EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Għotjiet ta’ kuntratti u konċessjonijiet pubbliċi — is-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 92/13/KEE li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jiżguraw li deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet fis-settur tal-utilitajiet, kif ukoll deċiżjonijiet preliminari ta’ proċedura f’dak il-kuntest, ikunu jistgħu jiġu riveduti malajr u b’mod effettiv għar-raġuni li dawk id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-UE dwar il-kuntratti pubbliċi.

PUNTI EWLENIN

  • Id-Direttiva 92/13/KEE tapplika għall-kuntratti u konċessjonijiet pubbliċi fis-settur tal-utilitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli sostantivi relevanti (Id-Direttiva 2014/23/UE — ara s-sommarju — u d-Direttiva 2014/25/UE — ara s-sommarju — din tal-aħħar tissostitwixxi d-Direttiva 2004/17/KE mit-18 ta’ April 2016).
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli għall-inqas għal kull persuna li għandha, jew kellha, interess li tikseb kuntratt partikolari u li kienet, jew tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.
  • Id-Direttiva 92/13/KEE tippermetti li jitressqu azzjonijiet kemm qabel jiġi ffirmat il-kuntratt (rimedji ta’ qabel il-kuntratt) kif ukoll wara (rimedji ta’ wara l-kuntratt).
    • Ir-rimedji ta’ qabel il-kuntratt huma maħsuba biex jikkoreġu l-ksur ta’ regoli tal-akkwist pubbliku meta ssir il-proċedura ta’ offerti u, fi kwalunkwe każ, qabel il-kuntratt isir effettiv. Dawn jinkludu d-dritt ta’ miżuri intermedjarji, perjodu obbligatorju ta’ sospensjoni u r-rekwiżit għas-sospensjoni tal-proċedura tal-akkwist waqt li l-appell ikun qed jiġi investigat biex ma jiġix permess l-għoti tal-kuntratt.
    • Ir-rimedji ta’ wara l-kuntratt għandhom l-għan li jiddikjaraw kuntratt eżistenti ineffettiv u/jew li jipprovdu kumpens (l-aktar danni) lill-partijiet affettwati wara li jkun ingħata l-kuntratt inkwistjoni.
  • d-Direttiva 92/13/KEE ġiet emendata kompletament mid-Direttiva 2007/66/KE. Id-Direttiva 2014/23/UE introduċiet emendi ulterjuri, prinċipalment biex iżżid il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/13/KEE fir-rigward tal-konċessjonijiet taħt id-Direttiva 2014/23/UE u biex taġġorna r-referenzi għar-regoli sostantivi kif stipulati fid-Direttiva 2014/25/UE.
  • Id-Direttiva 89/665/KEE (ara s-sommarju) hija ekwivalenti għad-Direttiva 92/13/KEE għas-settur pubbliku. Din ġiet emendata sewwa mid-Direttiva 2007/66/KE. Id-Direttiva 2014/23/UE introduċiet emendi ulterjuri għall-bżonnijiet tagħha stess u għal dawk tad-Direttiva 2014/24/UE (ara s-sommarju).

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mis-6 ta’ Marzu 1992 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Jannar 1993.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU L 76, 23.3.1992, pp. 14-20)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 92/13/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/23/UE 2014/23/UE tal-Parlament Eropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 1-64)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 65-242)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Eropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u posta u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 243-374)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 09.01.2020

Top