EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ekotikketta

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jikkonċerna l-Ekotikketta tal-Unjoni Ewropea (UE) li hija skema ta’ ttikkettar ambjentali volontarja.
  • Permezz ta’ kriterji ekoloġiċi trasparenti, il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet konxji mingħajr ma jikkompromettu l-kwalità tal-prodotti.

PUNTI EWLENIN

  • L-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lil prodotti u servizzi li għandhom impatt ambjentali aktar baxx minn prodotti oħra fl-istess grupp. Il-kriterji tat-tikketta kienu mfassla permezz ta’ data xjentifika fuq iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodott, mill-iżvilupp sar rimi.
  • It-tikketta tista’ tingħata lil prodotti jew servizzi mqassma, ikkunsmati jew użati fis-suq tal-UE kemm jekk bi ħlas jew b’xejn, bil-kondizzjoni li l-kriterji ekoloġiċi ġew stabbiliti b’mod ċar ħafna. Dan ma japplikax għal prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew għall-użu veterinarju, jew għal tagħmir mediku.
  • Is-sistema ġiet introdotta mir-Regolament (KEE) Nru 880/92 u emendata mir-Regolament (KE) Nru 1980/2000. Dan ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 għandu l-għan li jtejjeb ir-regoli dwar l-għoti, l-użu u t-tħaddim tat-tikketta.

Kriterji ta’ għoti

  • It-tikketta tingħata fid-dawl tal-għanijiet ambjentali u etiċi Ewropej. Din tippromwovi wkoll it-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija ċirkolari, li tappoġġa kemm il-produzzjoni kif ukoll il-konsum sostenibbli. B’mod partikolari:
    • l-impatt tal-prodotti u servizzi fuq il-bidla fil-klima, in-natura u l-bijodiversità, il-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi, il-ġenerazzjoni tal-iskart, l-emissjonijiet u r-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi fl-ambjent;
    • is-sostituzzjoni ta' sustanzi ta' ħsara b'sustanzi li huma aktar siguri;
    • is-saħħa tar-resistenza u tal-użu mill-ġdid tal-prodotti;
    • l-impatt aħħari fuq l-ambjent, inkluż fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur;
    • il-konformità ma’ standards soċjali u etiċi, bħall-istandards internazzjonali tax-xogħol;
    • il-kunsiderazzjoni ta’ kriterji stabbiliti minn tikketti oħra fuq livelli nazzjonali u reġjonali;
    • it-tnaqqis ta' testijiet fuq l-annimali.
  • It-tikketta ma tistax tingħata lil prodotti li fihom sustanzi kklassifikati mir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 bħala tossiċi, perikolużi għall-ambjent, karċinoġeniċi jew mutaġeniċi, jew sustanzi suġġetti għall-qafas regolatorju għall-ġestjoni tal-kimiċi.

Korpi kompetenti

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jaħtru entità waħda jew aktar responsabbli mill-proċess tat-tikkettar fuq livell nazzjonali. L-operazzjonijiet tagħhom għandhom ikunu trasparenti u l-attivitajiet miftuħa għall-involviment tal-partijiet interessati kollha.
  • Huma speċifikament responsabbli li jiċċekkjaw regolarment li l-prodotti jikkonformaw mal-kriterji tat-tikketta. Il-mandat tagħhom jinkludi wkoll li jirċievu ilmenti, jinformaw lill-pubbliku, jimmonitorjaw reklamar falz u jipprojbixxu prodotti.

Il-proċedura għall-għoti u l-użu tat-tikketta

  • Biex jingħataw it-tikketta, l-operaturi ekonomiċi għadhom jissottomettu applikazzjoni lil:
    • pajjiż tal-UE wieħed jew aktar, li jibgħatha lill-entità kompetenti nazzjonali;
    • pajjiż mhux tal-UE, li jibgħatha lill-pajjiż tal-UE fejn il-prodott huwa kkumerċjalizzat.
  • Jekk il-prodott jikkonforma mal-kriterji tat-tikketta, l-entità kompetenti għandha tinkludi kuntratt mal-operatur, li jistabbilixxi t-termini tal-użu u l-irtirar tat-tikketta. L-operatur jista’ mbagħad iqiegħed it-tikketta fuq il-prodott. L-użu tat-tikketta huwa suġġett għal ħlas meta ssir l-applikazzjoni, u għal ħlas annwali.
  • Il-Kummissjoni Ewropea ħolqot katalogu ta’ prodotti li ngħataw it-tikketta.

Il-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea (EUEB)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2010 (Deċiżjoni 2010/709/UE) tistabbilixxi l-EUEB. Il-membri tiegħu huma maħtura mill-Kummissjoni. Dan huwa magħmul minn rappreżentanti mill-pajjiżi tal-UE u ż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll minn ċerti organizazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw, pereżempju, il-konsumaturi, tħassib kummerċjali u amjentali. Il-Kummissjoni tikkonsulta lill-EUEB meta tiżviluppa jew tirrevedi l-kriterji u r-rekwiżiti tal-għoti tat-tikketta.

Kriterji ekoloġiċi

  • Il-Kummissjoni adottat serje ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE lil tipi differenti ta’ prodotti; għal diversi minnhom, il-perjodu ta’ validità skada sal-aħħar ta’ Diċembru 2016.
  • Il-Kummissjoni adottat ukoll Regolament (UE) Nru 782/2013 li jissostitwixxi l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 u jemenda l-ħlasijiet massimi permessi għall-finanzjament tal-valutazzjoni u l-ipproċessar tat-talbiet għall-Ekotikketta magħmula mill-manifatturi tal-prodotti.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mid-19 ta’ Frar 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1-19).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 66/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta' valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/709/UE tat-22 ta’ Novembru 2010 li tistabbilixxi Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 53)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 782/2013 tal-14 ta’ Awwissu 2013 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ekotikketta tal-UE (ĠU L 219, 15.8.2013, p. 26-27).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2003 tal-14 ta’ Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjonijiet 2009/300/KE, 2011/263/UE, 2011/264/UE, 2011/382/UE, 2011/383/UE, 2012/720/UE u 2012/721/UE sabiex tittawwal il-validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE lil ċerti prodotti (ĠU L 308, 16.11.2016, p. 59–61)

l-aħħar aġġornament 14.11.2017

Top