RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 22-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Strateġija tal-bijodiversità għall-2020

L-Unjoni Ewropea (UE) adottat strateġija sabiex tipproteġi u ttejjeb l-istat tal-bijodiversità fl-Ewropa matul id-deċennju li ġej. Din l-istrateġija tiddefinixxi sitt għanijiet li jkopru l-fatturi prinċipali tat-telf tal-bijodiversità u li jippermettu li jitnaqqsu l-pressjonijiet l-iktar qawwijin li jiġu eżerċitati fuq in-natura.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2011, intitolata: “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” (COM(2011) 244 finali - Mhux ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Din l-istrateġija hija mmirata sabiex tnaqqas it-telf tal-bijodiversità u tad-deterjorazzjoni tal-ekosistemi fl-Unjoni Ewropea (UE) minn issa sal-2020, billi tiddefinixxi sitt objettivi prijoritarji. Din l-istrateġija hija parti mill-istrateġija Ewropa 2020, u b’mod partikolari mill-inizjattiva ewlenija intitolata “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza”.

Objettiv 1: konservazzjoni u riġenerazzjoni tan-natura

L-UE għandha tiżgura applikazzjoni aħjar tad-Direttivi dwar l-“Għasafar” u l-“Ħabitat”. Dawn iż-żewġ Direttivi huma l-kolonna vertebrali tal-politika tal-UE dwar il-bijodiversità. Sa issa, huma ppermettew suċċessi sbieħ, bħall-ħolqien ta’ Natura 2000, l-ikbar netwerk mondjali ta’ żoni protetti li jkopri iktar minn 750 000 km2. Madankollu, il-progress m’huwiex biżżejjed sabiex jintlaħaq stat ta’ konservazzjoni ta’ importanza Ewropea favur il-ħabitat u l-ispeċi. Sabiex jintlaħaq l-ewwel għan ta’ din l-istrateġija, l-Istati Membri għandhom japplikaw aħjar il-leġiżlazzjoni eżistenti. B’mod partikolari għandhom jiżguraw li jmexxu u jintegraw mill-ġdid is-siti ta' Natura 2000 billi jinvestu fihom ir-riżorsi neċessarji. Dawn l-azzjonijiet jikkontribwixxu biex iwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u jippermettu l-irkupru tagħha minn issa sal-2020.

Objettiv 2: tippreżerva u ttejjeb l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom

L-integrazzjoni ta’ infrastruttura ambjentali, l-irkupru ta’ mill-inqas 15 % ta’ ekosistemi deterjorati sal-2020 u l-iżvilupp ta’ inizjattiva sabiex tiġi evitata kull telfa netta għall-ekosistemi u s-servizzi tagħhom minn issa sal-2015 sejrin ikunu miżuri essenzjali biex jippreżervaw u jtejbu s-servizzi tal-ekosistemi (pereżempju d-dakkir tal-kulturi min-naħal).

Objettiv 3: l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-agrikoltura u tal-forestrija

L-istrumenti skont il-PAK għandhom jikkontribwixxu sabiex jestendu ż-żoni użati fil-mergħat, f’art li tista' tinħarat, fl-għelejjel permanenti koperti minn miżuri ta’ bijodiversità minn issa sal-2020.

Il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti jew l-istrumenti ekwivalenti sejrin jiġu implimentati għall-foresti pubbliċi u għas-setturi tal-foresti li jaqbżu ċertu erja minn issa sal-2020. Iridu jiggarantixxu amministrazzjoni tal-foresti għal tul ta’ żmien sabiex jibbenefikaw minn finanzjament bħala parti mill-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE.

Il-miżuri adottati sabiex jiżguraw mod ta’ amministrazzjoni fit-tul f’dawn iż-żewġ setturi għandhom jikkontribwixu wkoll għar-realizzazzjoni tal-objettivi 1 u 2 tal-istrateġija.

Objettiv 4: garanzija tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd

Il-miżuri adottati fi ħdan il-qafas tar-riforma tal-politika komuni dwar is-sajd għandhom jippermettu li jintlaħaq rendiment massimu sostenibbli minn issa sal-2015. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li ssir analiżi tal-popolazzjoni skont l-età u d-daqs u li din tindika stat tajjeb tal-istokk. Grazzi għal ġestjoni tas-sajd mingħajr effetti negattivi sinfikanti fuq stokks, speċi u ekosistemi oħrajn, sejjer ikun possibbli li jintlaħaq stat ekoloġiku tajjeb minn issa sal-2020, b'mod konformi mad-Direttiva Kwadru “Strateġija Marina”.

Objettiv 5: il-ġlieda kontra l-ispeċi aljeni invażivi

Bl-eċċezzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-użu għal għanijiet ta' akkwakultura ta' speċi eżotiċi jew mhux tal-post, ma teżistix politika globali stabbilita mill-UE għall-ġlieda kontra l-ispeċi aljeni invażivi. Għaldaqstant, dawn l-ispeċi jikkostitwixxu theddida serja għall-bijodiversità Ewropea. Għaldaqstant, jeħtieġ li dawn jiġu identifikati, iżolati jew meqrudin, u li l-introduzzjoni tagħhom tiġi kkontrollata sabiex tiġi evitata l-feġġa ta' speċi ġodda. Sabiex isir dan, il-Kummissjoni sejra timla l-vojt politiku fil-ġlieda kontra speċi aljeni invażivi permezz ta' strument leġiżlattiv ad hoc.

Objettiv 6: ġestjoni tal-kriżi tal-bijodiversità fuq livell dinji

L-UE teħtieġ li tintensifika l-kontribut tagħha fil-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità fuq livell dinji billi żżomm mal-impenji li ttieħdu fl-10 konferenza tal-partijiet (CdP10) fil-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-diversità bioloġika, li saret f'Nagoya fl-2010. Matul din il-konferenza, l-UE impenjat ruħha li:

  • tilħaq l-għanijiet stabbiliti mill-pjan strateġiku dinji għall-bijodiversità 2011-2020;
  • timplimenta l-protokoll ta' Nagoya fuq l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-kondiviżjoni ġusta u ugwali tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-użu tagħhom (protokoll APA); u
  • timmobilizza riżorsi ta' finanzjament supplimentari għall-isfida tal-protezzjoni tal-bijodiversità fuq livell dinji.

Kuntest

L-istrateġija twieġeb għal żewġ impenji maġġuri li ttieħdu mill-mexxejja tal-UE f'Marzu 2010, il-waqfien tat-telf tal-bijodiversità fi ħdan l-UE minn issa sal-2020 u li tiġi protetta, evalwata u ristabbilita l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi fi ħdan l-UE minn issa sal-2050.

L-aħħar aġġornament: 09.12.2011

Ara wkoll

  • Nazzjonijiet Uniti, Konvenzjoni dwar il-biodiversità (EN) (FR)
  • Sistema Ewropea ta' informazzjoni dwar il-bijodiversità (EN)
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna