EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim Doganali mal-Ġappun

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/202/KE — il-konklużjoni tal-ftehim bejn l-UE u l-Ġappun dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonjiet doganali

Il-ftehim bejn l-UE u l-Ġappun dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-FTEHIM?

  • Minħabba r-relazzjonijiet kummerċjali estensivi bejniethom, dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali* tal-UE u tal-Ġappun huwa essenzjali biex jiffaċilita l-kummerċ bejn il-partijiet. Barra minn hekk dan jipprova jissalvagwardja s-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-effettività tal-ġlieda kontra l-frodi, inkluża l-kooperazzjoni dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.
  • Id-deċiżjoni tikkonkludi l-ftehim f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

Kooperazzjoni doganali

  • Il-ftehim jintroduċi kooperazzjoni li tkopri l-oqsma kollha tal-leġiżlazzjoni doganali.
  • Din il-kooperazzjoni tinkiseb billi jiġu stabbiliti kanali ta’ komunikazzjoni u billi tiġi introdotta koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali.
  • Il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet kummerċjali filwaqt li jżidu l-livell ta’ sigurtà tagħhom. Il-ftehim b’mod partikolari għandu l-għan li jtejjeb it-tekniki u l-proċeduri doganali. L-objettiv huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell bilaterali u fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali.

Għajnuna amministrattiva reċiproka

Hemm żewġ tipi ta’ għajnuna bejn l-awtoritajiet fil-każ ta’ operazzjonijiet doganali li jiksru l-leġiżlazzjoni:

  • għajnuna fuq talba, rigward il-konformità mal-liġi u l-proċeduri doganali tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti, ta’ oġġetti suspettużi, postijiet ta’ ħażna u t-trasport tal-oġġetti;
  • għajnuna spontanja, rigward b’mod partikolari r-riskji potenzjali għall-ekonomija, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika. Fl-interessi tal-parti l-oħra, l-awtorità mitluba* tipprovdi l-informazzjoni kollha relatata ma’ attivitajiet, riżorsi u metodi, oġġetti, persuni u mezzi ta’ trasport.

Aspetti formali u eċċezzjonijiet għall-għajnuna

  • lt-talbiet għandhom isiru bil-miktub f’lingwa li tinftiehem miż-żewġ awtoritajiet. F’każijiet urġenti, talba orali tista’ tippreċedi t-talba bil-miktub.
  • Biex tiffaċilita l-ipproċessar tat-talba, l-awtorità applikanti* għandha tipprovdi biżżejjed informazzjoni dwar il-miżura mitluba, l-oġġett u r-raġuni għat-talba. Din għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dwar is-suspettati, il-leġiżlazzjoni involuta, il-fatti rilevanti u l-investigazzjonijiet mwettqa.
  • Sabiex tikkonforma ma’ talba għall-għajnuna, l-awtorità mitluba għandha tikkomunika l-informazzjoni kollha diġà disponibbli għaliha jew twettaq kwalunkwe investigazzjoni neċessarja. Il-miżuri li jittieħdu għandhom jiġu kkoordinati mal-awtorità applikanti.
  • Jekk ma jkunx possibbli li tikkonforma ma’ talba, għandha tintbagħat komunikazzjoni motivata lill-awtorità applikanti mingħajr dewmien.
  • Talba tista’ tiġi rrifjutata jew posposta. Tista’ tkun suġġetta wkoll għal kundizzjonijiet fil-każ li tippreġudika s-sovranità, is-sigurtà, il-politika pubblika jew l-interessi ta’ pajjiż, speċjalment fejn il-protezzjoni tal-informazzjoni trażmessa ma tistax tiġi garantita.
  • Id-data trażmessa hija kunfidenzjali; hija protetta taħt il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fil-pajjiżi tal-awtorità applikanti. Madanakollu, din l-informazzjoni tista’ tintuża bħala evidenza fil-kuntest ta’ inkjesta preparatorja.
  • Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali huwa responsabbli li jara li dan il-ftehim jitħaddem kif suppost.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2008.

SFOND

Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Awtorità doganali: fil-Ġappun, il-Ministeru tal-Finanzi, u, fl-UE, is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiżi tal-UE.
Awtorità mitluba: awtorità doganali ta’ waħda mill-partijiet kontraenti li fuq il-bażi ta’ dan il-ftehim tirċievi talba għall-għajnuna.
Awtorità applikanti: awtorità doganali ta’ waħda mill-partijiet kontraenti li fuq il-bażi ta’ dan il-ftehim tressaq talba għall-għajnuna.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/202/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonjiet doganali (ĠU L 62, 6.3.2008, p. 23)

Ftehim bejn il-Komunitá Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali (ĠU L 62, 6.3.2008, pp. 24-29)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/197/UE tad-29 ta’ Marzu 2011 skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell xieraq ta’ protezzjoni mogħti mill-Ġappun għal dejta personali trasferita mill-Unjoni Ewropea fil-każi speċifiċi ta’ trasferiment mill-Kummissjoni Ewropea lid-Dwana tal-Ġappun skont id-Deċiżjoni Nru 1/2010 tal-Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni Doganali skont l-Artikolu 21 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-Kooperazzjoni u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka f’Affarijiet Doganali rigward l-għarfien reċiproku ta’ programmi awtorizzati ta’ operaturi ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea u fil-Ġappun u għall-iskopijiet esklussivi u speċifiċi tad-Deċiżjoni Nru 1/2010 tal-Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni Doganali (ĠU L 85, 31.3.2011, pp. 8-9)

2010/637/EU: Id-Deċiżjoni Nru 1/2010 tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali tal-24 ta’ Ġunju 2010 skont l-Artikolu 21 ta’ dan il-Ftehim: bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar Kooperazzjoni u Assistenza Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali dwar rikonoxximent reċiproku tal-programmi ta’ operaturi ekonomiċi awtorizzati fl-Unjoni Ewropea u fil-Ġappun (ĠU L 279, 23.10.2010, pp. 71-73)

l-aħħar aġġornament 08.01.2019

Top