EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 93/626/KEE dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bioloġika

Il-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-KONVENZJONI?

Id-Deċiżjoni 93/626/KEE timmarka l-approvazzjoni mill-Komunità Ewropea (illum l-UE) għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika iffirmata ġewwa Rio de Janeiro f’Ġunju 1992. Id-deċiżjoni tikkonferma l-impenn tal-pajjiżi tal-UE li jimplimentaw l-artikoli tal-konvenzjoni.

Il-konvenzjoni għandha tliet għanijiet:

  • il-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika (jiġifieri l-varjetà tal-ħlejjaq ħajjin li jinstabu fid-Dinja);
  • l-użu sostenibbli tal-komponenti tad-diversità bijoloġika;
  • il-kondiviżjoni ġusta u ekwitabbli tal-benefiċċji mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi.

Id-diversità bijoloġika għandha benefiċċji ekoloġiċi, ġenetiċi, soċjali, ekonomiċi, xjentifiċi, edukattivi, kulturali, ta’ divertiment u estetiċi ewlenin.

PUNTI EWLENIN

Il-konvenzjoni tistipula li kull gvern firmatarju ser:

  • jikkoopera mal-gvernijiet imsieħba u l-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex ikunu żgurati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika;
  • jiżviluppa strateġiji xierqa u jintegra l-protezzjoni tal-bijodiversità fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fil-pjanijiet trasversali, fil-programmi u l-politiki nazzjonali;
  • jidentifika u jwettaq monitoraġġ tal-bijodiversità u l-fatturi li jinfluwenzawha;
  • jikkonserva l-bijodiversità billi:
    • jistabbilixxi u jġestixxi kif xieraq iż-żoni protetti u jipproteġi l-ekosistemi u l-ħabitats naturali;
    • jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u ambjentalment b’saħħtu f’żoni maġenb protetti;
    • jirrestawra l-ekosistemi degradati u jgħin fl-irkupru ta’ speċi mhedda;
    • jirregola, jiġġestixxi jew jikkontrolla r-riskji assoċjati mal-użu u r-rilaxx ta’ organiżmi ħajjin immodifikati mill-bijoteknoloġija (jiġifieri organiżmi ġenetikament modifikati);
    • jipprevjeni l-introduzzjoni, il-kontroll jew l-eradikazzjoni ta’ speċi aljeni invażivi;
    • jipproteġi u jinkoraġġixxi l-użu tradizzjonali ta’ riżorsi bijoloġiċi;
    • jadotta miżuri ta’ konservazzjoni komplementari.

Il-konvenzjoni tistipula wkoll li l-firmatarji għandhom:

  • jintegraw il-kunsiderazzjonijiet b’rabta mal-bijodiversità fit-teħid tad-deċiżjonijiet nazzjonali;
  • jevitaw jew inaqqsu l-impatt avvers mill-użu ta’ riżorsi bijoloġiċi (pereżempju, permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali);
  • jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni fuq il-konservazzjoni tal-bijodiversità bejn l-awtoritajiet u s-settur privat u jimplimentaw inċentivi;
  • jgħinu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jidentifikaw, jikkonservaw u jagħmlu użu sostenibbli mid-diversità bijoloġika tagħhom billi jipprovdu riċerka, edukazzjoni teknika u xjentifika u taħriġ xieraq;
  • jippromwovu sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku ġenerali dwar l-importanza tad-diversità bijoloġika;
  • jivvalutaw l-impatt li jista’ jkollhom id-deċiżjonijiet fuq il-bijodiversità jew fuq il-ġirien tagħhom.

Il-gvernijiet nazzjonali ser jiffaċilitaw l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi tagħhom għal tipi ta’ użu li jirrispettaw l-ambjent fuq termini maqbula b’mod reċiproku, u soġġetti għal kunsens infurmat minn qabel.

Il-partijiet għandhom jiggarantixxu kondiviżjoni ġusta tal-benefiċċji monetarji u mhux monetarji mill-użu (riċerka u żvilupp) ta’ dawk ir-riżorsi ġenetiċi.

Il-gvernijiet nazzjonali jaqblu li:

  • jikkondividu t-teknoloġija, b’mod partikolari mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
  • jiskambjaw l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika;
  • jippromwovu l-kooperazzjoni xjentifika u internazzjonali;
  • jikkondividu r-riżultati u l-benefiċċji tal-bijoteknoloġiji mir-riżorsi ġenetiċi.

Il-Fond għall-Ambjent Dinji jipprovdi riżorsi finanzjarji lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jimplimentaw il-konvenzjoni. Il-baġit ewlieni tiegħu jiġi mill-gvernijiet nazzjonali b’kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali sinifikanti.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Diċembru 1993.

SFOND

Kien hemm qbil dwar żewġ protokolli taħt il-konvenzjoni. Il-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà jirregola l-movimenti tal-organiżmi ħajjin immodifikati mill-bijoteknoloġija moderna minn pajjiż għal ieħor. It-tieni huwa l-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji. L-UE hija parti għat-tnejn li huma.

F’Ottubru 2010 f’Nagoya, il-Ġappun, il-partijiet għall-konvenzjoni qablu fuq pjan strateġiku ta’ 10 snin sabiex jiġġieldu t-telf tal-bijodiversità u ddefinixxew 20 mira, magħrufin bħala l-miri ta’ Aichi, bil-għan li jintlaħaq dan l-objettiv. Dawn l-impenji huma riflessi fl-istrateġija tal-bijodiversità tal-UE sal-2020.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (ĠU L 309, 13.12.1993, pp. 1-2)

Il-Konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika (ĠU L 309, 13.12.1993, p. 3-20)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-bijosigurtà lill-konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika(ĠU L 201, 31.7.2002, p. 50-65)

Il-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu tal-Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 234-249)

Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, pp. 35-55)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 10.07.2020

Top