RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)

L-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi twaqqaf fl-1999 bil-għan li jespandi l-ambitu u jtejjeb l-effikaċja tal-azzjoni kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra detrimentali għall-interessi tal-Komunità.

ATTI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta' April 1999 li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).

Modalitajiet operattivi:

Ir-Regolament (KE) Nru: 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).

Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM) Nru 1074/1999 tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).

Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).

SOMMARJU

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), li huwa parti mill-Kummissjoni Ewropea bi stejtus indipendenti speċjali biex imexxi investigazzjonijiet ta' kontra l-frodi. Żewġ Regolamenti u Ftehim Interistituzzjonali jistipulaw kif għandu jaħdem.

Kompetenzi tal-OLAF

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-OLAF u tistipula l-poteri tiegħu, li huma li:

  • jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi esterni bħala parti mill-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-Komunità u għall-iskop tal-ġlieda kontra l-frodi li jinvolvi xi att ieħor jew attività oħra bi ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji;
  • iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi interni għall-finijiet ta':
    1. jiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-Komunità;
    2. jinvestiga sitwazzjonijiet serji relatati mal-qadi ta' dmirijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta' konformità mal-obbligi ta' uffiċjali u impjegati tal-Unjoni li jistgħu jirriżultaw fi proċeduri dixxiplinarji jew, meta applikabbli, fi proċeduri kriminali, jew nuqqas li jitħarsu l-obbligi analogi tal-membri tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji jew il-persunal tagħhom li mhumiex soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħrajn tal-Unjoni Ewropea;
  • iwettaq ħidmiet investigattivi f'żoni oħrajn fuq talba tal-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji;
  • jgħin sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-frodi;
  • jiżviluppa strateġiji għall-ġlieda kontra l-frodi (iħejji inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji fl-oqsma ta' attività tal-Uffiċċju);
  • jagħti bidu għal kull attività operattiva oħra fil-ġlieda kontra l-frodi (jiżviluppa infrastruttura, jiġbor u janalizza informazzjoni, jipprovdi appoġġ tekniku);
  • iżomm kuntatt dirett mal-infurzar tal-liġi nazzjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji;
  • jirrappreżenta lill-Kummissjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tal-frodi.

Il-poteri investigattivi esterni tal-OLAF huma prinċipalment dawk li ġew ikkonferiti lill-Kummissjoni taħt ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nri 2988/95 (interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej) u 2185/96 (verifiki fuq il-post u spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej). Barra minn hekk, l-OLAF jaħdem fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna amministrattiva reċiproka.

Kif l-OLAF iwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu

Iż-żewġ Regolamenti dwar l-investigazzjonijiet mill-OLAF, wieħed applikabbli għall-KE u l-ieħor għall-Euratom, jiddikjaraw b'mod ġdid il-funzjonijiet prinċipali tal-Uffiċċju u jiddefinixxu l-arranġamenti prattiċi għat-twettiq tal-investigazzjonijiet amministrattivi li għalihom huwa responsabbli.

Il-kontrolli u l-verifiki li l-OLAF iwettaq esternament (fl-Istati Membri u f'ċerti pajjiżi mhux membri li magħhom il-Komunità għandha ftehim ta' kooperazzjoni) u internament (ġewwa l-istituzzjonijiet u l-korpi stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattati) ma jaffettwawx il-poteri tal-Istati Membri fil-qasam tal-prosekuzzjoni kriminali.

Id-Direttur tal-OLAF iniedi u jidderiġi l-investigazzjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' Stat Membru b'interess fil-kwistjoni (fil-każ ta' investigazzjonijiet esterni) jew tal-istituzzjoni jew korp ikkonċernat (fil-każ ta' investigazzjonijiet interni).

Bħala parti mill-investigazzjonijiet esterni tiegħu, l-OLAF iwettaq il-verifiki fuq il-post li għalihom il-Kummissjoni hija responsabbli skont ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nri 2988/95 u 2185/96.

Għall-investigazzjonijiet interni tiegħu, l-OLAF għandu d-dritt ta' aċċess immedjat u minngħajr avviż għal kull informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji Komunitarji. Huwa jista' wkoll jitlob lil kull min huwa kkonċernat għal informazzjoni orali, u jista' jwettaq kontrolli fuq il-post fuq operaturi ekonomiċi.

Fejn l-Uffiċċju jsib, fil-kors ta' investigazzjoni interna, li xi membru, maniġer, uffiċjal jew impjegat ieħor jista' jkun personalment involut, huwa jinforma lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija li dik il-persuna tkun tifforma parti minnu/minnha, sakemm il-fatt li tinkixef informazzjoni bħal din ma jkunx kompatibbli mal-ħtieġa li tinżamm il-kunfidenzjalità stretta kompleta għall-finijiet tal-investigazzjoni jew ta' investigazzjoni nazzjonali possibbli.

Fuq talba tal-OLAF jew fuq l-inizjattiva tagħhom stess, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji huma meħtieġa li jipprovdu lill-Uffiċċju b'kull dokument jew informazzjoni li jkollhom relatati mal-investigazzjoni li tkun qiegħda ssir.

L-informazzjoni kollha mgħoddija lill-Uffiċċju tiġi protetta b'mod adegwat.

Malli titlesta investigazzjoni, l-OLAF iħejji rapport li jkun jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar l-azzjoni li għandha tittieħed. Ir-rapport jintbagħat lill-Istati Membri fil-każ ta' investigazzjonijiet esterni u lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji fil-każ ta' investigazzjonijiet interni.

L-informazzjoni tista' tintbagħat ukoll lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji kkonċernati, filwaqt li investigazzjoni tkun għadha għaddejja (l-Uffiċċju jkun f'kuntatt dirett mal-infurzar tal-liġi nazzjonali u mal-awtoritajiet ġudizzjarji).

L-indipendenza operattiva tal-OLAF hijaprotetta minn Kumitat għas-Sorveljanza li jikkonsisti minn ħames barranin indipendenti maħtura bi qbil komuni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, jekk id-Direttur jidhirlu li xi miżura meħuda mill-Kummissjoni tkun teħtieġ l-indipendenza tiegħu fil-kwistjoni, huwa ntitolat li jressaq azzjoni kontriha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Kull membru tal-persunal ta' istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Komunità li jħoss li l-interessi tiegħu huma affettwati ħażin fil-kors ta' investigazzjoni interna, jista' jibgħat ilment lid-Direttur tal-OLAF jew jista' jressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni

L-għan tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew , il-Kunsill u l-Kummissjoni huwa li jiggarantixxi li l-investigazzjonijiet interni jkunu jistgħu jitwettqu skont kundizzjonijiet ekwivalenti fit-tliet istituzzjonijiet u fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji l-oħrajn kollha tal-Komunità, inkluż il-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Biex dan ikun jista' jseħħ, it-tliet istituzzjonijiet qablu li jadottaw deċiżjoni interna bbażata fuq il-mudell standard anness mal-Ftehim, u li jitolbu lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji l-oħrajn biex jaderixxu għall-Ftehim.

Id-deċiżjoni mudell teħtieġ li s-Segretarju Ġenerali, id-dipartimenti u l-membri tal-persunal tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernata, jikkooperaw bis-sħiħ ma' aġenti tal-OLAF u li jipprovdu kull informazzjoni utli.

Fejn ikun hemm preżunzjoni ta' frodi, korruzzjoni jew ta' kwalunkwe attività illegali oħra detrimentali għall-interessi tal-Komunitajiet:

  • kull membru li jsir jaf b'xi evidenza bħal din għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Kap tas-Servizz tiegħu jew lid-Direttur Ġenerali jew, jekk jikkunsidra li dan ikun utili, lis-Segretarju Ġenerali tiegħu jew direttamenti lill-OLAF;
  • is-Segretarju Ġenerali, id-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet tas-Servizz jew il-maniġers għandhom jibagħtu lill-OLAF mingħajr dewmien kull evidenza li minnha tista' toħroġ l-eżistenza ta' irregolaritajiet;
  • membri tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji għandhom jinfurmaw lill-President jew, fejn xieraq, lill-OLAF direttament.

