EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Rimi ta’ batteriji użati

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ ċerti batteriji (jew akkumulaturi)* b’kontenut ta’ merkurju jew kadmju ogħla minn livell limitu stabbilit.
  • Din tippromwovi rata għolja ta’ ġbir u riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji u t-titjib fil-prestazzjoni ambjentali ta’ dawk kollha involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji, inklużi r-riċiklaġġ u r-rimi tagħhom.
  • L-għan huwa li jitnaqqas l-ammont ta’ sustanzi perikolużi — b’mod partikolari l-merkurju, il-kadmju u ċ-ċomb — li jintremew fl-ambjent; dan għandu jsir billi jitnaqqas l-użu ta’ dawn is-sustanzi fil-batteriji u billi l-ammonti li jintużaw jiġu ttrattati u użati mill-ġdid.

PUNTI EWLENIN

  • Id-Direttiva tapplika għat-tipi kollha ta’ batteriji, minbarra dawk li jintużaw f’tagħmir għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-pajjiżi tal-UE għal finijiet militari, jew f’tagħmir maħsub biex jintbagħat fl-ispazju. B’hekk tkopri firxa iktar wiesgħa ta’ prodotti mid-Direttiva 91/157/KEE, li kienet tapplika biss għal batteriji li kien fihom il-merkurju, iċ-ċomb jew il-kadmju, u kienet teskludi “ċelluli buttuni”, u li tħassarha.
  • Fir-rigward tal-presenza tal-merkurju, id-Direttiva tipprojbixxi batteriji, irrispettivament jekk ikunux inkorporati f’apparati, li jkun fihom aktar minn 0.0005% ta’ merkurju fil-piż. Ċelluli buttuni b’kontenut ta’ merkurju ta’ mhux aktar minn 2% fil-piż huma eżentati minn din il-projbizzjoni sa Ottubru 2015 (fil-każ ta’ ċelluli buttuni għal apparat għas-smigħ, din l-eżenzjoni, madankollu, kellha tibqa’ taħt reviżjoni mill-Kummissjoni Ewropea).
  • Dwar il-kadmju, il-batteriji portabbli, inklużi dawk inkorporati f’apparati, b’kontenut ta’ kadmju ta’ aktar minn 0.002 % fil-piż huma pprojbiti (ħlief għal batteriji portabbli biex jintużaw f’sistemi ta’ emerġenza u ta’ allarm jew f’tagħmir mediku). Kien hemm eżenzjoni minn din il-projbizzjoni għal batteriji portabbli għal għodod elettriċi bla fili sal-31 ta’ Diċembru 2016, li tippermetti lill-industrija tar-riċiklaġġ u lill-konsumaturi flimkien mal-katina tal-valur kollha kemm hi sabiex ikomplu jadattaw għat-teknoloġiji ta’ sostituzzjoni rilevanti.
  • Biex jiżguraw li jiġi riċiklat proporzjon għoli ta’ batteriji użati, il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu kwalunkwe miżura li tkun meħtieġa (inklużi strumenti ekonomiċi) biex jippromwovu u jimmassimizzaw il-ġbir separat tal-iskart u biex jevitaw li l-batteriji jintremew bħala skart muniċipali mhux magħżul. Dawn iridu jagħmlu arranġamenti li jippermettu lill-utenti finali jarmu l-batteriji użati f’punti tal-ġbir fil-viċinanza tagħhom u jaraw li dawn jittieħdu lura mill-produtturi mingħajr ħlas. Kellhom jintlaħqu rati ta’ ġbir ta’ mill-inqas 25% sas-26 ta’ Settembru 2012 u 45% sas-26 ta’ Settembru 2016 rispettivament.
  • Skont id-Direttiva 2006/66/KE, kif emendata mid-Direttiva 2013/56/UE, għandu jkun possibbli li l-batteriji jitneħħew faċilment u b’mod sikur. B’hekk, l-apparati li jkun fihom batteriji għandhom ikunu akkumpanjati minn struzzjonijiet dwar kif dawn jistgħu jitneħħew b’mod sikur jew mill-utent finali jew minn professjonisti indipendenti kwalifikati.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw ukoll li l-batteriji li jkunu nġabru jiġu trattati u riċiklati billi jintużaw l-aħjar tekniki disponibbli. L-irkupru tal-enerġija mhuwiex ikkunsidrat bħala proċess ta’ riċiklaġġ.
  • Mill-inqas, it-trattament għandu jinkludi t-tneħħija tal-fluwidi u l-aċidi kollha. Il-batteriji għandhom jiġu ttrattati u maħżuna (anke jekk temporanjament biss) f’siti b’uċuħ impermeabbli u b’għata li jiflaħ għat-temp, jew f’kontenituri xierqa. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll obbligi b’rabta mal-effiċjenzi tal-proċessi ta’ riċiklaġġ li l-batteriji huma soġġetti għalihom, skont il-kompożizzjoni kimika tagħhom.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jarmu skart ta’ batteriji portabbli li jkun fihom il-kadmju, il-merkurju jew iċ-ċomb f’landfills jew f’ħażniet taħt l-art jekk ma jkun hemm l-ebda suq aħħari vijabbli għall-prodotti tar-riċiklaġġ, jew jekk valutazzjoni ddettaljata tal-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali tikkonkludi li r-riċiklaġġ mhuwiex l-aħjar soluzzjoni. Barra minn hekk, huwa pprojbit li l-iskart tal-batteriji industrijali u tal-karozzi jitqiegħed f’landfill, jew li jiġi maħruq. Madankollu, ir-residwi ta’ kwalunkwe batterija li tkun għaddiet kemm minn trattament kif ukoll minn riċiklaġġ jistgħu jintremew f’landfills jew permezz tal-inċinerazzjoni.
  • It-trattament u r-riċiklaġġ jistgħu jsiru barra l-pajjiż tal-UE kkonċernat jew saħansitra barra l-UE, sakemm ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar il-vjeġġ tal-iskart (ara s-sommarju) jiġi rispettat.
  • Produtturi (jew partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom) għandhom iġorru l-kost nett tal-ġbir, tat-trattament u tar-riċiklaġġ ta’ batteriji industrijali, tal-karozzi u portabbli. Il-produtturi tal-batteriji portabbli għandhom jiffinanzjaw l-kostijiet li jirriżultaw minn kampanji ta’ informazzjoni pubblika dwar il-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart kollu tal-batteriji portabbli. Produtturi żgħar jistgħu jkunu eżentati minn dan l-obbligu jekk dan ma jwaqqafx il-funzjonament xieraq tal-iskemi tal-ġbir u tar-riċiklaġġ. Il-produtturi kollha tal-batteriji għandhom jiġu rreġistrati.
  • L-utenti finali għandhom jirċievu informazzjoni dwar suġġetti differenti u permezz ta’ kanali differenti:
    • dwar l-effetti potenzjali fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem tas-sustanzi użati fil-batteriji, u dwar l-arranġamenti ta’ ġbir u riċiklaġġ disponibbli għalihom, permezz ta’ kampanji jew direttament mid-distributuri;
    • dwar il-kapaċità tal-batterija portabbli jew dwar il-preżenza ta’ kimiċi ’l fuq minn ċertu livell limitu, l-informazzjoni se tingħata permezz ta’ mmarkar viżibbli, leġibbli u permanenti fuq il-batteriji, l-akkumulaturi u l-pakketti ta’ batteriji;
    • dwar il-ħtieġa li jkun żgurat il-ġbir separat għall-batteriji, għandu jintuża s-simbolu tal-barmil tal-iskart bir-roti maqtugħ b’salib.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-miżuri li qed jieħdu biex iħeġġu l-iżviluppi li jaffettwaw l-impatt tal-batteriji fuq l-ambjent (inklużi tekniki ġodda ta’ riċiklaġġ u trattament). Xi aspetti tad-Direttiva ġew riveduti fl-2013 (ara d-Direttiva emendatorja 2013/56/UE).

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

  • Id-Direttiva 2006/66/KE ilha tapplika sa mis-26 ta’ Settembru 2006 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sas-26 ta’ Settembru 2008.
  • Id-Direttiva emendatorja 2013/56/UE ilha tapplika sa mit-30 ta’ Diċembru 2013 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Lulju 2015.

SFOND

  • Diversi mijiet ta’ eluf ta’ tunnellati ta’ batteriji industrijali u portabbli jitqiegħdu fis-suq tal-UE kull sena. Tintuża firxa wiesgħa ta’ metalli, mill-merkurju, iċ-ċomb u l-kadmju san-nikil, ir-ram, iż-żingu, il-manganiż u l-litju.
  • Ir-rimi tal-iskart minn dawn il-prodotti jniġġes l-ambjent (fil-każ tal-ħruq) u jikkontamina l-art koperata u l-ilma (fil-każ ta’ landfill jew dfin). Permezz ta’ regoli xierqa huwa possibbli li jitnaqqas it-tniġġis ambjentali minn dan l-iskart. Barra minn hekk, ir-riċiklaġġ tal-iskart jippermetti l-irkuprar ta’ eluf ta’ tunnellati ta’ metalli, inklużi metalli prezzjużi bħan-nikil, il-kobalt u l-fidda.
  • Għal aktar tagħrif ara:

TERMINI EWLENIN

Batteriji jew Akkumulaturi: kwalunkwe sors ta’ enerġija elettrika ġġenerata mill-konverżjoni diretta tal-enerġija kimika u li jikkonsisti f’ċellula primarja waħda jew aktar tal-batterija (mhux rikarikabbli) jew li jikkonsisti f’ċellula sekondarja waħda jew aktar tal-batterija (rikarikabbli). Fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, il-batteriji u l-akkumulaturi huma l-istess, li għalihom tintuża biss il-kelma batteriji.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE, (ĠU L 266, 26.9.2006, pp. 1-14)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/66/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/763/KE tad-29 ta’ Settembru 2008 li tistabbilixxi, skont id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-bejgħ annwali ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli lil konsumaturi finali (ĠU L 262 1.10.2008, p. 39)

l-aħħar aġġornament 09.06.2020

Top