EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sistema ta’ liċenzjar għall-importazzjonijiet tal-injam fl-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Magħruf bħala r-regolament dwar l-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali (FLEGT), huwa jiżgura li l-injam u l-prodotti tal-injam esportat(i) lejn l-UE minn pajjiżi sħab li ffirmaw ftehim ta’ sħubija volontarja (VPA) mal-UE u li jimplimentaw skema ta’ liċenzjar FLEGT ikun ġie maħsud/ikunu ġew maħsuda b’mod legali.
  • Huwa jikkumplimenta r-Regolament (UE) Nru 995/2010, li jimmira li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ injam u prodotti derivati minn tali injam maħsud(a) b’mod illegali.
  • Huwa ġie emendat mir-Regolament (UE) Nru 657/2014, mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1387 u mir-Regolament (UE) 2019/1010.

PUNTI EWLENIN

  • Dan ir-regolament japplika għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-injam elenkati fl-Annessi II u III minn pajjiżi sħab elenkati fl-Anness I.
  • Is-sħubija tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT tiġi implimentata permezz ta’ ftehimiet ta’ sħubija volontarja (VPAs) ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam u li jixtiequ jiffirmaw tali ftehimiet mal-UE. Kull VPA jispeċifika l-iskeda u l-impenji miftehma.
  • Il-pajjiżi tal-esportazzjoni li jiffirmaw VPA jeħtiġilhom jiżviluppaw sistema ta’ verifika għal-legalità tal-prodotti tal-injam tagħhom.
  • Il-vjeġġi kollha tal-injam mill-pajjiżi fil-VPA u li għandhom skema ta’ liċenzjar FLEGT operazzjonali jeħtiġilhom ikunu koperti minn liċenzja FLEGT li tiċċertifika l-konformità mar-rekwiżiti tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT. Mingħajr liċenzja FLEGT, il-vjeġġi tal-injam ma jistgħux jidħlu fis-suq tal-UE.
  • Meta jkun hemm xi dubju dwar il-validità ta’ liċenzja FLEGT fi fruntiera tal-UE, l-awtoritajiet kompetenti jeħtiġilhom jitolbu verifika ulterjuri mill-awtorità li tkun ħarġet il-liċenzja (l-ispejjeż tal-verifika jiġu mġarrba mill-importatur sakemm il-pajjiż tal-UE inkwistjoni ma jiddeċidix mod ieħor). L-awtoritajiet doganali jistgħu jissospendu r-rilaxx tal-injam jekk ikunu jemmnu li l-liċenzja FLEGT mhix valida.
  • Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti għall-ksur ta’ dan ir-regolament.

Emendi

  • Ir-Regolament (UE) Nru 657/2014 emenda r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 li jagħti lill-Kummissjoni Ewropea s-setgħa li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni.
  • Ir-Regolament Delegat 2016/1387 li jemenda l-Annessi I u III, filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li l-Indoneżja saret l-ewwel pajjiż sieħeb bi skema ta’ liċenzjar FLEGT operazzjonali u li joħroġ liċenzji FLEGT.
  • Ir-Regolament (UE) 2019/1010 jemenda r-regolament oriġinali fir-rigward tar-rapporti li l-pajjiżi tal-UE jridu jippreparaw kull sena. Skont ir-regolament oriġinali, huma kellhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni li jindika l-kwantitajiet ta’ importazzjonijiet ta’ injam taħt l-iskema ta’ liċenzjar FLEGT, in-numru ta’ liċenzji rċevuti u n-numru ta’ każijiet u kwantitajiet ta’ injam u prodotti tal-injam importati mingħajr liċenzja FLEGT (jiġifieri importazzjonijiet ipprojbiti). Madanakollu, ir-regolament emendatorju ma jispeċifikax x’jenħtieġ li jiġi inkluż fir-rapport li għandu jiġi sottomess mill-pajjiżi tal-UE. Barra minn hekk, huwa jitlob lill-pajjiżi tal-UE mhux biss biex jissottomettu dawn ir-rapporti lill-Kummissjoni, iżda anke biex jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku.
  • Ir-Regolament (UE) 2019/1010 jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex, kull ħames snin, mill-2021 tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament u l-effettività tar-regolament.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-30 ta’ Diċembru 2005.

SFOND

Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni FLEGT ġiet proposta l-ewwel fl-2003 fil-pjan ta’ azzjoni FLEGT, li kien jimmira li jiġġieled il-qtugħ tas-siġar għall-injam illegali u jtejjeb il-provvista u d-domanda tal-injam illegali. Din prinċipalment kienet immirata għar-reġjuni rikki fl-injam tal-Afrika ċentrali, tar-Russja, tax-Xlokk tal-Asja, u partijiet tal-Amerka t’Isfel.

Għal iktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, pp. 1-6)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 2173/2005 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-leġislazzjoni relatata mal-ambjent u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005, u d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (ĠU L 170, 25.6.2019, pp. 115-127)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1387 tad-9 ta’ Ġunju 2016 li jemenda l-Annessi I u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 wara ftehim ta’ sħubija volontarja mal-Indoneżja għal skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjonijiet ta’ injam lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 223, 18.8.2016, pp. 1-9)

Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, pp. 23-34)

l-aħħar aġġornament 11.09.2019

Top