta' hawn fuq jista' jkun magħmul disponibbli fis-suq fil-pajjiżi tal-UE kollha mingħajr il-ħtieġa għal rikonoxximent reċiproku. Madankollu, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jinnotifika lil kull pajjiż tal-UE mhux aktar tard minn 30 jum qabel it-tqegħid fis-suq tal-prodott fi ħdan dak il-pajjiż. Il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali ta' dak il-pajjiż għandhom jintużaw fuq it-tikkettar tal-prodott, sakemm il-pajjiż ma jipprovdix mod ieħor.

Oġġetti ttrattati

Dan ir-Regolament jestendi l-ambitu mil-leġiżlazzjoni preċedenti dwar il-bioċidi sabiex issa jkopri wkoll oġġetti li ġew ittrattati jew li jinkorporaw prodott bioċidali. Oġġetti jistgħu jiġu ttrattati biss b'sustanzi attivi li jkunu ġew approvati fl-UE għal dak il-għan. Manifatturi u importaturi ta' oġġetti ttrattati huma meħtieġa li jittikkettjaw prodotti meta:

  • ssir klejm li l-oġġett ittrattat għandu karatteristiċi bioċidali;
  • il-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva użata għat-trattament ta' dak l-oġġett jeħtieġu dispożizzjonijiet ta' tikkettar speċifiċi għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tal-ambjent.
TERMINI EWLENIN UŻATI FL-ATT
  • Prodotti bioċidali: kwalunkwe sustanza jew taħlita li għandha tintuża bl-intenzjoni li teqred, therri, tagħmel bla periklu, timpedixxi l-azzjoni ta', jew inkella teżerċita effett ta' kontroll fuq, kwalunkwe organiżmu ta' ħsara permezz ta' kwalunkwe mezz għajr minn azzjoni fiżika jew mekkanika sempliċi.
  • Oġġett ittrattat: kwalunkwe sustanza, taħlita jew oġġett li jkun ġie ttrattat bi, jew intenzjonalment jinkorpora, prodott bioċidali wieħed jew aktar.

REFERENZI

AttDħul fis-seħħSkadenza għat-transpożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 528/2012

17.7.2012

ĠU L 167, 27.6.2012

L-aħħar aġġornament: 18.01.2013

Ara wkoll

  • Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea għar-Regolament dwar il-Bioċidi (EN).
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna