EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jirregola t-trasport ta’ annimali ħajjin vertebrati bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) u jipprovdi għal kontrolli fuq annimali li jidħlu jew joħorġu mill-UE. Ir-regoli dettaljati għandhom l-għan li jissalvagwardjaw il-benesseri tal-annimali u jipprevjenu korriment lil jew tbatija mhux neċessarja għall-annimali.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali li ġejjin għat-trasport tal-annimali.

  • Ebda persuna ma għandha tittrasporta annimali jew tikkawża annimali li jridu jiġu ttrasportati b’mod li x’aktarx tikkawża dannu jew tbatija mhux xierqa lilhom.
  • L-arranġamenti tat-trasport iridu jsiru bil-quddiem biex jimminimizzaw it-tul tal-vjaġġ u jissodisfaw il-bżonnijiet tal-annimali.
  • L-annimali għandhom ikunu adattati għat-trasport.
  • Il-mezzi tat-trasport u l-faċilitajiet tat-tagħbija u l-ħatt għandhom ikunu ddiżinjati, mibnija, miżmuma u operati biex jevitaw il-korriment u t-tbatija u biex jiżguraw is-sigurtà tal-annimali.
  • Il-persunal li jimmaniġġja l-annimali jeħtieġ li jkun iċieva taħriġ adegwat u jkun kompetenti.
  • It-trasport sad-destinazzjoni jrid isir mingħajr dewmien u jinvolvi spezzjonijiet regolari fuq il-benesseri tal-annimali.
  • Għandu jkun hemm biżżejjed għoli u spazju għall-annimali.
  • Għandu jiġi pprovdut ilma, għalf u mistrieħ meta meħtieġa.
  • It-trasportaturi għandhom:
    • ikollhom l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali relevanti għall-vjaġġi kollha ta’ aktar minn 65 km;
    • jipprovdu dokumentazzjoni li jkun fiha dettalji bħall-oriġini tal-annimali u s-sid, id-destinazzjoni tagħhom u l-ħin mistenni tal-vjaġġ;
    • jiżguraw li jkun hemm kkumpanjatur mal-annimali,sakemm ma jkunux ittrasportati f’kontenituri adegwati b’biżżejjed għalf u ilma.
  • L-awtoritajiet kompetenti għandhom jispezzjonaw u japprovaw il-mezzi ta’ trasport għall-annimali bl-art u bil-baħar għal vjaġġi twal qabel dawn ikunu jistgħu jintużaw.
  • Il-gwardjani tal-annimali u l-operaturi taċ-ċentri tal-ġbir (azjendi, ċentri tal-ġbir u swieq) għandhom jiżguraw li r-regoli u l-istandards tal-benesseri qed jiġu segwiti fil-punti varji tat-tluq, trasferiment u destinazzjoni.
  • L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiċċertifikaw li t-trasportaturi:
    • huma bbażati fi Stat Membru;
    • ikollhom persunal, tagħmir u proċeduri operazzjonali, suffiċjenti u xierqa;
    • m’għandhomx rekord ta’ ksur serju tar-regoli tal-UE jew nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-annimali matul it-tliet snin ta’ qabel.
  • Għal vjaġġi twal bejn Stati Membri u għal destinazzjonijiet barra mill-UE:
    • it-trasportaturi jrid ikollhom l-awtorizzazzjoni, id-dokumentazzjoni, sistema ta’ navigazzjoni satellitari u pjanijiet ta’ kontinġenza għal emerġenzi;
    • l-awtoritajiet kompetenti jridu jwettqu kontroll fuq bażi każwali matul il-vjaġġ u kontrolli fil-punt tat-tluq.
  • Fil-każ ta’ emerġenza jew fin-nuqqas li jiġu applikati r-regoli tal-benessers, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jinsistu li t-trasportatur jieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tiġi ssalvagwardjata l-benesseri tal-annimali li jkunu qed jiġu ttrasportati, bħal:
    • jibflu x-xufier jew l-akkumpanjatur;
    • jagħmlu tiswijiet temporanji lill-mezzi tat-trasport;
    • jittrasferixxu l-kunsinna fuq vettura oħra;
    • jirritornaw l-annimali lejn il-punt tat-tluq tagħhom;
    • iħottu tal-annimali u jżommuhom f’akkomodazzjoni temporanja xierqa.

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/625 dwar l-infurzar tar-regoli tal-UE għall-katina agroalimentari (ara s-sommarju) introduċa xi emendi żgħar għar-Regolament (KE) Nru 1/2005. Huwa neħħa r-regoli kollha relatati mal-kontrolli uffiċjali mir-Regolament (KE) Nru 1/2005.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat att ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/372, li, fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, jistabbilixxi r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq il-bastimenti tal-bhejjem, il-kontenut tal-pjanijiet ta’ kontinġenza li t-trasportaturi għandhom jissottomettu meta jkollhom l-intenzjoni li jittrasportaw l-annimali bil-baħar, l-approvazzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem u r-rekwiżiti minimi li għandhom jiġu ssodisfati mill-punti ta’ ħruġ fil-portijiet tal-baħar.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilha tapplika mid-5 ta’ Jannar 2007.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, pp. 1–44).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1/2005 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/372 tas-17 ta’ Frar 2023 li jistabbilixxi regoli dwar ir-reġistrazzjoni, il-ħżin u l-kondiviżjoni ta’ rekords bil-miktub tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq il-bastimenti tal-bhejjem, dwar pjanijiet ta’ kontinġenza għall-bastimenti tal-bhejjem f’każ ta’ emerġenzi, dwar l-approvazzjoni ta’ bastimenti tal-bhejjem u dwar rekwiżiti minimi applikabbli għall-punti tal-ħruġ (ĠU L 51, 20.2.2023, pp. 32–39).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/723 tat-2 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli standard li għandhom jintużaw fir-rapporti annwali sottomessi mill-Istati Membri (ĠU L 124, 13.5.2019, pp. 1–31).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1–142).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marz 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi Dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, pp. 1–208).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/544/KE tal-21 ta’ Ġunju 2004 dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport internazzjonali (ĠU L 241, 13.7.2004, p. 21).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 dwar kriterji tal-Komunità għal postijiet ta’ waqfien u li jemenda l-pjan ta’ rotta msemmi fl-Anness tad-Direttiva 91/628/EEC (ĠU L 174, 2.7.1997, pp. 1–6).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 16.03.2023

Top