RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Konservazzjoni u sfruttament tar-riżorsi tal-baħar

Ir-Regolament Nru 2371/2002 iniedi l-bażi tal-politika komuni tas-sajd (PKS) li l-objettiv tagħha huwa li tiggarantixxi sfruttament sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin fuq livell ekonomiku, ambjentali u soċjali. Il-miżuri adottati fil-qafas ta’ dan ir-regolament huma bbażati fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni u fuq pariri xjentifiċi fondati. Dawn jirrigwardaw il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-istokks tal-ħut u tal-ekosistemi tal-baħar, l-aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi, il-flotta, il-kontroll tal-attivitajiet, it-teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-partijiet involuti fl-istadji kollha tal-politika.

ATT

Regolament (KE) Nru 2371/2002 tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [Ara l-att(i) emendatorju(i)].

SINTEŻI

Il-politika komuni tas-sajd tkopri l-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar kif ukoll l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Din tipprevedi miżuri koerenti li jirrigwardaw:

  • il-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin;
  • il-limitazzjoni tar-riperkussjonijiet tas-sajd fuq l-ambjent;
  • il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi;
  • il-kapaċità tal-flotta;
  • il-kontroll;
  • l-akkwakultura;
  • l-organizzazzjoni komuni tas-swieq;
  • ir-relazzjonijiet internazzjonali.

Il-konservazzjoni u s-sostenibbiltà

L-Unjoni Ewropea (UE) tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirregola l-aċċess għaż-żoni tas-sajd u għar-riżorsi, u biex tiggarantixxi t-twettiq sostenibbli tal-attivitajiet tas-sajd. Dawn il-miżuri japplikaw għal kull stokk ta’ ħut jew għal gruppi ta’ stokks. Huma mmirati biex jillimitaw il-mortalità mis-sajd u l-effett fuq l-ambjent tal-attivitajiet tas-sajd permezz ta’:

  • l-adozzjoni ta' pjanijiet ta’ tkattir mill-ġdid għall-istokks li l-volum tagħhom ikun barra mil-limiti bijoloġiċi siguri;
  • l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni sabiex il-volum tal-istokks jinżamm f’limiti bijoloġiċi siguri;
  • l-iffissar ta’ objettivi għal sfruttament sostenibbli tal-istokks;
  • il-limitazzjoni tal-qbid;
  • l-iffissar tan-numru u tat-tip ta’ bastimenti awtorizzati biex jistadu;
  • il-limitazzjoni tal-isforz tas-sajd;
  • l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi sabiex jiġi promoss sajd aktar selettiv jew fejn l-effett fuq l-ekosistemi marittimi u fuq l-ispeċji mhux immirati jkun aktar dgħajjef. Dawn il-miżuri jistgħu jirrigwardaw ukoll l-istruttura, in-numru u d-daqs tal-irkaptu tas-sajd użat, l-istabbiliment ta’ żoni u/jew perjodi ta’ projbizzjoni jew ta’ limitazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ta’ urġenza f’każ ta' theddida serja għall-ekosistema jew għall-konservazzjoni tar-riżorsi għal perjodi ta’ bejn 3 sa 6 xhur. Id-deċiżjoni tal-Istati Membri tikkonċerna biss l-ilmijiet li fuqhom huma jeżerċitaw is-sovranità tagħhom. Huma għandhom ukoll il-possibbiltà, fil-limitu ta’ 12-il mil nawtiku, li jieħdu miżuri mhux diskriminatorji ta’ konservazzjoni biex jippreżervaw l-ekosistema. Jekk dawk il-miżuri jkunu jikkonċernaw bastimenti ta’ Stati Membri oħrajn, il-Kummissjoni, l-Istati u l-kunsilli konsultattivi reġjonali kkonċernati jridu jkunu ġew ikkonsultati. L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom miżuri oħrajn ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni bil-kundizzjoni li dawn jirrispettaw l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).

Adattament tal-kapaċità tas-sajd

L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadattaw il-kapaċità tas-sajd tagħhom sabiex jibbilanċjaw il-kapaċità u l-opportunitajiet tas-sajd. Minħabba s-sitwazzjoni kritika ta’ numru kbir ta’ stokks fl-ilmijiet Ewropej, il-kapaċità totali tal-flotta Komunitarja hija “ffriżata” sa mill-31 ta’ Diċembru 2002. B’hekk, id-dħul ta’ bastiment tas-sajd ġdid huwa possibbli biss wara li jiġi rtirat bastiment ieħor tal-istess kapaċità (imkejjel skont it-tunnellaġġ “GT” u l-qawwa tal-magna f’“kW”) tal-flotta Komunitarja. Sa mill-ewwel ta’ Jannar 2003, l-uniċi żidiet fit-tunnellaġġ possibbli mingħajr irtirar assoċjat huma l-konverżjonijiet ta’ bastimenti bil-għan li tittejjeb is-sigurtà abbord, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene u l-kwalità tal-prodotti.

It-tnaqqis fil-kapaċità meħtieġa jagħmlu parti mill-pjanijiet ta’ ġestjoni u ta’ tkattir mill-ġdid. Kull irtirar ta’ bastiment b’sussidju pubbliku (tal-Istat Membru u/jew tal-Komunità) huwa definittiv, u l-bastiment irtirat ma jistax jiġi ssostitwit. Il-Kummissjoni tibgħat kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sinteżi tar-riżultati tal-isforzi li jkunu saru mill-Istati Membri biex jilħqu bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità u l-opportunitajiet tas-sajd, ibbażata fuq ir-rapporti annwali tal-Istati Membri. Hija tamministra wkoll reġistru tal-flotta tas-sajd Komunitarja li jikkonsisti fid-dejta kollha dwar il-karatteristiċi u l-attivitajiet tal-bastimenti meħtieġa sabiex tiġi applikata b’mod korrett il-PKS.

Aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi

Il-bastimenti Komunitarji lkoll igawdu mill-istess libertà ta’ aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi, ħlief fiż-żona ta’ 12-il mil mill-kosta li taqa’ taħt is-sovranità tal-Istati Membri (Anness I). Japplikaw regoli partikolari għaż-żona ta’ Shetlands (Shetland Box) (Anness II). Kull sena jiġu ffissati totali ta’ qbid permissibbli (TAC) mill-Kunsill u l-opportunitajiet tas-sajd jitqassmu bejn l-Istati Membri waqt li tingħata attenzjoni biex kull wieħed minnhom ikollu stabilità relattiva fl-attivitajiet tas-sajd għal kull stokk jew żona tas-sajd. L-Istati Membri b’hekk huma liberi li jallokaw dawk l-opportunitajiet lill-bastimenti tagħhom u jistgħu jiskambjaw l-opportunitajiet li għalihom huma intitolati. Il-Kunsill jiddeċiedi wkoll dwar l-opportunitajiet tas-sajd tal-pajjiżi terzi li għandhom aċċess għall-ilmijiet Komunitarji.

Kontroll u twettiq

Sistema Ewropea ta’ kontroll tas-sajd hija stabbilita biex jiġi żgurat il-ħarsien tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd (PKS) f’kull stadju fil-katina tal-produzzjoni, jiġifieri mid-dgħajsa sal-bejjiegħ tal-ħut. Il-kontrolli dejjem isiru fuq il-baħar, iżda huma rrafforzati fil-portijiet, matul it-trasport, fil-fabbriki tal-ipproċessar, fis-swieq, eċċ., sabiex jiġi vverifikat li l-ħut ikun inqabad legalment.

Is-sistema ta’ kontroll tapplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd fl-ilmijiet Komunitarji, kif ukoll għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti Komunitarji u taċ-ċittadini tal-UE, fl-ilmijiet Komunitarji u mhux Komunitarji. Tapplika wkoll għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd, għas-sajd ta’ delizzju għal stokks sensittivi u għall-akkwakultura.

Teħid ta’ deċiżjonijiet u konsultazzjoni

Id-deċiżjonijiet dwar is-sajd jittieħdu mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni. F’ċerti każijiet, id-deċiżjoni tittieħed wara qbil mill-kumitat konsultattiv tas-sajd u l-akkwakultura, skont il-proċedura ddefinita mid-Deċiżjoni 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni hija assistita mill-Kumitat Konsultattiv tas-Sajd u tal-Akkwakultura (CCPA) li nħoloq fl-1971. Il-KKSA huwa forum ta’ djalogu permanenti mal-industrija. Il-21 membru tiegħu jirrappreżentaw il-fergħat prinċipali tal-industrija tas-sajd u tal-akkwakultura (il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċ) kif ukoll il-gruppi u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li jieħdu ħsieb il-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp. Il-KKSA jikkonsisti f’erba’ gruppi ta’ ħidma inkarigati biex iħejju l-pariri tiegħu:

  • Grupp nru 1: Aċċess għar-riżorsi u ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd,
  • Grupp nru 2: Akkwakultura: trobbija ta’ ħut, krustaċji u molluski,
  • Grupp nru 3: Swieq u politika kummerċjali,
  • Grupp nru 4: Kwistjonijiet ġenerali: ekonomija u analiżi tas-settur.

Il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (KKR) huma stabbiliti biex iżidu l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tas-settur tas-sajd u ta’ rappreżentanti oħrajn tas-setturi kkonċernati mill-PKS, bħal fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent jew tal-konsumaturi. Huma jkopru ż-żoni marittimi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri. Ix-xjentisti jieħdu wkoll sehem fil-ħidma tal-kunsilli konsultattivi reġjonali. Dawn tal-aħħar jistgħu jiġu kkonsultati mill-Kummissjoni, pereżempju dwar l-implimentazzjoni u l-elaborazzjoni ta' pjanijiet ta’ ġestjoni jew ta’ tkattir mill-ġdid. Huma jissottomettu wkoll, fuq l-inizjattiva tagħhom, rakkomandazzjonijiet u jinfurmaw lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membri dwar problemi fl-implimentazzjoni tal-PKS.

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku tas-Sajd (STCEF), li huwa kompost minn esperti xjentifiċi bi kwalifiki għoljin, jiġi kkonsultat regolarment dwar kwistjonijiet relatati mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin. Il-Kummissjoni tieħu l-pariri tiegħu f’kunsiderazzjoni meta tifformula proposti dwar il-ġestjoni tas-sajd.

Rapport dwar il-konservazzjoni u s-sostenibbiltà kif ukoll dwar l-adattament tal-kapaċità tas-sajd ser jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill qabel it-tmiem tal-2012.

REFERENZI

Att Dħul fis-seħħ Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri Ġurnal Uffiċjali
Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002

1.1.2003

ĠU L 358, 31.12.2002

DEROGI MILL-ATT

Derogi dwar il-ġestjoni tal-flotot tas-sajd irreġistrati fir-reġjuni l-aktar imbiegħda:
Ir-Regolament (KE) Nru 639/2004 [Ġurnal Uffiċjali L 102, 7.4.2004].
Emendat mir-:
Ir-Regolament (KE) Nru 1646/2006 [Ġurnal Uffiċjali L 309, 9.11.2006];
Ir-Regolament (KE) Nru 1207/2008 [Ġurnal Uffiċjali L 327, 5.12.2008].
Minħabba l-importanza tas-settur tas-sajd f’dawn ir-reġjuni, dan ir-regolament jieħu f’kunsiderazzjoni l-qagħda strutturali, soċjali u ekonomika tal-ġestjoni tal-flotot tas-sajd speċifika ta’ dawn ir-reġjuni.

Derogi mogħtija lill-Istati Membri l-ġodda minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 dwar il-livelli ta’ referenza għall-flotot tas-sajd:
Regolament (KE) Nru 1242/2004 [Ġurnal Uffiċjali L 236, 7.7.2004];
(KE) Nru 783/2007 [Ġurnal Uffiċjali L 175, 5.7.2007].
Dawn ir-regolamenti jipprovdi derogi għall-Istati Membri l-ġodda fir-rigward tal-livelli ta’ referenza għall-għoti ta’ għajnuna għat-tiġdid tal-flotta.

Att(i) li jemenda(w) Dħul fis-seħħ Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri Ġurnal Uffiċjali
Regolament (KE) Nru 865/2007

27.7.2007

ĠU L 192, 24.7.2007

Regolament (KE) Nru 1224/2009

23.12.2009

ĠU L 343, 22.12.2009

Regolament (KE) Nru 1152/2012

21.12.2012

ĠU L 343, 14.12.2012

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) nru 2371/2002 ġew integrati fit-test bażiku.

ATTI RELATATI

Possibiltajiet tas-sajd

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 40/2013 tat- 21 ta' Jannar 2013 li jiffissa għall-2013 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati [Ġurnal Uffiċjali L 23, 25.1.2013].

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 39/2013 tat- 21 ta’ Jannar 2013 li jiffissa, għall-2013, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-bastimenti tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut li mhumiex suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali [Ġurnal Uffiċjali L 23, 25.1.2013].

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1262/2012 tal- 20 ta’ Diċembru 2012 li jiffissa għall-2013 u l-2014 l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-UE għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond [Ġurnal Uffiċjali L 356, 22.12.2012].

Il-flotta

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1013/2010 tal- 10 ta’ Novembru 2010 li jippreskrivi regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-Politika tal-Unjoni dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 [Ġurnal Uffiċjali L 293, 11.11.2010].
Dan ir-regolament japplika għall-bastimenti Komunitarji kollha ħlief għal dawk li jintużaw esklużivament fl-akkwakultura u dawk irreġistrati fir-reġjuni extra-Ewropej Franċiżi, Spanjoli u Portugiżi. Dan jiddetermina l-formoli li jiffissaw il-livelli ta’ referenza f’termini ta’ tunnellaġġ gross (TG) u ta’ qawwa għal kull Stat Membri fl-ewwel ta’ Jannar 2003. Jiffissa wkoll il-kundizzjonijiet għal eliġibbiltà għal żieda fit-tunnellaġġ. Kull Stat Membru għandu jiġbor l-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-PKS u mal-irtirar (jew is-sostituzzjoni) ta’ bastiment tal-flott tal-Unjoni Ewropea. Kull modernizzar ta’ bastiment li jinvolvi bidla fil-kapaċità tas-sajd tiegħu għandu jiġi nnotifikat ukoll.

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità [Ġurnal Uffiċjali L 5, 9.1.2004].
Dan ir-regolament jistabbilixxi l-informazzjoni minima dwar il-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat Membru u li trid titniżżel fir-reġistru nazzjonali miżmum minn dak l-Istat. Jiffissa wkoll l-obbligi tal-Istati Membri dwar il-ġbir, il-validazzjoni u t-trasmissjoni ta’ dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni kif ukoll l-obbligi tagħha għall-ġestjoni tar-reġistru tal-flotta tas-sajd Komunitarja. Il-bastimenti huma identifikati permezz ta’ numru CFR (Community Fleet Register) uniku li jingħatalhom b’mod definittiv u li ma jistax jingħata lil bastiment ieħor.
Ara verżjoni kkonsolidata

L-aħħar aġġornament: 08.02.2013
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna