EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġlieda kontra l-frodi — Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, biex jiġu miġġielda l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra għad-dannu tal-interessi finanzjarji tagħhom

Id-Deċiżjoni 2009/127/KE — il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, biex jiġu miġġielda l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra għad-dannu tal-interessi finanzjarji tagħhom

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-Ftehim jipprovdi bażi legali għall-assistenza amministrattiva u ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-UE (u l-pajjiżi tal-UE) u l-Iżvizzera, bil-għan li jiġu miġġielda l-frodi u attivitajiet illegali oħra li huma ta’ dannu għall-interessi finanzjarji tagħhom fl-oqsma speċifiċi koperti mill-Ftehim.
  • Id-Deċiżjoni tapprova l-qbil f’isem l-UE. Din tinkludi wkoll dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-ħasil tal-flus u dwar il-kooperazzjoni mill-Konfederazzjoni Żvizzera mal-Eurojust u, jekk ikun possibbli, man-Network Ġudizzjarju Ewropew.

PUNTI EWLENIN

Il-każijiet applikabbli

Il-Ftehim japplika għall-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u r-repressjoni ta’ frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-partijiet, kif ukoll l-irkupru ta’ ammonti dovuti jew li jaslu b’mod ħażin b’riżultat tal-attivitajiet illegali. Dan ikopri:

  • il-kummerċ f’merkanzija kuntrarju għal-leġiżlazzjoni doganali u agrikola;
  • il-kummerċ kuntrarju għal-leġiżlazzjoni tat-taxxa, speċifikament it-taxxa fuq il-valur miżjud, taxxi speċjali fuq il-konsum, u dazji tas-sisa;
  • l-impożizzjoni jew iż-żamma ta’ fondi, bħal għotjiet u rifużjonijiet mill-baġits tal-partijiet, inkluż għal skopijiet oħra minbarra dawk li għalihom kienu inizjalment mogħtija;
  • proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt.

Il-ħasil tal-flus huwa kopert ukoll għal reati li jista’ jkollhom sentenzi ta’ kustodja ta’ aktar minn sitt xhur. It-taxxi diretti, bħat-Taxxa fuq id-Dħul, mhumiex koperti.

L-assistenza ma tistax tiġi miċħuda meta l-kwistjoni tkun meqjusa bħala reat tat-taxxa minn waħda biss mill-partijiet jew meta l-leġiżlazzjoni tkun differenti bejn il-partijiet fuq l-imposti, in-nefqa, it-tip ta’ regoli jew il-karatterizzazzjoni legali.

Assistenza amministrattiva msaħħa

Il-miżuri ta’ assistenza amministrattiva jinvolvu l-miżuri u l-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • L-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet oħra ma jiġux affettwati;
  • Il-ftehim ikun applikat fil-limiti tas-setgħat mogħtija mil-liġi domestika;
  • Kull parti taħtar unità ċentrali biex tipproċessa t-talbiet għall-assistenza amministrattiva;
  • L-assistenza tista’ tinkludi talbiet għal informazzjoni, sorveljanza u investigazzjonijiet;
  • Assistenza spontanja mingħajr talba minn qabel hija possibbli — l-awtorità li tipprovdi l-informazzjoni tista’ tehmeż kundizzjonijiet mal-użu tagħha.

Kooperazzjoni speċjali

Forom speċjali ta’ kooperazzjoni jinkludu:

  • operazzjonijiet konġunti transfruntieri fuq importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew tranżitu ta’ oġġetti;
  • timijiet ta’ investigazzjoni speċjali konġunta;
  • uffiċjali ta’ kollegament sekondati lil partijiet kontraenti oħra.

Assistenza ġudizzjarja reċiproka

Tiġi pprovduta assistenza ġudizzjarja:

  • fi proċedimenti mressqa mill-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta’ atti punibbli taħt il-liġi domestika ta’ mill-inqas waħda mill-partijiet bħala ksur tar-regoli tal-liġi, u fejn id-deċiżjoni tista’ twassal għal proċedimenti quddiem qorti kriminali;
  • f’azzjonijiet ċivili magħquda ma’ proċedimenti kriminali, sakemm il-qorti kriminali ma tkunx tat sentenza finali;
  • għal fatti jew reati li għalihom persuna ġuridika tal-parti rikjedenti tista’ tkun responsabbli;
  • għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet u proċedimenti biex jiġu sekwestrati u kkonfiskati l-prodotti tal-attivitajiet illegali.

Il-Ftehim jagħti dettalji dwar il-passi li għandhom jiġu segwiti biex isiru talbiet għall-assistenza, inkluż servizz bil-posta.

Talbiet għal tiftix u sekwestru jiddependu mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • l-att li jagħti lok għat-talba għandu jkun f’livell punibbli skont il-liġi taż-żewġ partijiet b’piena li tinvolvi sentenzi ta’ kustodja ta’ aktar minn sitt xhur, jew punibbli skont il-liġi ta’ parti waħda b’piena ekwivalenti u skont il-liġi tal-parti l-oħra bħala ksur li jista’ jwassal għal proċedimenti tal-qorti kriminali;
  • it-talba għandha tkun konsistenti mal-liġijiet tal-parti li tirċievi t-talba.

Informazzjoni bankarja u finanzjarja

Il-Ftehim ikopri wkoll talbiet għal informazzjoni bankarja u finanzjarja relatata ma’ kontijiet miżmuma fl-oqsma koperti mill-partijiet involuti. Parti ma tistax tinvoka s-segretezza bankarja bħala raġuni għaċ-ċaħda tal-kooperazzjoni kollha fuq talba għal assistenza reċiproka.

Kumitat konġunt

Kumitat konġunt, magħmul minn rappreżentanti tal-partijiet u mal-Kummissjoni Ewropea li tirrappreżenta lill-UE, japplika l-Ftehim u jsolvi kwalunkwe tilwim bejn il-partijiet

MINN META JAPPLIKA L-FTEHIM?

Il-Ftehim ilu japplika mit-8 ta’ Marzu 2009.

Id-dati tar-ratifika għal kull pajjiż jidhru fil-paġna elettronika tal-Kunsill Ewropew tal-ftehim.

Barra minn hekk, għadd ta’ pajjiżi tal-UE adottaw dikjarazzjonijiet li jiddikjaraw li “sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, huma għandhom jikkunsidraw li huma marbuta bil-Ftehim fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Partijiet Kontraenti l-oħra li jkunu għamlu l-istess dikjarazzjoni”.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara wkoll:

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, biex jiġu miġġielda l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra għad-dannu tal-interessi finanzjarji tagħhom (ĠU L 46, 17.2.2009, pp. 8-35)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/127/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, biex jiġu miġġielda l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra għad-dannu tal-interessi finanzjarji tagħhom (ĠU L 46, 17.2.2009, pp. 6-7)

DOKUMENTI RELATATI

L-Avviż rigward l-applikazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi miġġielda l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li tkun ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tagħhom, bis-saħħa tal-Artikolu 44(3) tal-Ftehim (ĠU L 177, 8.7.2009, p. 7)

Il-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea — Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-Artikolu 10(9) — Dikjarazzjoni mir-Renju Unit fuq l-Artikolu 20 (ĠU C 197, 12.7.2000, pp. 3-23)

l-aħħar aġġornament 14.07.2020

Top