RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Is-seba' programm qafas (2007-2013)

Ir-riċerka tifforma parti mit-“triangolu tal-għarfien” li għandu jsaħħaħ it-tkabbir u l-impjiegi tal-Unjoni Ewropea (UE) f'ekonomija globalizzata. Is-seba' programm qafas għar-riċerka, li jkopri l-perjodu 2007-2013, huwa okkażjoni għall-UE biex tpoġġi l-politika tagħha ta' riċerka fuq il-livell tal-ambizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħha billi tikkonsolida ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Sabiex tilħaq dan l-objettiv, il-Kummissjoni tixtieq iżżid il-baġit annwali tal-UE fil-qasam tar-riċerka sabiex b'hekk twassal għal aktar investiment nazzjonali u privat. Is-seba' programm qafas, li jinsab fi stadju ta' implimentazzjoni, għandu jirrispondi wkoll għall-ħtiġijiet, f'termini ta' riċerka u ta' għarfien, tal-industrija u b'mod aktar ġenerali tal-politiki Ewropej. Dan huwa artikolat madwar erba' programmi prinċipali u ġie ssimplifikat ħafna sabiex ikun aktar aċċessibbli għar-riċerkaturi u aktar effikaċi.

ATTI

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1982/2006/KE dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013).

Deċiżjoni tal-Kunsill 969/2006/KE tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta' taħriġ (2007-2011).

SINTEŻI

Is-7 programm qafas huwa adattat għall-bżonnijiet tal-UE f'termini ta' tkabbir u impjiegi. Wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa, erba' objettivi prinċipali ġew identifikati li jikkorrispondu għal erba' programmi speċifiċi li għandhom jistrutturaw l-isforz ta' riċerka Ewropea.

Erba' programmi speċifiċi prinċipali

Il-programm Kooperazzjoni għandu l-objettiv li jistimula l-kooperazzjoni u li jsaħħaħ ir-rabtiet bejn l-industrija u r-riċerka f'qafas transnazzjonali. L-objettiv huwa li tinbena u tiġi kkonsolidata leadership Ewropea fl-oqsma ewlenin tar-riċerka. Dan jinkludi 9 temi, li huma awtonomi fil-ġestjoni tagħhom iżda kumplimentari fl-implimentazzjoni tagħhom:

  • saħħa;
  • alimentazzjoni, agrikoltura u bijoteknoloġija;
  • teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;
  • nanoxjenzi, nanoteknoloġiji, materjali u teknoloġiji ġodda tal-produzzjoni;
  • enerġija;
  • ambjent (inkluż it-tibdil fl-ambjent);
  • trasport (inkluża l-aeronawtika);
  • xjenzi soċjo-ekonomiċi u umani;
  • sigurtà u spazju.

Il-programm Ideat għandu jservi biex isaħħaħ ir-riċerka esploratorja fl-Ewropa, jiġifieri l-iskoperta ta' għarfien ġdid li jbiddel fundamentalment il-viżjoni tagħna tad-dinja u l-mod kif ngħixu. Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew ġdid tar-riċerka ser jappoġġja proġetti ta' riċerka mill-aktar ambizzjużi u innovattivi. Għal din l-istruttura l-ġdida fil-quċċata tar-riċerka Ewropea, kunsill xjentifiku ġdid ser jiddefinixxi l-prijoritajiet u l-istrateġiji xjentifiċi b'mod awtonomu. L-għan huwa li jissaħħu l-eċċellenza u r-riċerka Ewropea waqt li jiġu promossi l-kompetizzjoni u t-teħid ta' riskji.

Il-programm Persuni jimmobilizza riżorsi finanzjarji importanti biex itejjeb il-perspettivi tal-karrieri ta' riċerkaturi fl-Ewropa u sabiex jiġu attirati aktar riċerkaturi żgħażagħ ta' kwalità. Il-Kummissjoni tixtieq tħeġġeġ it-taħriġ u l-mobilità sabiex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-persunal ta' riċerka fl-Ewropa. Dan il-programm iserraħ fuq is-suċċess tal-azzjonijiet Marie Curie li ilhom joffru għal bosta snin possibiltajiet ta' mobilità u taħriġ lir-riċerkaturi Ewropej.

Il-programm Kapaċitajiet għandu joffri lir-riċerkaturi strumenti effettivi biex ikunu jistgħu jsaħħu l-kwalità u l-kompetittività tar-riċerka Ewropea. Dan jikkonsisti l-ewwel nett f'investiment fl-infrastrutturi ta' riċerka fir-reġjuni bl-aktar livell baxx ta' prestazzjoni, fit-taħriġ ta' raggruppamenti reġjonali ffukati fuq ir-riċerka u fir-riċerka favur l-SMEs. Dan il-programm għandu jirrifletti wkoll l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-irwol tax-xjenza fis-soċjetà.

Barraminnhekk, is-7 programm qafas ser jiffinanzja l-azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) u l-azzjonijiet koperti mill-programm qafas tal-Euratom fl-oqsma ta':

  • ir-riċerka dwar l-enerġija tal-fużjoni;
  • il-fissjoni nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni.

Il-bidla fit-tul ta' żmien

Is-7 programm qafas iżomm għadd kbir ta' elementi minn programmi preċedenti li kellhom effett pożittiv fuq ir-riċerka Ewropea. Dawn huwa l-każi ta' proġetti mmexxija minn gruppi ta' msieħba Ewropej li jibqgħu fil-qalba tal-programm qafas. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tpoġġi l-programm qafas fi ħdan iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, li tgħaqqad l-attivitajiet kollha tal-UE f'dan il-qasam. L-estensjoni tal-programm minn erba' sa seba' snin tissimbolizza r-rieda ta' azzjoni fit-tul sabiex l-Ewropa ssir dinamika fil-qasam tar-riċerka.

Waqt li jżomm l-aħjar aspetti tal-programmi preċedenti, is-7 programm qafas tar-riċerka jdaħħal miżuri ġodda biex itejjeb il-koerenza u l-effettività tal-politika ta' riċerka tal-UE. L-innovazzjonijiet prinċipali li ddaħħlu minn dan il-programm qafas huma:

  • is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' parteċipazzjoni fil-programm;
  • l-implimentazzjoni tal-programm u tal-baġit tiegħu skont it-tema u mhux skont l-istrument, għal azzjoni aktar ikkoordinata u aktar effikaċi;
  • il-ħolqien ta' Kunsill Ewropew għar-riċerka fil-qafas tal-programm Ideat biex jappoġġja r-riċerka esploratorja;
  • il-kooperazzjonijiet imsaħħa mal-industrija permezz tal-“inizjattivi teknoloġiċi konġunti” li ser jikkombinaw investimenti privati u finanzjamenti pubbliċi;
  • is-sostenn ta' politika Ewropea dwar l-infrastrutturi tar-riċerka;
  • l-istabbiliment ta' “mekkaniżmu ta' finanzjament ta' qsim tar-riskji” biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-parteċipanti għas-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Barra minn hekk, kif kien il-każ għas-6 programm qafas, diversi oqsma ta' riċerka mhuma ser jirċievu ebda finanzjament Komunitarju:

  • l-ikklonjar uman riproduttiv;
  • ir-riċerka dwar il-modifikazzjoni tal-patrimonju ġenetiku tal-bnedmin u biex isiru modifiki ereditarji;
  • ir-riċerka dwar il-ħolqien ta' embrijoni umani unikament għall-finijiet ta' riċerka jew għall-forniment ta' stem cells.

Programm qafas issimplifikat

Sa mill-1984, id-diversi programmi oqfsa ta' riċerka żiedu n-numru ta' proċeduri amministrattivi u finanzjarji li jikkostitwixxu l-azzjoni tal-UE fil-qasam tar-riċerka. Il-Kummissjoni tixtieq tkompli bl-isforz ta' simplifikazzjoni mniedi matul l-aħħar programm qafas biex ittejjeb l-effettività tal-finanzjament u tal-ġestjoni tal-proġetti ta' riċerka.

Il-miżuri speċifiċi biex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tal-programm qafas jinkludu:

  • ir-razzjonalizzazzjoni tas-sistemi ta' finanzjament b'għażla mnaqqsa ta' strumenti għal koerenza akbar fil-finanzjament;
  • l-użu ta' lingwaġġ aktar sempliċi u inqas burokratiku biex jinftiehem mill-pubbliku ġenerali;
  • it-tnaqqis tan-numru u d-daqs ta' dokumenti uffiċjali;
  • is-simplifikazzjoni ta' proċeduri meħtieġa min-naħa tal-parteċipanti;
  • it-tnaqqis tal-kontrolli preparatorji qabel l-adozzjoni ta' proġett;
  • awtonomija akbar għall-gruppi msieħba;
  • is-simplifikazzjoni tal-proċessi ta' għażla tal-proġetti.

Baġit sostanzjali iżda neċessarju

Il-Kummissjoni tipproponi baġit ta' 50 521 miljun euro għall-perjodu 2007-2013, jew medja ta' 7 217 miljun euro fis-sena. Dan jirrappreżenta aktar minn darba u nofs il-baġit annwali tas-6 programm qafas (4 375 miljun euro fis-sena jew baġit totali ta' 17 500 miljun euro għal erba' snin). B'mod aktar speċifiku, il-baġit ser jitqassam skont kif ġej:

  • Kooperazzjoni: 32 413 miljun euro.
  • Ideat: 7 510 miljun euro.
  • Persuni: 4 750 miljun euro.
  • Kapaċitajiet: 4 097 miljun euro.
  • Azzjonijiet mhux nukleari mmexxija mill-JRC: 1 751 miljun euro.
  • Euratom: 2 700 miljun euro (2007-2011).

Din iż-żieda tirrifletti l-importanza tar-riċerka fit-tnedija mill-ġdid tal-istrateġija ta' Lisbona, li timmira li tagħmel lill-Ewropa l-ekonomika tal-għarfein l-aktar kompetittiva u l-aktar dinamika fid-dinja. L-Ewropa dan l-aħħar tilfet opportunitajiet importanti f'ċerti oqsma kruċjali tar-riċerka minħabba n-nuqqas ta' fondi disponibbli. Dan il-programm qafas jista' jiffinanzja aktar proġetti ta' kwalità u jsaħħaħ il-kapaċità ta' innovazzjoni tal-UE.

L-għarfien u t-teknoloġija huma l-akbar assi tal-Ewropa u jirrappreżentaw il-bażi tat-tkabbir u l-impjiegi. Il-programm qafas għandu jkollu effett ta' lieva fuq l-ispejjeż nazzjonali fil-qasam tar-riċerka, sabiex l-isforz tar-riċerka tal-Ewropa jilħaq il-livell ta' 3 % tal-PDG. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tiżvolġi bis-sħiħ l-irwol tagħha ta' mutur u koordinatriċi sabiex tpoġġi l-għarfien għas-servizz tat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa.

Kuntest

Sa mill-1984, l-UE tmexxi politika ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku bbażata fuq programmi oqfsa pluriannwali. Is-seba' programm qafas huwa t-tieni wara t-tnedija tal-istrateġija ta' Lisbona fl-2000 u għandu jiżvolġi rwol ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni tixtieq tiżviluppa it-“triangolu tal-għarfien” iffurmat mill-politiki tar-riċerka, tal-edukazzjoni u tal-innovazzjoni sabiex tpoġġi l-għarfien għas-servizz tad-dinamiżmu ekonomiku u tal-progress soċjali u ambjentali.

REFERENZI

AttDħul fis-seħħ - Data ta' skadenzaTerminu għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Deċiżjoni 1982/2006/KE

1.1.2007 - 31.12.2013

-

Ġurnal Uffiċjali L 412, 30.12.2006

Deċiżjoni 969/2006/KE

1.1.2007 - 31.12.2011

-

Ġurnal Uffiċjali L 391, 30.12.2006

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' April 2009 dwar il-progress li sar permezz tas-Seba' Programm Kwadru Ewropew għar-Riċerka [COM(2009) 209 – Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].
Is-7 programm qafas huwa adattat attwalment biex jgħin lill-UE toħloq soċjetà tal-għarfien b'intensità baxxa ta' karbonju. Dan għandu jistimula l-investiment pubbliku u privat fir-R&Ż u jiddiversifika l-istrumenti tagħha sabiex jiġi mmassimizzat il-valur miżjud Ewropew.
Is-Seba' Programm Qafas (FP 7) huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-eċċellenza xjentifika u għall-iżvilupp teknoloġiku. L-irwol tiegħu huwa saħansitra aktar importanti fil-qagħda ekonomika attwali. L-FP 7 jikkontribwixxi biex isiru sforzi ta' riċerka sostnuti, kif juru l-inizjattivi ta' sħubijiet pubbliċi-privati fir-rigward tal-vetturi ekoloġiċi, il-binjiet li jekonomizzaw fuq il-konsum tal-enerġija u l-fabbriki tal-futur, imnedija fil-kuntest tal-pjan ta' rkupru Ewropew.
Il-Kummissjoni talbet lil grupp ta' esperti biex iwettaq evalwazzjoni intermedjarja ta' FP 7 sabiex ittejjeb l-impatt tiegħu fuq l-istabbiliment taż-Żona Ewropea għar-Riċerka. Il-konklużjonijiet ta' din l-evalwazzjoni ser iservu biex jalimentaw id-dibattiti dwar l-oqfsa finanzjarji futuri tal-Unjoni Ewropea, l-istrateġija ta' Lisbona lil hinn mill-2010 u l-programm qafas li jmiss.

Regolament tal-Kunsill (Euratom) 1908/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet f'azzjoni taħt is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2011).
Dan id-dokument jirrigwarda l-proċeduri għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet fis-seba' programm qafas tal-Komunità Ewropew tal-Enerġija Atomika (Euratom) (2007-2011). Id-dokument huwa mqassam f'erba' kapitoli: id-dispożizzjonijiet introduttivi (ambitu, definizzjoni u kunfidenzjalità), il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti (kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni, aspetti ta' proċeduri, eċċ.), ir-regoli għat-tixrid u l-valorizzazzjoni (proprjetà, protezzjoni, pubblikazzjoni, tixrid u użu tal-għarfien ġdid u li kien jeżisti qabel kif ukoll id-drittijiet ta' aċċess għal dak l-għarfien) u r-regoli partikolari tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet li jaqgħu taħt il-qasam tematiku “riċerka dwar l-enerġija tal-fużjoni”.

Regolament (KE) 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f'azzjonijiet taħt is-Seba' Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013)[Ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali L 391, 30.12.2006].
Dan ir-regolament, li huwa ddedikat għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet fil-kuntest tas-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea (2007-2013), jikkonsisti f'erba' kapitoli: id-dispożizzjonijiet introduttivi, il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti, il-Bank Ewropew tal-Investiment kif ukoll ir-regoli għat-tixrid u l-valorizzazzjoni.

L-aħħar aġġornament: 07.01.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna