EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Statistika dwar it-turiżmu

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) Nru 692/2011 – L-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu

X’INHU L-GĦAN TA' DAN IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) u metodi għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għat-tixrid ta’ statistika Ewropea dwar it-turiżmu. Huwa relatat mill-qrib mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-istatistika Ewropea.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE huma mitluba jiġbru, ifasslu, jipproċessaw u jittrasmettu statistika armonizzata dwar il-provvista u d-domanda fit-turiżmu.

Dejta li għandha tinġabar

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiġbru dejta dwar it-turiżmu intern (jiġifieri dak domestiku u ’l ġewwa) f’termini tal-kapaċità tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni għat-turisti (jiġifieri li jipprovdu servizzi ta’ akkomodazzjoni għal żjara qasira bħala servizz bi ħlas). L-informazzjoni miġbura tinkludi n-numri ta’:
    • stabbilimenti;
    • sodod;
    • kmamar.
  • Uħud minn dawn il-varjabbli jinġabru kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell sub-nazzjonali jew reġjonali (Nomenklatura ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika – NUTS – livell 2) u japplikaw għal::
    • it-tip ta’ akkomodazzjoni (lukandi, akkomodazzjoni għat-turisti, siti tal-kampeġġ);
    • it-tip ta’ lokalità (żoni b’popolazzjoni densa, żoni b’popolazzjoni intermedja jew skarsa, żoni kostali jew mhux kostali)
    • id-daqs (stabbilimenti żgħar, ta’ daqs medju jew kbar);
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiġbru wkoll dejta dwar l-istabbilimenti li għandhom kmamar tas-sodda aċċessibbli għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, inklużi dawk li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti.
  • Tinġabar ukoll informazzjoni dwar l-okkupanza tal-istabbilimenti, bħan-numru ta’ ljieli fil-lukanda u l-wasliet ta’ residenti u non-residenti, kif ukoll ir-rati ta’ okkupanza tal-kmamar tas-sodod u l-postijiet tas-sodod. Bħal fil-każ tal-istatistika dwar il-kapaċità, uħud minn dawn il-varjabbli jinġabru wkoll fil-livell 2 ta’ NUTS reġjonali.
  • Il-pajjiżi tal-UE jiġbru dejta dwar it-turiżmu nazzjonali (turiżmu domestiku u ’l barra). Din id-dejta tikkonċerna d-domanda għall-parteċipazzjoni fit-turiżmu u l-karatteristiċi tal-vjaġġi. Din id-dejta hija bbażata fuq varjabbli li jinkludu t-tul u d-destinazzjoni tal-vjaġġi għal skopijiet personali, u varjabbli soċjo-demografiċi bħall-grupp tal-etajiet, il-livell ta’ edukazzjoni (fakultattiv), is-sitwazzjoni tax-xogħol (fakultattiv), eċċ.
  • Barra minn hekk, kull 3 snin, il-pajjiżi tal-UE jikkompilaw dejta li tippreżenta r-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fit-turiżmu għal skopijiet personali (raġunijiet finanzjarji, nuqqas ta’ ħin, raġunijiet ta’ saħħa, eċċ.).
  • Fl-aħħar nett, il-pajjiżi tal-UE jiġbru dejta dwar id-domanda tat-turiżmu għal żjarat fl-istess jum fil-pajjiż innifsu jew barra minnu. Din id-dejta hija bbażata fuq varjabbli relatati ma’:
    • in-numru ta’ żjarat fl-istess jum (għal raġunijiet personali jew professjonali);
    • nefqa;
    • il-pajjiż tad-destinazzjoni (għal żjarat barra l-pajjiż);
    • varjabbli soċjodemografiċi.
  • Darba fis-sena, il-pajjiżi tal-UE jibagħtu rapport lill-Eurostat dwar il-kwalità tad-dejta miġbura. L-Eurostat imbagħad joħloq u jaġġorna l-manwal metodoloġiku tiegħu, li jinkludi linji gwida dwar l-istatistika prodotta.

Sorsi ta' dejta

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jipproduċu d-dejta statistika neċessarja billi jużaw kombinazzjoni tas-sorsi differenti li ġejjin: stħarriġ, sorsi xierqa oħrajn (inkluża dejta amministrattiva), proċeduri xierqa ta’ stima statistika.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa ilu japplika mill-11 ta’ Awwissu 2011.

SFOND

It-turiżmu huwa settur ewlieni tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea (UE). L-istatistika dwar it-turiżmu tinġabar biex tassisti lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lil dawk li jaħdmu jew joperaw f'dan is-settur.

Għal aktar tagħrif, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 95/57/KE (ĠU L 192, 22.7.2011, p. 17-32)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 692/2011 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta' valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164-173)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu (COM(2016) 489 final, 29.7.2016)

l-aħħar aġġornament 07.11.2016

Top