Meta jsir ċar matul investigazzjoni interna li xi membru, maniġer, uffiċjal jew impjegat ieħor huwa nvolut, il-persuna kkonċernata tiġi informata malajr. Din il-persuna tissejjaħ biex tagħti l-opinjonijiet tagħha dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernawha. L-istedina tista' tiġi differita fejn meħtieġ għall-finijiet tal-investigazzjoni jew minħabba kwalunkwe investigazzjoni ġudizzjarja nazzjonali sussegwenti.

L-OLAF jagħti opinjoni dwar kull talba għal rinunzja tal-immunità mill-pulizija jew mill-awtoritajiet ġudizzjarji fi Stat Membru, jekk it-talba jkollha x'taqsam ma' maniġer, uffiċċjal jew impjegat ieħor ta' istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija. Jekk talba tikkonċerna membru ta' istituzzjoni jew ta' korp, l-Uffiċċju jiġi mgħarraf.

Kuntest

It-Trattat tal-KE jipprovdi bażi legali espliċita għall-operazzjonijiet mill-Komunità u l-Istati Membri biex jikkumbattu l-frodi u attivitajiet illegali oħra li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Komunità (Artikolu 280). Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam ta lill-Komunità mezzi ħafna aktar sostanzjali għall-ġlieda kontra l-frodi u qerda tal-kriminalità ekonomika u finanzjarja.

Għalhekk, it-Task Force tal-Kummissjoni għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi ġie sostitwit bl-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), li, apparti t-twettiq ta' investigazzjonijiet, huwa responsabbli wkoll għat-tfassil u t-tħejjija ta' leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità u għall-ġlieda kontra l-frodi. L-OLAF igawdi indipendenza akbar mill-predeċessur tiegħu fit-twettiq ta' investigazzjonijiet.

REFERENZI

AttDħul fis-seħħSkadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Deċiżjoni 1999/352/KE, CECA, Euratom

28.4.1999

ĠU L 136, tal-31.5.1999

Regolament (KE) Nru 1073/1999

1.6.1999

ĠU L 136, tal-31.5.1999

Regolament (Euratom) Nru 1074/1999

1.6.1999

ĠU L 136, tal-31.5.1999

Ftehim Interistituzzjonali

1.6.1999

ĠU L 136, tal-31.5.1999

ATTI RELATATI

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) [COM(2006) 244 finali - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].
Fis-sustanza, il-proposta għandha l-objettivi ewlenin li ġejjin:

  • Governanza, kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-Kumitat għas-Sorveljanza. Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa għall-governanza politika dwar il-prijoritajiet relatati ma' attivitajiet investigattivi. Hija tipproponi laqgħat regolari bejn il-Kumitat għas-Sorveljanza u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn bħala parti minn djalogu strutturat, mingħajr ma ssir interferenza fl-attivitajiet investigattivi.
  • Garanzija tad-drittijiet tal-persuni implikati. Il-Kummissjoni tipproponi li tinkludi fir-Regolament dispożizzjoni dettaljata dwar il-garanziji proċedurali li għandhom jiġu rispettati fit-tmexxija ta' investigazzjonijiet interni u esterni.
  • Monitoraġġ imtejjeb tal-investigazzjonijiet. Monitoraġġ li jiżgura li l-proċeduri speċifiċi jiġu segwiti għandu jiġi mtejjeb u għandha tiġi introdotta l-possibilità li tintalab opinjoni. Konsulent tar-reviżjoni huwa previst li jaqdi dan ir-rwol.
  • Titjib tal-fluss tal-informazzjoni. B'din il-proposta, il-Kummissjoni beħsiebha ttejjeb il-fluss ta' informazzjoni bejn l-OLAF u l-korpi u l-istituzzjonijiet Ewropej, bejn l-OLAF u l-Istati Membri, kif ukoll bejn l-OLAF u dawk li jiġbdu l-attenzjoni fuq xi irregolarità.
  • Tisħiħ tal-effikaċja operattiva tal-OLAF. Il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri li jippermettu lill-OLAF sabiex jikkonċentra fuq azzjonijiet ta' prijorità tiegħu. Pereżempju, il-ftuħ u l-għeluq ta' investigazzjonijiet jeħtieġu kjarifika.
  • Titjib fl-effikaċja tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Il-Kummissjoni tipproponi li tikkjarifika s-setgħat ta' investigazzjoni tal-OLAF fil-kuntest tal-investigazzjonijiet esterni li jinvolvu lil operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw minn fondi Komunitarji fuq il-bażi ta' kuntratti, ftehimiet jew aġġudikazzjoni ta' għotjiet (infiq dirett).
  • Mandat tad-Direttur Ġenerali. Għandu jiġi introdott mandat li ma jiġix imġedded għad-Direttur Ġenerali tal-OLAF sabiex tissaħħaħ l-indipendenza.

Proċedura ta' kodeċiżjoni (COD/2006/0084)

Rapporti tal-attività:

Rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi – It-Tmien Rapport tal-Attivitajiet (DE ) (EN ) (FR ) għall-perjodu mill-1 Jannar 2007 sal-31 Diċembru 2007 [Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].
Dan it-tmien rapport tal-attività jissostanzja t-tendenzi prinċipali ta' snin preċedenti. Il-volum u l-kwalità tal-informazzjoni rċevuta mill-OLAF żdiedu b'mod stabbli matul dawn l-aħħar snin, u dan jikkonferma l-fiduċja tal-pubbliku fl-Uffiċċju. Fil-kors tas-sena 2007, l-OLAF fetaħ aktar każijiet milli fl-2006. Bl-istess mod, in-numru ta' każijiet magħluqa żdiedu wkoll, għall-kuntrarju tas-snin preċedenti li kienu kkaratterizzati minn numru dejjem jonqos ta' każijiet magħluqa. Barra minn hekk, l-ammont ta' "investigazzjonijiet proprji" li l-OLAF iwettaq qabeż l-ammont ta' investigazzjonijiet li fihom huwa sempliċiment jipprovdi għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali. It-tul medju ta' każijiet żdied kemmxejn fl-2007, minħabba l-kumplessità tal-każijiet li l-Uffiċċju jiffaċċja llum u għall-ħtieġa li l-Istati Membri jew imsieħba barra jiġu involuti fl-investigazzjonijiet. L-OLAF kompla b'mod attiv il-kooperazzjoni tiegħu mal-Istati Membri, il-korpi tal-KE responsabbli mill-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-imsieħba internazzjonali fil-ġlieda kontra l-frodi.

Rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi – Is-Seba' Rapport tal-Attività (EN ) għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2006 [Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].
Dan ir-rapport ikompli fuq is-sitt rapport tal-attivitajiet. Fih, il-Kummissjoni tevalwa l-irregolaritajiet imwettqa u tippreżenta l-aktar miżuri importanti li ttieħdu fl-2006 mill-Istati Membri u minnha stess biex ittejjeb il-prevenzjoni tal-frodi u l-ġlieda kontra l-frodi. Ir-rapport jiddeskrivi wkoll fid-dettall il-mod li bih l-OLAF jiddeċiedi li jiftaħ investigazzjoni kontra l-frodi u jispjega kif jiġu ġestiti l-każijiet.

Rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi – Is-Sitt Rapport tal-Attivitajiet (DE ) (EN ) (FR ) għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-31 ta' Diċembru 2005 [Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali]

Rapport ta' Evalwazzjoni: Rapport tal-Kummissjoni (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV) tat-2 ta' April 2003 - Evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) [COM(2003) 154 finali - Ġurnal Uffiċjali C 76, 25.3.2004].

Deċiżjonijiet mill-istituzzjonijiet:

Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/394/KE tal-25 ta' Mejju 1999 dwar il-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni biex tiġi evitata l-frodi, il-korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li tmur kontra l-interessi tal-Komunitajiet [Ġurnal Uffiċjali L 149, 16.6.1999].
Kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali, din id-Deċiżjoni tiddikjara li l-Kunsill għandu jikkoopera mal-Uffiċċju u għandu jżommu nformat; tirrikjedi wkoll li l-Uffiċċju tas-Sikurezza jgħin lill-persunal tal-OLAF fil-ħidma tiegħu. Għal dan, l-OLAF ikun meħtieġ jinforma lil kull min huwa implikat f'xi waħda mill-investigazzjonijiet tiegħu.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396/KE tat-2 ta' Ġunju 1999 dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta' frodi, korruzzjoni u kull xorta ta' attivita` illegali li hija ta' ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet [Ġurnal Uffiċjali L 149, 16.6.1999].
Kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali, din id-Deċiżjoni tiddikjara li l-Kummissjoni għandha tikkoopera mal-Uffiċċju u żżommu informat; teħtieġ ukoll lill-Uffiċċju tas-Sikurezza sabiex jgħin lill-persunal tal-OLAF fil-ħidma tiegħu. Għal dan, l-OLAF ikun meħtieġ jinforma lil kull min huwa implikat f'xi waħda mill-investigazzjonijiet tiegħu.

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 1999 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni fir-rigward tal-prevenzjoni ta' frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali ta' detriment għall-interessi tal-Komunità [Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, Anness XI - Ġurnal Uffiċjali L 44, 15.2.2005].
Kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali, din id-Deċiżjoni tiddikjara li l-Parlament Ewropew għandu jikkoopera mal-Uffiċċju u jżommu informat. Id-Deċiżjoni tobbliga lill-Uffiċċju tas-Sikurezza tal-Parlament biex jgħin lill-persunal tal-OLAF fil-ħidma tiegħu. Hija tobbliga wkoll lill-OLAF biex jinforma lil kull min huwa implikat f'waħda mill-investigazzjonijiet tiegħu.

Deċiżjoni 1999/726/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta' Ottubru 1999 dwar il-prevenzjoni tal-frodi - [Ġurnal Uffiċjali L 291, tat-12.11.1999].
Id-Deċiżjoni tfittex li tipprovdi protezzjoni adegwata kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra fil-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), filwaqt li żżomm id-distribuzzjoni u l-bilanċ tar-responsabbiltajiet bejn il-BĊE u l-istituzzjonijiet Ewropej.
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tistabbilixxi kumitat ta' kontra l-frodi biex ikun responsabbli għall-monitoraġġ tal-indipendenza u tal-funzjonament tad-Direttorat għall-Verifiki Interni tal-BĊE. Il-kumitat ta' kontra l-frodi huwa wkoll responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Kumitat għas-Sorveljanza tal-OLAF. Dawn ir-relazzjonijiet huma regolati mill-prinċipji stabbiliti permezz ta' deċiżjoni tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ottubru 1999 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta' frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali detrimentali għall-interessi tal-Komunità [Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].
Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti li stabbilixxew l-OLAF, din id-Deċiżjoni teħtieġ lill-Qorti sabiex tikkoopera mal-Uffiċċju u li żżommu infurmat. Hija tistabbilixxi wkoll il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-persunal tal-OLAF meta jwettqu investigazzjonijiet interni. F'konformità mal-prinċipju ta' kunfidenzjalità, hija tiċħad lill-OLAF aċċess għal dokumenti miżmuma b'konnessjoni ma' proċeduri legali li jkunu għaddejjin jew li jkunu ġew mitmuma.

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 2003 li tannulla d-Deċiżjoni 1999/726/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-prevenzjoni tal-frodi u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet (Kawża C-11/00).

L-aħħar aġġornament: 05.11.2008
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna