EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Programm qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) (2007-2013)

Kif tagħmel l-istrateġija ta’ Lisbona, il-programm qafas jappoġġja azzjonijiet favur il-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea (UE) fuq il-perjodu 2007-2013. Huwa jħeġġeġ b’mod partikolari l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, tat-teknoloġiji ekoloġiċi u tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

ATT

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1639/2006/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013) [Ara l-att(i) emendatorju(i)].

SINTEŻI

Il-programm-qafas għall-kompetittività u l-innovazzjoni (CIP) jipproponi qafas konsistenti għat-titjib tal-kompetittività * u l-potenzjal ta’ innovazzjoni * fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). L-azzjonijiet appoġġjati mill-programm-qafas jappoġġjaw l-iżvilupp tas-soċjetà tal-għarfien kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli bbażat fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat.

Il-programm qafas jinkludi programmi ta’ appoġġ Komunitarji speċifiċi, azzjonijiet ġodda kif ukoll sinerġiji ma’ programmi oħrajn. B’hekk jilħaq l-għanijiet tal-bidu ġdid tal-istrateġija ta’ Lisbona favur azzjoni Komunitarja aktar sempliċi, aktar viżibbli u aktar immirata.

Programmi speċifiċi

Sabiex jirrifletti d-diversità tal-għanijiet tiegħu u jiżgura l-viżibbiltà tagħhom, is-CIP huwa magħmul minn tliet sub-programmi speċifiċi. L-interessi tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-innovazzjoni ekoloġika huma prijoritajiet trasversali u huma riflessi fil-programm qafas kollu.

  • Il-programm għall-innovazzjoni u l-intraprenditorija jiġbor fih l-azzjonijiet maħsuba għall-promozzjoni tal-intraprenditorija, il-kompetittività industrijali u l-innovazzjoni. Dan il-programm jimmira speċifikament għall-SMEs *, mill-“gazelles” (impriżi b’potenzjal kbir ta’ tkabbir) ta’ teknoloġija avvanzata sal-mikro-impriżi u l-impriżi familjali li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-impriżi Ewropej. Huwa jiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament u għall-investimenti fil-fażi ta’ tluq u ta’ tkabbir tagħhom. Huwa jippermetti wkoll l-aċċess tal-impriżi għal tagħrif u pariri dwar il-funzjonament tas-suq intern u l-possibiltajiet tiegħu, kif ukoll dwar il-liġi Komunitarja li hija applikabbli għalihom u l-liġi futura li jistgħu jħejju ruħhom u jadattaw għaliha bl-inqas spejjeż possibbli. F’din il-perspettiva, in-netwerk Ewropew għall-impriżi (DE) (EN) (FR) jiżvolġi rwol importanti. Il-programm jipprovdi barra minn hekk l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri sabiex joħloq ambjent regolatorju u amministrattiv aħjar għall-impriżi u l-innovazzjoni. Huwa jappoġġja ukoll il-promozzjoni tal-innovazzjoni ekoloġika *, billi jinkoraġġixxi l-użu sħiħ tal-potenzjal tat-teknoloġiji.
  • Il-programm ta’ appoġġ strateġiku għall-ICT għandu l-għan li jippromwovi l-adozzjoni u l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), pilastru tal-ekonomija tal-għarfien. L-adozzjoni tal-ICT fis-settur privat u dak pubbliku tippermetti fil-fatt li tiġi stimolata l-prestazzjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda l-innovazzjoni u l-kompetittività Ewropea. Il-programm jipparteċipa fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u jintegra l-istrumenti li qabel kienu ffinanzjati mill-programmi eTEN, eContent u Modinis.
  • Il-programm “Enerġija Intelliġenti – Ewropa” ( EN ) jikkontribwixxi għat-tħaffif tat-twettiq tal-għanijiet fil-qasam tal-enerġija sostenibbli. B’hekk huwa jappoġġja t-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija, l-adozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija ġdida u rinnovabbli, preżenza usa’ fis-suq ta’ dawn is-sorsi ta’ enerġija, id-diversifikazzjoni tal-enerġija u tal-fjuwils, iż-żieda tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli (skont l-għan stabbilit mill-Unjoni Ewropea, is-sehem tas-sorsi ta’ enerġiji fil-konsum gross domestiku għandu jaqbeż it-12 % sal-2010) u t-tnaqqis tal-konsum finali tal-enerġija. Tingħata attenzjoni partikolari f’dan il-kuntest lis-settur tat-trasport. Il-programm jipprovdi l-kontinwità tal-programm “Enerġija intelliġenti għall-Ewropa” (2003-2006) li skada fil-31 ta’ Diċembru 2006.

Implimentazzjoni

L-implimentazzjoni tas-CIP hija bbażata fuq diversi strumenti (strumenti finanzjarji, proġetti, netwerks, azzjonijiet ta’ analiżi, eċċ.) li jistgħu jkunu applikati għal kull programm speċifiku. Dan “is-sett ta’ għodda” komuni għad-diversi programmi jissimplifika t-tħaddim tal-programm qafas għall-utenti. Is-CIP jibbaża mhux biss fuq azzjonijiet ittestjati u ppruvati, iżda jintroduċi wkoll strumenti ġodda.

Diversi strumenti finanzjarji Komunitarji jipparteċipaw fl-appoġġ lill-impriżi. Il-mekkaniżmu favur l-SMEs innovattivi b’rata għolja ta’ tkabbir (GIF) jippromwovi l-provvista ta’ kapital għall-bidu u t-tluq għall-SMEs fl-istadju inizjali u, element ġdid introdott mis-CIP, il-provvista ta’ kapital “ta’ segwitu” waqt il-fażi ta’ espansjoni. Il-mekkaniżmu ta’ garanzija tal-SMEs, min-naħa tiegħu, jiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament permezz tad-dejn (self jew kiri), għall-mikrokreditu u għall-fondi proprji jew kważi fondi proprji. Dan il-mekkaniżmu jinkludi ukoll strument ġdid ta’ titolizzazzjoni tal-portafolli ta’ self bankarju, li jimmobilizza sorsi addizzjonali ta’ finanzjament permezz ta’ self lill-SMEs.

Is-CIP isaħħaħ u jiżviluppa s-servizzi ta’ appoġġ favur l-impriżi u l-innovazzjoni. Dawn tal-aħħar iqassmu lill-impriżi tagħrif dwar il-politiki, il-liġi u l-programmi Komunitarji, li jirrigwardaw b’mod speċjali s-suq intern u l-programmi qafas għar-riċerka. Dawn is-servizzi joffru wkoll lill-impriżi tagħrif dwar it-trasferiment tal-innovazzjoni, tat-teknoloġiji u tal-għarfien. Barra minn hekk jiġbru informazzjoni dwar reazzjonijiet mill-impriżi għall-finijiet tal-valutazzjonijiet tal-impatt u l-iżvilupp tal-politiki.

Mezz ġdid jappoġġja wkoll il-kooperazzjoni bejn il-programmi nazzjonali u reġjonali ta’ promozzjoni tal-innovazzjoni fl-impriżi, biex b’hekk joffri lill-impriżi aktar mezzi kif jibbenefikaw mill-ideat, l-esperjenza u l-opportunitajiet ta’ suq f’reġjuni oħrajn Ewropej.

Il-programm qafas jappoġġja ukoll proġetti pilota tal-ewwel applikazzjoni kummerċjali. L-għan tagħhom huwa li jippromwovu t-tqegħid fis-suq u l-isfruttar ekonomiku effettiv tat-tekniki jew il-prodotti innovattivi jew eko-innovattivi li l-prova teknika tagħhom diġà twettqet b’suċċess, iżda li jkunu għadhom ma ġewx ikkumerċjalizzati b’mod sinifikanti. Dawn il-proġetti huma implimentati permezz ta’ sħubija pubblika-privata.

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Enerġija Intelliġenti hija responsabbli mill-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-programm “Enerġija intelliġenti – Ewropa” u tal-azzjonijiet tal-programm “Impriża u Innovazzjoni”.

Biex jiġi pperfezzjonat il-fluss tal-għarfien u tal-ideat, l-iżvilupp strateġiku tal-politiki Komunitarji għandu jkompli fuq il-bażi tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u jiżdied b’attivitajiet ġodda ta’ ġemellaġġ li jgħinu lill-Istati Membri u lir-reġjuni jibbenefikaw minn eżempji ta’ prattika tajba.

Konsistenza ma’ politiki Komunitarji oħrajn

Is-CIP huwa kkombinat ma’ inizjattivi Komunitarji kbar oħrajn. L-azzjonijiet differenti tagħhom huma implimentati b’mod parallel u jikkomplementaw lil xulxin. Il-programm qafas b’hekk jipparteċipa fit-twettiq tal-għanijiet Komunitarji rigward ir-riċerka, il-koeżjoni, l-ambjent, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

Is-CIP jiffaċilita għalhekk l-aċċess għall-finanzjament għall-impriżi li l-attivitajiet tagħhom jiffukaw fuq l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp. Huwa jgħin ukoll lill-impriżi jipparteċipaw fis-7 Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7 - RTD).

Baġit

Il-programm qafas huwa mifrux fuq perjodu ta’ seba’ snin inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2013. Huwa għandu baġit ta’ 3.621 biljun euro għat-tul sħiħ tal-programm.

Permezz ta' tqassim indikattiv, 60 % tal-baġit globali (2.170 biljun euro) huwa allokat għall-programm għall-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Wieħed minn ħamsa ta’ dak l-ammont (430 miljun euro) huwa ddedikat għall-promozzjoni tal-innovazzjoni ekoloġika. 20 % (730 miljun euro) tal-baġit globali huwa assenjat lill-programm ta’ appoġġ strateġiku għall-ICT u l-aħħar 20 % (730 miljun euro) lill-programm “Enerġija intelliġenti – Ewropa”.

L-ispejjeż eliġibbli taħt diversi strumenti madankollu ma jistgħux ikunu soġġetti għal finanzjament doppju.

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-Kummissjoni sejra timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-Programm Qafas u programmi speċifiċi li huma relevanti. Ta’ kull sena, hija tfassal rapport li fih hija tispjega l-attivitajiet sostnuti permezz ta’ indikaturi li jikkonċernaw l-andament finanzjarju, ir-riżultati miksubin u, meta jkun possibbli, l-impatt tal-azzjonijiet.

Il-programm qafas u l-programmi speċifiċi relevanti għalih huma soġġetti għal evalwazzjoni intermedjarja, u għal evalwazzjoni finali. Dawn l-evalwazzjonijiet jippermettu li jsir eżami ta’ aspetti bħalma huma r-relevanza, il-koerenza u s-sinerġiji, l-effikaċja, l-użu razzjonali tar-riżorsi, id-durabilità, eċċ. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni finali tivverifika, kemm il-programm qafas fit-totalità tiegħu u kull wieħed mill-programmi speċifiċi tiegħu laħqu l-objettivi tagħhom.

Kuntest

Il-proċess ta’ Lisbona, li l-għan tiegħu huwa li jagħmel lill-Ewropa l-ekonomija tal-għarfien l-aktar kompetittiva u l-aktar dinamika fid-dinja, naturalment għamel il-kompetittività waħda mill-preokkupazzjonijiet politiċi ewlenin tal-UE. Sabiex issaħħaħ il-konsistenza bejn id-diversi programmi li qegħdin jipparteċipaw fl-isforz Komunitarju għal kompetittività akbar, u biex tilħaq l-għanijiet tal-istrateġija mġedda ta’ Lisbona, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet programm qafas għall-innovazzjoni u l-kompetittività.

Termini ewlenin tal-Att

  • Impriżi żgħar u ta’ daqs medju (Small and Medium Enterprises - SMEs): impriżi li jħaddmu inqas minn 250 ħaddiem u li l-fatturat jew il-bilanċ totali tagħhom ma jaqbiżx, rispettivament, il-50 miljun euro jew it-43 miljun euro (Rakkomandazzjoni 2003/361/KE).
  • Kompetittività: il-kapaċità tal-impriżi li jadattaw malajr għall-bidla, li jisfruttaw il-potenzjal tagħhom fl-innovazzjoni u li jiżviluppaw prodotti ta’ kwalità għolja.
  • Innovazzjoni: it-tiġdid u t-tkabbir tal-firxa ta’ prodotti u servizzi, l-implimentazzjoni ta’ metodi ġodda ta’ tfassil, ta’ produzzjoni, ta’ forniment u ta’ tqassim, l-introduzzjoni ta’ bidliet fil-ġestjoni, fl-organizzazzjoni tax-xogħol kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-kwalifiki tal-ħaddiema.
  • Innovazzjoni ekoloġika: kwalunkwe forma ta’ innovazzjoni biex jinkiseb l-għan ta’ żvilupp sostenibbli li jirrispetta l-ambjent permezz ta’ tnaqqis tal-impatt fuq l-ambjent jew permezz tal-użu aktar effikaċi u aktar responsabbli tar-riżorsi naturali, b’mod partikolari l-enerġija.

Referenza

Att(i)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 1639/2006/KE

29.11.2006

ĠU L 310, 9.11.2006

Att(i) emendatorju(i)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 670/2012

1.8.2012

ĠU L 204 tal-31.7.2012

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi tad-Deċiżjoni 1639/2006 ġew integrati fit-test bażi. Din il-verżjoni kkonsolidata ma għandha ebda valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014 – 2020) [COM(2011) 834 finali – Mhux ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali].Proċedura ta’ kodeċiżjoni (2011/0394/COD)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Evalwazzjonijiet tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni” [COM(2013) 2 finali – Mhux ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali].

See also

L-aħħar aġġornament: 01.02.2013

Top