EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni tal-baleni, id-dniefel u l-foċeni kontra l-qabdiet inċidentali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 812/2004 — miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji fil-meded tas-sajd

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jintroduċi miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali (magħrufa bħala qabdiet inċidentali) minn bastimenti tas-sajd ta’ baleni, dniefel u foċeni (grupp ta’ mammiferi tal-baħar magħrufa bħala ċetaċji).

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jintroduċi:

  • miżuri tekniċi li jikkonċernaw ix-xbieki tal-garġi (xibka tas-sajd li tiddendel vertikalment sabiex il-ħut jinqabad fiha mill-garġi) u xbieki tat-tkarkir (xibka tas-sajd) f’żoni speċifikati (elenkati fl-Annessi I u III tar-regolament);
  • skema ta’ monitoraġġ abbord il-bastimenti tas-sajd biex tinkiseb informazzjoni dwar qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji f’meded tas-sajd “f’riskju”* (ara l-Anness III).

Apparat akustiku deterrenti

  • Ġie żviluppat apparat akustiku deterrenti ta’ diversi tipi. Dan l-apparat (spiss magħruf bħala “pingers”) jitfa' sinjali maħsuba sabiex iżommu ċ-ċetaċji ’l bogħod mill-irkaptu tas-sajd.
  • Il-bastimenti tas-sajd kollha ta’ 12-il metru jew itwal li jistadu fiż-żoni speċifikati għall-perjodu tas-sajd speċifiku jridu jużaw l-apparat.
  • Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd iridu jiżguraw li l-apparat ikun totalment operattiv meta jarmaw it-tagħmir.
  • Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) iridu jwettqu monitoraġġ u jevalwaw l-effetti tal-użu tal-apparat maż-żmien.
  • L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (eż. karatteristiċi tas-sinjali) u l-kundizzjonijiet tal-użu (jiġifieri l-ispazjar massimu bejn l-apparat u x-xbieki) huma stabbiliti fl-Anness II tar-regolament.
  • B’mod eċċezzjonali, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jawtorizzaw l-użu għal perjodu massimu ta’ sentejn ta’ apparat li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet jew il-kundizzjonijiet tal-użu, sakemm l-użu tiegħu ikun ġie ddokumentat b’mod suffiċjenti.

Skemi ta’monitoraġġ għal qabdiet inċidentali

  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jiddisinjaw u jimplimentaw skemi ta’monitoraġġ għall-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom. L-għan tal-eżerċizzju huwa li tinkiseb data rappreżentattiva dwar is-sajd elenkat fl-Anness III.
  • Fir-rigward ta’ bastimenti b’tul ta’ inqas minn 15-il metru, id-data tinġabar permezz ta' studji jew proġetti pilota.
  • Fir-rigward ta' bastimenti li jkun fihom 15-il metru jew aktar, il-monitoraġġ isir minn osservaturi abbord.
  • Fir-rigward tal-osservaturi, il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi:
    • il-kwalifiki tagħhom (eż. esperjenza rilevanti fl-ispeċi ċetaċji u l-prattiki tas-sajd;
    • il-kapaċità tagħhom li jwettqu ċerti kompiti xjentifiċi elementari, eċċ.);
    • il-kompiti tagħhom (li jwettqu monitoraġġ tal-qabdiet inċidentali u jiġbru d-data neċessarja biex jestrapolaw il-qabda inċidentali osservata fil-medda tas-sajd kollha kkonċernata);
    • il-kontenut tar-rapport li l-osservaturi għandhom jibagħtu dwar id-data li jkunu ġabru, l-osservazzjonijiet u s-sejbiet tagħhom.

Rapporti

  • Kull sena, il-pajjiżi tal-UE jridu jibagħtu rapport lill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport għandu:
    • jinkludi stimi tal-qabdiet inċidentali globali taċ-ċetaċji f’kull medda tas-sajd ikkonċernata;
    • jinkludi valutazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapporti tal-osservaturi u kwalunkwe informazzjoni oħra xierqa, inkluża kwalunkwe riċerka li ssir biex titnaqqas il-qabda inċidentali taċ-ċetaċji fis-sajd.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2004.

SFOND

Il-balieni, id-dniefel u l-foċeni kollha huma protetti taħt id-Direttiva Ħabitats tal-UE, li tirrikjedi lill-pajjiżi tal-UE jissorveljaw l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi. L-UE għalhekk ħadet miżuri speċifiċi biex tiżgura li l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd jiġi minimizat.

* TERMINI EWLENIN

sajd “f’riskju”: fil-kuntest ta’ dan is-sommarju, il-medda tas-sajd fejn il-popolazzjoni taċ-ċetaċji tkun partikolarment mhedda minħabba l-attivitajiet tas-sajd

DOKUMENT EWLIENI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004tas-26 ta’ April 2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd u jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/98 (ĠU L 150, 30.4.2004, pp. 12-31)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 812/2004 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta' Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 60, 5.3.2008, pp. 1-12)

Ara l-verżjoni konsolidata

l-aħħar aġġornament 04.10.2016

Top