EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċje migratorji tal-annimali selvaġġi — il-Konvenzjoni ta’ Bonn

 

SOMMARJU TA’:

Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċje migratorji tal-annimali selvaġġi

Id-Deċiżjoni 82/461/KEE – konklużjoni tal-konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċje migratorji tal-annimali selvaġġi

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAD-DEĊIŻJONI?

  • L-għan tal-Konvenzjoni ta’ Bonn huwa l-konservazzjoni tal-ispeċje migratorji* ta’ annimali selvaġġi madwar id-dinja. L-annimali selvaġġi jeħtieġu attenzjoni speċjali minħabba l-importanza tagħhom mil-lat ambjentali, ekoloġiku, ġenetiku, xjentifiku, rikreattiv, kulturali, edukattiv, soċjali u ekonomiku. Il-konservazzjoni tal-ispeċje migratorji teħtieġ b’mod partikolari l-kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi żgurata l-protezzjoni fil-medda* sħiħa tagħhom.
  • Id-deċiżjoni tikkonkludi l-konvenzjoni f’isem il-KEE (issa l-UE).

PUNTI EWLENIN

  • Il-Partijiet għall-konvenzjoni jirrikonoxxu l-importanza tal-konservazzjoni tal-ispeċje migratorji, u l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali lill-ispeċje li l-istatus ta’ konservazzjoni tagħhom* ma tkunx favorevoli.
  • Biex jiġi evitat li kwalunkwe speċje migratorja tiġi fil-periklu*, il-partijiet għandu jkollhom l-għan li:
    • jippromwovu, jikkooperaw fi jew jappoġġjaw ir-riċerka relatata mal-ispeċje migratorji; u
    • jikkonkludu ftehimiet li jkopru l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-ispeċje migratorji elenkati fl-Appendiċi II.
  • Biex jipproteġu l-ispeċje migratorji fil-periklu, il-partijiet tal-konvenzjoni se jkollhom l-għan li:
    • jipprovdu protezzjoni immedjata għall-ispeċje migratorji inklużi fl-Appendiċi I;
    • jikkonservaw jew jirrestawraw il-ħabitats tal-ispeċje fil-periklu;
    • jipprevjenu, ineħħu, jikkumpensaw għal jew jimminimizzaw l-effetti negattivi ta’ attivitajiet jew ostakli li jimpedixxu l-migrazzjoni tal-ispeċje; u
    • jipprevjenu, inaqqsu jew jikkontrollaw il-fatturi li huma ta’ periklu jew li x’aktarx jipperikolaw aktar l-ispeċje, safejn ikun fattibbli u xieraq.
  • Il-pajjiżi ta’ medda ta’ speċje migratorji għandhom jipprojbixxu t-teħid ta’ annimali li jappartjenu għall-ispeċje elenkati fl-Appendiċi I, b’ċerti eċċezzjonijiet, bħal teħid għal skopijiet xjentifiċi, jew biex itejbu t-trobbija jew is-sopravivenza tal-ispeċje. Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu preċiżi fir-rigward tal-kontenut u limitati fil-post u fiż-żmien, u ma għandhomx joperaw bi żvantaġġ għall-ispeċje.
  • Il- konservazzjoni u l-immaniġġjar tal-ispeċje elenkati fl-Appendiċi II jistgħu jeħtieġu ftehimiet internazzjonali.
  • Linji gwida għall-ftehimiet:
    • jirrestawraw jew iżommu l-ispeċje migratorji kkonċernati;
    • ikopru l-medda kollha tal-ispeċje migratorji kkonċernati;
    • ikunu miftuħa għall-adeżjoni mill-pajjiżi kollha ta’ medda, kemm jekk huma partijiet għall-Konvenzjoni kif ukoll jekk le;
    • fejn ikun fattibbli, jikkonċernaw diversi speċje.
  • Kull ftehim għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:
    • l-isem tal-ispeċje migratorja kkonċernata;
    • il-medda u r-rotta migratorja tagħha;
    • miżuri għall-implimentazzjoni tal-ftehim;
    • proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim;
    • ħatra tal-awtorità kkonċernata bl-implimentazzjoni tal-ftehim.
  • Il-ftehimiet jistgħu jipprovdu wkoll għal:
    • riċerka dwar l-ispeċje;
    • l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-ispeċje migratorji;
    • ir-restawr jew il-manutenzjoni ta’ network ta’ ħabitats xierqa għall-konservazzjoni tal-ispeċje;
    • reviżjoni perjodika tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċje;
    • proċeduri ta’ emerġenza li permezz tagħhom l-azzjoni ta’ konservazzjoni tissaħħaħ malajr.
  • Tip differenti ta’ ftehimiet huma dawk taħt l-Artikolu IV(4) tal-Konvenzjoni. Dawn mhumiex ristretti għall-ispeċje elenkati fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, u jistgħu jiġu konklużi għal kwalunkwe popolazzjoni jew kwalunkwe parti ġeografikament separata tal-popolazzjoni ta’ kwalunkwe speċje jew grupp tassonomiku aktar baxx ta’ annimali selvaġġi, li l-membri tagħhom perjodikament jaqsmu konfini ġurisdizzjonali nazzjonali waħda jew aktar.
  • Il-Konferenza tal-Partijiet hija l-korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-konvenzjoni. Dan jirrevedi l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni u jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet.
  • Il-konvenzjoni, u l-Appendiċi I u II tagħha, jistgħu jiġu emendati.
  • Kull tilwima bejn il-partijiet għall-konvenzjoni għandha tiġi solvuta permezz ta’ negozjati bejn il-partijiet involuti. Jekk it-tilwima ma tkunx tista’ tiġi solvuta permezz ta’ negozjati, tista’ tiġi sottomessa għall-arbitraġġ, b’mod partikolari dak tal-Qorti Permanenti ta’ Arbitraġġ f’The Hague, li d-deċiżjoni tagħha tkun torbot lill-partijiet.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-Konvenzjoni ta’ Bonn ġiet iffirmata fl-1979 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1983.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

  • Il-bijodiversità globali (il-Kummissjoni Ewropea)
  • CMS (Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni ta’ Speċje Migratorji ta’ Annimali Selvaġġi).

TERMINI EWLENIN

L-ispeċje migratorji: il-popolazzjoni sħiħa jew kwalunkwe parti ġeografikament separata tal-popolazzjoni ta’ kwalunkwe speċje jew grupp tassonomiku aktar baxx ta’ annimali selvaġġi proporzjon sinifikanti tal-membri tagħhom b’mod ċikliku u b’mod prevedibbli jaqsmu konfini ġurisdizzjonali nazzjonali waħda jew aktar.
Medda: żoni ta’ art jew ilma li speċje migratorja tgħix fihom, taqsam jew taqbeż ir-rotta ta’ migrazzjoni tagħha.
Status ta’ konservazzjoni ta’ speċje migratorji: is-somma tal-influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċje migratorja li jistgħu jaffettwaw id-distribuzzjoni u l-abbundanza fit-tul tagħha.
Fil-periklu: l-ispeċje migratorji jinsabu fil-periklu tal-estinzjoni fit-territorju kollu jew f’parti minnu ta’ pajjiż.

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċje migratorji tal-annimali selvaġġi (ĠU L 210, 19.7.1982, pp. 11-22)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċje migratorji tal-annimali selvaġġi (ĠU L 210, 19.7.1982, p. 10)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/871/KE tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (ĠU L 345, 8.12.2006, pp. 24-25)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/145/KE tat-12 ta’ Frar 1998 fuq l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-emendi għall-Appendiċi I u II għall-Konvenzjoni ta’ Bonn fuq il-konservazzjoni ta’ speċi migratorji ta’ Annimali Selvaġġi kif deċiż mill-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (ĠU L 46, 17.2.1998, pp. 6-7)

l-aħħar aġġornament 12.05.2020

Top