EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Inċidenti maġġuri li jinvolvu sustanzi kimiċi perikolużi

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li tikkontrolla perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi, speċjalment sustanzi kimiċi.

Din id-Direttiva, ’l hekk imsejħa Seveso-III, emendat is-Seveso-II preċedenti (id-Direttiva 96/82/KE), li, wara l-lezzjonijiet mitgħallma minn inċidenti aktar tard bħal Bhopal, Toulouse jew Enschede, kienet emendat id Direttiva Seveso oriġinali (Id-Direttiva 82/501/KEE), wara li l-inċident katastrofiku fir-raħal Taljan ta’ Seveso fl-1976 ta bidu għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ inċidenti bħal dawn.

PUNTI EWLENIN

Din il-leġiżlazzjoni nbidlet sabiex tagħti lill-pubbliku drittijiet aktar b’saħħithom. Din tagħtihom aċċess aħjar għal informazzjoni dwar ir-riskji li jistgħu jseħħu minn installazzjonijiet industrijali fil-qrib u kif wieħed għandu jirreaġixxi f’każ ta’ inċident.

Din l-informazzjoni, li tispjega kif ser jinstemgħu t-twissijiet u kif il-pubbliku għandu jaġixxi, għandha tkun disponibbli online.

X’inbidel?

Il-liġi issa tkopri 12,000 sit industrijali madwar l-UE fejn jintużaw jew jinħażnu sustanzi kimiċi jew petrokimiċi, jew fejn isir l-irfinar tal-metall.

Kull pajjiż tal-UE għandu jiżgura li jkun hemm miżuri fis-seħħ biex jindirizzaw l-inċidenti f’żoni madwar installazzjonijiet industrijali li jospitaw kwantitajiet kbar ta’ prodotti perikolużi:

Kumpaniji li jimmaniġġjaw dawn is-sustanzi ’l fuq minn ċerti limiti għandhom:

  • jinfurmaw regolarment lin-nies li jistgħu jiġu affettwati minn inċident
  • jipprovdu rapporti ta’ sigurtà
  • jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà
  • ipoġġu fis-seħħ pjan ta’ emerġenza intern.

Il-liġi l-ġdida sejra wkoll:

  • tagħmel aktar stretti l-proċeduri għal konsultazzjoni pubblika dwar il-proġetti, pjanijiet u programmi li jinvolvu l-impjanti koperti mil-leġiżlazzjoni.
  • tiżgura, permezz ta tibdil fil-liġijiet tal-ippjanar tal-użu tal-art, li impjanti ġodda jitpoġġew distanza sigura ’l bogħod minn dawk eżistenti.
  • tippermetti lin-nies biex imorru l-qorti jekk iqisu li ma ġewx infurmati jew involuti kif suppost.
  • tintroduċi standards ta’ spezzjoni aktar stretti għad-diversi installazzjonijiet, sabiex tiżgura li r-regoli tas-sigurtà qed jiġu implimentati b’mod effettiv.

Għaliex l-aġġornament?

L-aħħar leġiżlazzjoni tikkunsidra ċertu tibdil tekniku Ewropew u internazzjonali fil-mod kif jiġu kklassifikati s-sustanzi kimiċi.

Sfond

Meta wieħed iqis ir-rata għolja ħafna ta’ industrijalizzazzjoni fl-UE, id-Direttiva Seveso kkontribwixxiet sabiex tinkiseb frekwenza baxxa ta’ inċidenti maġġuri. Id-Direttiva titqies ħafna bħala punt ta’ riferiment għall-politika dwar l-inċidenti industrijali u kienet bħala mudell għal-leġiżlazzjoni f’bosta pajjiżi madwar id-dinja.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara:

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mit-13 ta’ Awwissu 2012. Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw ir-regoli ġodda mill-1 ta’ Ġunju 2015.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, 24.7.2012, pp. 1–37)

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi fl-Istati Membri għall-perjodu 2012-2014 (COM(2017) 665 final tas-16 ta’ Novembru 2017)

l-aħħar aġġornament 04.06.2018

Top