EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Nindirizzaw it-theddid li joħolqu s-sustanzi kimiċi (Konvenzjoni ta’ Stokkolma)

 

SOMMARJU TA’:

Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Pollutanti Organiċi Persistenti

Id-Deċiżjoni 2006/507/KE dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAD-DEĊIŻJONI?

  • It-trattat globali għandu l-għan li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mill-effetti ta’ ħsara ta’ pollutanti organiċi persistenti* (POPs). Dan jillimita, u fl-aħħar mill-aħħar jelimina, il-produzzjoni, l-użu, il-kummerċ, ir-rilaxx u l-ħżin intenzjonati jew mhux intenzjonati tagħhom.
  • Id-deċiżjoni tal-Kunsill tagħti l-approvazzjoni legali tal-EU għall-konvenzjoni.

PUNTI EWLENIN

Il-konvenzjoni tirrikjedi li l-firmatarji:

  • jindirizzaw il-produzzjoni u l-użu intenzjonat tal-POPs billi:
    • jeliminaw il-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness A;
    • jirristrinġu l-produzzjoni u l-użu tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness B;
    • jiżguraw li s-sustanzi kimiċi elenkati fl-Annessi A u B jiġu importati biss għal użu approvat u jistgħu jintremew b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent;
    • iżommu reġistru aċċessibbli għall-pubbliku li jkun fih l-eżenzjonijiet nazzjonali kollha għall-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet ġenerali elenkati fiż-żewġ annessi;
  • jindirizzaw il-produzzjoni mhux intenzjonata u l-użu tal-POPs billi:
    • jadottaw pjan ta’ azzjoni dettaljat, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-konvenzjoni, biex jitnaqqas l-użu tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness C u fl-aħħar mill-aħħar jiġu eliminati;
  • inaqqsu jew jeliminaw il-ħażniet u l-iskart billi:
    • jiżviluppaw strateġiji għall-identifikazzjoni ta’ ħażniet li jkun fihom sustanzi kimiċi fl-Annessi A jew B, u prodotti u oġġetti li jintużaw li jkun fihom jew li huma kkontaminati mis-sustanzi kimiċi elenkati fit-tliet annessi (A, B u C);
    • jimmaniġġjaw il-ħażniet b’mod sikur, effiċjenti u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent;
    • jiżguraw li l-iskart kollu jkun ittrattat, miġbur, ittrasportat u maħżun kif suppost;
    • jarmu l-iskart sabiex il-pollutanti kollha jew jinqerdu jew ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw jew, fin-nuqqas ta’ dan, bl-aktar mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent;
  • ifasslu pjanijiet ta’ implimentazzjoni (aġġornati kif xieraq), fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-konvenzjoni. Dawn jistabbilixxu kif se jonoraw l-impenji tagħhom, jikkooperaw mas-sħab, inklużi l-organizzazzjonijiet globali, nazzjonali, reġjonali u subreġjonali, u jikkonsultaw mal-partijiet interessati nazzjonali;
  • jiskambjaw informazzjoni rilevanti, permezz tas-segretarjat tal-konvenzjoni, dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-POPs u dwar alternattivi vijabbli possibbli;
  • jippromwovu l-informazzjoni pubblika, l-għarfien u l-edukazzjoni fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-pubbliku, speċjalment in-nisa u t-tfal, u jiffaċilitaw it-taħriġ għall-persunal ewlieni;
  • jinkoraġġixxu jew iwettqu riċerka, żvilupp, monitoraġġ u kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali xierqa dwar il-POPs;
  • jagħtu assistenza teknika f’waqtha u xierqa, u jekk ikun meħtieġ appoġġ finanzjarju, lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-ekonomiji fi tranżizzjoni;
  • jallokaw il-finanzi u l-inċentivi meħtieġa biex jintlaħqu l-impenji nazzjonali;
  • jirrapportaw lill-firmatarji l-oħra kollha (il-Konferenza tal-Partijiet — ara hawn taħt) dwar il-miżuri meħuda, u l-impatt tagħhom, għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-konvenzjoni;
  • jipprovdu b’mod perjodiku lis-segretarjat tal-konvenzjoni bi:
    • data, jew stima raġonevoli, dwar il-kwantitajiet totali tal-produzzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ kull sustanza kimika fl-Annessi A u B;
    • lista tal-pajjiżi li minnhom jew li għalihom kull sustanza ġiet importata jew esportata.

Il-konvenzjoni tistabbilixxi:

  • il-Konferenza tal-Partijiet, li tinkludi l-firmatarji kollha. Din:
    • tiltaqa’ regolarment u f’sessjoni straordinarja meta jkun meħtieġ;
    • tirrevedi b’mod kontinwu l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni;
    • tista’ tistabbilixxi sottogruppi li tqis li huma meħtieġa;
    • tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi intergovernattivi u mhux governattivi;
    • tistabbilixxi Kumitat ta’ Reviżjoni ta’ Pollutanti Organiċi Persistenti ta’ esperti nominati mill-gvern;
    • tiddeċiedi jekk taċċettax proposta biex sustanza kimika tiżdied mal-listi fl-annessi A, B jew C;
    • tivvaluta, għall-ewwel darba, 4 snin wara li tidħol fis-seħħ, u b’mod perjodiku wara dan, l-effettività tal-konvenzjoni;
    • tadotta miżuri biex tiddetermina u tittratta każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u kwalunkwe emenda proposta għall-konvenzjoni;
  • segretarjat, li l-funzjonijiet amministrattivi tiegħu jitwettqu mid-Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent.

Kull firmatarju jista’ jirtira mill-konvenzjoni, 3 snin wara li tkun daħlet fis-seħħ, billi jagħti avviż bil-miktub ta’ sena.

L-UE qed tissodisfa l-impenji tagħha tal-konvenzjoni billi tadotta:

  • il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni (2007, 2014, 2019, ir-raba’ wieħed jinsab għaddej);
  • Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ara s-sommarju).

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2004.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Pollutanti organiċi persistenti: sustanzi kimiċi, użati fil-pestiċidi u fil-proċessi industrijali. Dawn jibqgħu attivi għal ħafna snin, jinfirxu b’mod wiesa’, jibbijojakkumulaw* u huma ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.
Jibbijojakkumulaw: jiġu kkonċentrati fl-iġsma ta’ oġġetti ħajjin.

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (ĠU L 209, 31.7.2006, pp. 3-29)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (ĠU L 209, 31.7.2006, pp. 1-2)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (riformulazzjoni) (ĠU L 169, 25.6.2019, pp. 45-77)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/1021 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Rigward ir-reviżjoni u l-aġġornament tat-tieni Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 850/2004 dwar pollutanti organiċi persistenti (COM(2018) 848 final, 4.1.2019)

Il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġiż Transkonfini u fit-Tul tal-Arja fuq Pollutanti Organiċi Persistenti (ĠU L 81, 19.3.2004, pp. 37-71)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE tad-19 ta’ Frar 2004 li għandha x’taqsam mal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġiż Transkonfini tal-Arja Li Jwassal Ħafna dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (ĠU L 81, 19.3.2004, pp. 35-36)

l-aħħar aġġornament 04.09.2020

Top