EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-Trattat u l-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom — konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter tal-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter tal-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali relatati

L-Att Finali tal-Konferenza Internazzjonali u Deċiżjoni mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fir-rigward tal-emenda tad-dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija — Dikjarazzjonijiet Konġunti — Anness I: Emenda għad-Dispożizzjonijiet Relatati mal-Kummerċ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija – Anness II: Deċiżjonijiet b’rabta mal-Adozzjoni tal-Emenda għad-Dispożizzjonijiet Relatati mal-Kummerċ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija

L-Att Finali tal-Konferenza tal-Karta Ewropea tal-Enerġija — Anness 1: It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija – Anness 2: Deċiżjonijiet fir-rigward tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAT-TRATTAT?

  • It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija huwa qafas multilaterali għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija mfassal biex jippromwovi s-sigurtà tal-enerġija permezz ta’ swieq tal-enerġija aktar miftuħa u kompetittivi, filwaqt li jirrispetta l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u s-sovranità fuq ir-riżorsi tal-enerġija, abbażi tal-prinċipji fil-Karta tal-Enerġija.
  • Id-deċiżjoni mill-Kunsill tal-UE u mill-Kummissjoni Ewropea tapprova t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija f’isem il-Komunitajiet Ewropej (UE) u l-Euratom.

PUNTI EWLENIN

Il-klawżoli ewlenin tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jirrigwardaw il-protezzjoni tal-investiment, il-kummerċ fil-materjali u l-prodotti tal-enerġija, is-soluzzjoni ta’ tranżitu u ta’ tilwim.

Kummerċ, investiment, negozju u protezzjonijiet

Id-dispożizzjonijiet tat-trattat jinkludu:

  • il-promozzjoni tal-aċċess għas-swieq internazzjonali f’termini kummerċjali, u b’mod ġenerali biex jiġi żviluppat suq miftuħ u kompetittiv, għall-materjali u l-prodotti tal-enerġija;
  • il-protezzjoni tal-investiment barrani, abbażi ta’ trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti mill-aqwa termini ta’ investiment nazzjonali, u kontra riskji mhux kummerċjali ewlenin;
  • il-ħidma biex jittaffew id-distorsjonijiet tas-suq u l-ostakli għall-kompetizzjoni fl-attività ekonomika fis-settur tal-enerġija;
  • l-iżgurar ta’ flussi affidabbli ta’ tranżitu tal-enerġija transfruntiera permezz ta’ pipelines, grilji u forom oħra ta’ trasport;
  • ir-rikonoxximent tal-importanza ta’ swieq kapitali miftuħa biex jiġi inkoraġġit il-fluss tal-kapital biex jiġu ffinanzjati l-kummerċ tal-materjali u l-prodotti tal-enerġija u l-investiment fl-attività ekonomika fis-settur tal-enerġija;
  • l-inkoraġġiment u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet stabbli, ġusti u trasparenti għall-investituri ta’ partijiet oħra biex jinvestu fil-qasam kopert mit-trattat.

Sovranità fuq ir-riżorsi tal-enerġija

It-trattat jirrikonoxxi d-drittijiet sovrani tal-pajjiżi fuq ir-riżorsi tal-enerġija u jafferma mill-ġdid li dawn għandhom jiġu eżerċitati skont il-liġi internazzjonali, mingħajr ma jaffettwaw l-objettiv ġenerali tal-promozzjoni tal-aċċess għar-riżorsi tal-enerġija, u l-esplorazzjoni u l-iżvilupp kummerċjali tagħhom.

Aspetti ambjentali

  • Il-partijiet għat-trattat jaqblu li jippromwovu l-effiċjenza fl-enerġija, u t-tentattivi biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-produzzjoni u l-użu tal-enerġija.
  • Fi prinċipju, min iniġġes għandu jħallas għall-ispejjeż tat-tniġġis, inkluż it-tniġġis transfruntier, mingħajr ma jxekkel l-investiment fiċ-ċiklu tal-enerġija jew fil-kummerċ internazzjonali.

Trasparenza

Il-partijiet għat-trattat għandhom jagħżlu mill-inqas punt wieħed fejn jistgħu jsiru talbiet għal informazzjoni dwar liġijiet, regolamenti, deċiżjonijiet legali u deċiżjonijiet amministrattivi ġenerali rigward materjali u prodotti tal-enerġija.

Soluzzjoni ta’ tilwim

It-trattat jinkludi dispożizzjonijiet għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn Stati parteċipanti permezz ta’ mezzi diplomatiċi u tribunali ad hoc, u — fil-każ ta’ investimenti — bejn l-investituri u l-Istati ospitanti. Jekk tilwima bejn l-investituri ma tkunx tista’ tiġi solvuta amikevolment fi żmien 3 xhur, l-investituri jistgħu jagħżlu li jippreżentawha għal riżoluzzjoni:

  • quddiem il-qrati jew it-tribunali amministrattivi;
  • skont kwalunkwe proċedura ta’ soluzzjoni ta’ tilwim li tkun ġiet maqbula minn qabel, jew
  • b’arbitraġġ jew konċiljazzjoni internazzjonali.

Il-firmatarji, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, il-protokolli u d-dikjarazzjonijiet

  • Il-firmatarji tat-trattat jinkludu pajjiżi tal-UE u organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika (bħall-UE) impenjati li josservaw il-prinċipji tagħha ta’ swieq tal-enerġija miftuħa u mhux diskriminatorji.
  • Il-partijiet jiltaqgħu perjodikament fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fejn kull waħda minnhom tkun intitolata għal rappreżentant wieħed. Il-laqgħat ordinarji jsiru f’intervalli stabbiliti mill-Konferenza tal-Karta. Din tista’ tawtorizza wkoll in-negozjar ta’ Protokolli jew ta’ Dikjarazzjonijiet tal-Karta tal-Enerġija li jsegwu l-objettivi u l-prinċipji tal-karta.

Eċċezzjonijiet

Il-partijiet ma għandhomx jagħmlu investimenti relatati mal-kummerċ inkonsistenti mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) li stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u xejn fit-trattat ma jeżenta lill-membri tad-WTO mill-ftehim.

It-trattat ma jipprekludi l-ebda firmatarju mill-miżuri:

  • meħtieġa għall-protezzjoni tal-ħajja jew tas-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali jew tal-pjanti;
  • essenzjali għall-kisba jew id-distribuzzjoni ta’ materjali u prodotti tal-enerġija fejn hemm provvista qasira li tirriżulta kawżi esterni;
  • imfassla biex ikunu ta’ benefiċċju għall-investituri li huma persuni indiġeni jew individwi jew gruppi soċjalment jew ekonomikament żvantaġġati.

Protokoll tal-Karta tal-Enerġija

Il-Protokoll ġie adottat f’konformità mat-trattat. L-objettivi tiegħu jinkludu:

  • il-promozzjoni ta’ politiki ta’ effiċjenza fl-enerġija kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli;
  • il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għall-produtturi u l-konsumaturi biex jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti, filwaqt li jirrispettaw l-ambjent;
  • l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija;
  • it-tfassil ta’ politiki ta’ effiċjenza fl-enerġija u oqfsa legali u regolatorji biex jiġu promossi mekkaniżmi effettivi tas-suq, inkluż l-ipprezzar immexxi mis-suq.

Karta Internazzjonali dwar l-Enerġija

Fl-2015 ġiet adottata u ffirmata Karta Internazzjonali dwar l-Enerġija ġdida minn aktar minn 65 pajjiż u organizzazzjoni, inklużi l-UE u l-pajjiżi kollha tal-UE. L-għan ta’ din il-karta l-ġdida huwa li jiġu involuti kemm jista’ jkun pajjiżi ġodda li huma lesti li jikkooperaw fil-qasam tal-enerġija u li jirrikonoxxu l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija għall-pajjiżi li jipproduċu, jgħaddu u jikkunsmaw l-enerġija. Il-karta l-ġdida tibni fuq il-Karta tal-Enerġija tal-1991 u timmodernizzaha.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1998, b’emendi dwar dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ, prinċipalment biex jissostitwixxi referenzi għall-GATT mad-WTO, li japplikaw mit-23 ta’ Lulju 1998.

SFOND

Ara wkoll:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tat-23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter tal-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter tal-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU L 69, 9.3.1998, pp. 1-116)

L-Att Finali tal-Konferenza Internazzjonali u d-Deċiżjoni mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fir-rigward tal-emenda għad-dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija - Dikjarazzjonijiet Konġunti - Anness I: Emenda għad-Dispożizzjonijiet Relatati mal-Kummerċ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija - Anness II: Deċiżjonijiet b’rabta mal-Adozzjoni tal-Emenda għad-Dispożizzjonijiet Relatati mal-Kummerċ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (ĠU L 252, 12.9.1998, pp. 23-46)

L-Att Finali tal-Konferenza tal-Karta Ewropea tal-Enerġija - Anness 1: It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija - Anness 2: Id-Deċiżjonijiet fir-rigward tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (ĠU L 380, 31.12.1994, pp. 24-88)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija — Ir-regoli li jirrigwardjaw il-kondotta tal-konċiljazzjoni f’tilwim dwar tranżitu (ĠU L 11, 16.1.1999, pp. 39-44)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/595/KE tat-13 ta’ Lulju 2001 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Emenda għad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (ĠU L 209, 2.8.2001, p. 32)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/37/KE tas-26 ta’ Novembru 1998 - dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità Ewropea dwar ir-regoli li jikkonċernaw il-ġestjoni tal-konċiljazzjoni ta’ kwistjonijiet fuq tranżitu li għandhom jiġu adottati mill-Konferenza dwar il-Karta tal-Enerġija (ĠU L 11, 16.1.1999, pp. 37-38)

l-aħħar aġġornament 25.05.2020

Top