RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

Politika industrijali integrata għall-era ta’ globalizzazzjoni

L-industrija hija fil-qalba tal-mudell ta’ tkabbir il-ġdid għall-ekonomija tal-UE kif ġie stipulat fl-Istrateġija Ewropa 2020. Għaldaqstant, din il-komunikazzjoni tipproponi approċċ ġdid għall-politika industrijali li sejjer isaħħaħ il-kompetittività tal-UE, jipprovdi tkabbir u impjiegi, u jippermetti li ssir it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

ATT

Komunikazzjoni tat-28 ta’ Novembru 2010 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali (COM (2010) 614 finali – Mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Din il-komunikazzjoni tipproponi approċċ ġdid għall-politika industrijali, billi tqiegħed fil-qalba l-kompetittività u s-sostenibilità tal-industrija tal-Unjoni Ewropea (UE). Għal dan il-għan, huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-politika industrijali fis-sens usa’ tagħha, inklużi dawk il-politiki li jħallu impatt fuq l-ispejjeż, il-prezz u l-kompetittività innovattiva tal-industrija u s-setturi individwali, iżda anki billi jiġu kkunsidrati l-effetti tal-kompetittività tal-inizjattivi politiċi kollha l-oħrajn li jista’ jkollhom influwenza importanti fuq l-ispejjeż, il-prezz u l-kompetittività innovattiva. Dan ma jinkludix biss il-politiki tas-suq uniku u tal-kummerċ, iżda anki l-politiki tat-trasport, tal-enerġija, tal-ambjent jew tal-protezzjoni soċjali u tal-konsumaturi.

L-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni lejn il-politika industrijali huwa kkaratterizzat minn dan li ġej:

  • jibqa’ jiġi applikat approċċ imfassal b’mod speċifiku għas-setturi kollha u, fl-istess ħin, jiġu kkoordinati r-risponsi politiċi Ewropej hekk kif gradwalment qed jgħib il-kunċett ta’ setturi nazzjonali fil-kuntest tal-globalizzazzjoni;
  • jiġu kkunsidrati kemm il-valur sħiħ kif ukoll il-katina tal-provvista, mill-aċċess għall-enerġija u l-materja prima għas-servizz ta’ wara l-bejgħ u r-riċiklaġġ tal-materjali. Hekk kif ċerti partijiet ta’ din il-katina jaqgħu barra mill-UE, l-industriji kollha jrid ikollhom ‘rifless ta’ globalizzazzjoni’;
  • rapportar regolari mill-Kummissjoni dwar il-kompetittività u l-politiki u l-prestazzjoni industrijali tal-UE u tal-pajjiżi tal-UE.

Il-politiki tal-UE jridu jaħdmu kollha flimkien fl-istess direzzjoni sabiex jipprovdu l-aħjar kundizzjonijiet ta' qafas għall-industrija fl-Ewropa. Għaldaqstant, fi ħdan il-qafas tal-proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni żviluppat verifika tal-kompetittività, jiġifieri, kunsiderazzjoni speċjali tal-kompetittività industrijali li għandha tiġi applikata fl-oqsma politiċi kollha. B’mod parallel, huma proposti verifiki speċifiċi tal-rendiment sabiex jiġi żgurat li l-effett kumulattiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti ma jkunx ta’ piż għall-industrjia.

L-innovazzjoni hija xprun ewlieni għall-produttività, l-effiċjenza miżjuda fl-użu tal-enerġija u tal-materjali, il-prestazzjoni mtejba tal-prodotti u s-servizzi u l-ġenerazzjoni ta’ swieq ġodda. Politika tal-innovazzjoni industrijali ġdida sejra tkun qed tħeġġeġ l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni mħeffa tal-prodotti u s-servizzi, u tiżgura li d-ditti tal-UE jkunu minn ta’ quddiem fis-suq globali, u b’hekk tiżdied il-kompetittività tagħhom. Teknoloġiji implimentattivi ewlenin jistgħu jipprovdu l-pedament għal firxa ta’ proċessi u prodotti u servizzi ġodda, inkluż l-iżvilupp ta’ industriji ġodda fil-ġejjieni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu promossi ulterjorment l-iskjerament u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ.

Il-modernizzazzjoni tal-bażi tal-ħiliet tal-Ewropa sejra tappoġġja l-bażi industrijali tal-Ewropa billi ttejjeb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol tal-UE u tiżgura li l-forza tax-xogħol tal-UE jkollha l-ħiliet xierqa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni sejra tħeġġeġ l-iffurmar ta’ netwerking tal-parteċipanti relevanti sabiex jaqsmu t-tagħrif u l-aħjar prattiki bejn il-pajjiżi tal-UE u jipproponu prinċipji ta’ gwida dwar il-kundizzjonijiet qafas għall-ħolqien tal-impjiegi.

Sabiex jinkisbu l-aqwa benefiċċji tal-globalizzazzjoni, il-Kummissjoni sejra tiżviluppa inizjattivi regolatorji internazzjonali bil-għan li tiżviluppa regoli u standards kompatibbli fuq livell globali u sejra tipprova tikseb integrazzjoni ekonomika aktar mill-qrib mal-pajjiżi ġirien tal-UE billi testendi l-benefiċċji tas-suq uniku Ewropew f’oqsma magħżula permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Din il-komunikazzjoni tagħraf anki l-isfidi li l-SMEs iħabbtu wiċċhom magħhom meta jsiru internazzjonali; fi tmiem l-2011, ġiet imnedija strateġija għall-internalizzazzjoni tal-SMEs. Il-forniment tat-tagħrif xieraq u appoġġ supplementari lill-SMEs fis-swieq barra l-UE huwa fost il-prijoritajiet ewlenin.

Din il-komunikazzjoni tirrikonoxxi li l-industrija tal-UE trid tħaffef it-tranżizzjoni tagħha għal ekonomija b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija, li tista’ twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż u impatt iżgħar fuq l-ambjent. Fl-20 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi li jipprovdi qafas sabiex tinkiseb il-firda ambizzjuża tal-użu tal-karbonju u tar-riżorsi mit-tkabbir ekonomiku. B’konformità mal-pjan direzzjonali tal-UE għal ekonomija b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju sal-2050, il-Kummissjoni sejra tiżviluppa strateġiji u politiki industrijali u settorjali fit-tul meħtieġa sabiex jassistu t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija.

Il-komunikazzjoni teħtieġ governanza aktar effettiva tal-politika industrijali b’koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar bejn il-pajjiżi tal-UE. Il-Komunikazzjoni tal-2011 “Industrial Policy: Reinforce Competitiveness” tal-14 ta’ Ottubru 2011 issegwi dan l-aspett tal-politika.

L-aħħar aġġornament: 30.11.2011
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna