RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (2007-2013)

Sabiex tonqos id-diskrepanza bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni Ewropej u sabiex jiġi rkuprat id-dewmien tar-reġjuni żvantaġġati, dan ir-Regolament jiddefinixxi t-tipi ta’ azzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Jistabbilixxi wkoll kompiti u l-punt sa fejn jestendi l-intervent tal-FEŻR fil-kuntest tal-objettivi “Konverġenza”, “Kompetittività reġjonali u impjiegi” u “l-kooperazzjoni territorjali Ewropea” tar-riforma tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007 – 2013.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ara l-att(i) emendatorju(i)).

SOMMARJU

Dan ir-Regolament jistabbilixxi u jiddefinixxi l-kompiti u l-punt sa fejn jestendi l-intervent tal-FEŻR. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-intervent tal-FEŻR jinstab fi ħdan il-kuntest tal-objettivi “Konverġenza”, “Kompetittività reġjonali u impjiegi” u “l-Kooperazzjoni territorjali Ewropea”, kif definiti mid-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni.

Objettiv

L-objettiv tal-FEŻR huwa li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jnaqqas id-disparitajiet reġjonali. Din il-kontribuzzjoni sseħħ permezz ta’ appoġġ għall-iżvilupp u aġġustament strutturali tal-ekonomiji reġjonali, inkluża rikonverżjoni tar-reġjuni industrijali li jkunu sejrin lura.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-FEŻR jikkonċentra l-intervent tiegħu fuq għadd ta’ prijoritajiet tematiċi, li jirreflettu n-natura tal-objettivi “Konverġenza”, “Kompetittività reġjonali u impjiegi” u “l-Kooperazzjoni territorjali Ewropea”. B’mod partikolari, dan jikkonċerna l-finanzjamenti relatati ma’:

  • investimenti li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli;
  • investimenti fl-infrastrutturi;
  • miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp reġjonali u lokali, inkluża l-assistenza u s-servizzi għall-impriżi, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji (SMEs);
  • l-assistenza teknika.

Konverġenza

Fil-qafas tal-objettiv “Konverġenza”, il-FEŻR jikkonċentra l-għajnuna tiegħu fuq l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli integrat, kif ukoll għall-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli. Il-programmi operazzjonali fl-Istati Membri għandhom l-għan li jimmondernizzaw u jiddiversifikaw l-istrutturi ekonomiċi reġjonali, fost l-oħrajn fi ħdan l-oqsma li ġejjin:

  • ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (RŻT), l-innovazzjoni u l-intraprenditorija;
  • is-soċjetà tal-informazzjoni;
  • l-ambjent;
  • il-prevenzjoni tar-riskji;
  • it-turiżmu;
  • investimenti kulturali;
  • investimenti fit-trasport;
  • enerġija;
  • investimenti favur l-edukazzjoni;
  • investimenti fl-infrastrutturi sanitarji u soċjali;
  • għajnuna diretta lill-investimenti fl-impriżi żgħar u medji (SMEs).

Kompetittività reġjonali u impjiegi

Fir-rigward tal-objettiv “Kompetittività reġjonali u l-impjiegi”, il-prijoritajiet jinqasmu fi tliet gruppi:

  • l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-għarfien, l-aktar fil-qasam tat-titjib tal-kapaċitajiet reġjonali tar-RŻT u l-innovazzjoni, tal-intraprenditorija u tal-ħolqien ta’ strumenti finanzjarji ġodda għall-impriżi;
  • l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskji, inkluża r-riabilitazzjoni ta’ artijiet imniġġsa, żieda fl-effiċjenza enerġetika, il-promozzjoni ta’ mezzi ta’ trasport pubbliku urban nodfa u l-elaborazzjoni ta’ pjanijiet għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji naturali u teknoloġiċi;
  • l-aċċess għas-servizzi tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerarli, b’mod partikolari t-tisħiħ tar-riżorsi sekondarji u jiġi mħeġġeġ l-aċċess għal teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT – Information and Communication Technology) mill-SMEs.

Kooperazzjoni territorjali Ewropea

Fir-rigward tal-objettiv “Kooperazzjoni territorjali Ewropea”, il-FEŻR jikkonċentra l-għajnuna tiegħu fuq tliet oqsma:

  • l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi u soċjali transkonfinali permezz ta’ strateġiji konġunti favur l-iżvilupp territorjali sostenibbli. Pereżempju, dan jista’ jinkiseb billi jitħeġġu l-intraprenditorija, il-protezzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali u kulturali kif ukoll il-kollaborazzjoni, il-kapaċitajiet u l-użu konġunt tal-infrastrutturi;
  • it-twaqqif u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni transnazzjonali, inkluża l-kooperazzjoni bilaterali bejn ir-reġjuni marittimi. Il-prijoritajiet iħaddnu fihom l-innovazzjoni, l-ambjent, it-titjib tal-aċċessibilità u l-iżvilupp urban sostenibbli;
  • it-tisħiħ tal-effikaċja tal-politika reġjonali. Dan jista’ jinkiseb permezz tal-promozzjoni tan-netwerking u l-iskambju tal-esperjenzi bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

Fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tipproponi xi regoli għal ċerti kategoriji ta’ spejjeż fis-seħħ u timplimenta xi regoli nazzjonali.

Huwa f’idejn l-Istati Membri li jaħtru awtorità waħda ta’ ġestjoni, awtorità ta’ ċertifikazzjoni u awtorità waħda tal-awditjar.

Kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet ġenerali, l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għall-istrument ġuridiku ta’ kooperazzjoni, ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT), sabiex jiddelegaw lilu l-kompiti tal-awtorità ta’ ġestjoni u tas-segretarjat tekniku konġunt.

Sabiex jingħażel proġett, dan irid ikun jinkludi benefiċjarji ta’ mill-inqas żewġ pajjiżi li jridu jaġixxu b’mod konġunt f’mill-inqas tnejn mill-erba’ oqsma li ġejjin: l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, it-tagħmir u l-finanzjament. Fil-każ tal-kooperazzjoni nazzjonali, programm jista’ jiġi implimentat fi Stat Membru bil-kundizzjoni li jkun ġie ppreżentat minn tal-inqas żewġ Stati. Meta jkunu kkonċernati n-netwerks ta’ kooperazzjoni u l-iskambju tal-esperjenzi, iridu jinkludu tal-inqas tliet benefiċjarji minn tal-inqas tliet reġjuni ta’ żewġ Stati Membri bħala minimu, li jridu jaġixxu b’mod konġunt fl-erba’ oqsma msemmija.

B’mod partikolari, il-programm operazzjonali jrid ikun fih l-informazzjoni li ġejja:

  • analiżi tal-punti pożittivi u tal-punti dgaħjfa taż-żona ta’ kooperazzjoni;
  • ġustifikazzjoni tal-prijoritajiet miżmuma;
  • l-informazzjoni dwar l-oqsma ta’ prijorità u l-objettivi speċifiċi tagħhom;
  • it-tqassim tal-oqsma ta’ interventi skont kull kategorija;
  • pjan ta’ finanzjament;
  • id-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni;
  • il-lista indikattiva tal-proġetti l-kbar.

Rigward il-finanzjament, jeżistu partikolaritajiet marbutin mal-lokalizzazzjoni. Il-kofinanzjament jista’ jilħaq:

  • 20 % għall-kooperazzjoni transkonfinali fiż-żoni tan-NUTS III li jmissu maż-żoni fil-konfini tal-Unjoni;
  • 20 % għall-kooperazzjoni transkonfinali għal operazzjonijiet li jinkludu msieħba li huma esterni għaż-żona kkonċernata;
  • 10 % għall-kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali għall-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet fit-territorju ta’ pajjiż terz għall-Unjoni, bil-kundizzjoni li jkunu ta’ benefiċċju għar-reġjuni tal-UE.

Speċifiċitajiet territorjali

Il-FEŻR jixħet attenzjoni partikolari fuq l-ispeċifiċitajiet territorjali. L-azzjonijiet relatati mad-dimensjoni urbana huma integrati fil-programmi operazzjonali, billi huma msejsa fuq l-esperjenza tal-inizjattiva URBAN. Fil-fatt, l-azzjoni tal-FEŻR għandha l-għan li ssolvi l-problemi ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-ibliet.

Fir-rigward taż-żoni rurali u taż-żoni li jiddependu fuq is-sajd, l-intervent tal-FEŻR irid jikkonċentra fuq id-diversifikazzjoni tal-ekonomija, l-aktar:

  • l-infrastrutturi sabiex tittejjeb l-aċċessibilità;
  • in-netwerks u s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fiż-żoni rurali;
  • l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda;
  • it-tisħiħ tar-rabtiet bejn iż-żoni urbani u rurali;
  • l-iżvilupp tat-turiżmu u tal-faċilitajiet fiż-żoni rurali.

Għaż-żoni bi żvantaġġi naturali, il-FEŻR jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ investimenti favur l-aċċessibilità, attivitajiet ekonomiċi marbutin mal-patrimonju kulturali, l-użu sostenibbli ta’ riżorsi u l-istimolu tas-settur tat-turiżmu.

Finalment, il-FEŻR jikkontribwixxi sabiex jiffinanzja l-ispejjeż addizzjonali marbutin mas-sitwazzjoni ġeografika tar-reġjuni l-aktar imbiegħda kif ukoll:

  • l-appoġġ għat-trasport ta’ merkanzija u għat-tnedija ta’ servizzi ta’ trasport;
  • l-appoġġ marbut mar-restrizzjonijiet ta’ ħażna, mal-manutenzjoni tal-għodod ta’ produzzjoni u man-nuqqas ta’ kapital uman fis-suq tax-xogħol lokali.

Dispożizzjonijiet finali

Ir-Regolament ma jaffettwax l-interventi approvati qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. It-talbiet ippreżentati fil-qafas tar-Regolament 1783/99 jibqgħu validi, iżda r-Regolament imsemmi ġie revokat mill-1 ta’ Jannar 2007. Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2007 u jrid jerġa’ jiġi revedut sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri Ġurnal Uffiċjali
Regolament (KE) Nru 1080/2006

1.8.2006

ĠU L 210, 31.7.2006

Att emendatarju Dħul fis-seħħ Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 397/2009

10.6.2009

ĠU L 126, 21.5.2009

Regolament (UE) Nru 437/2010

18.6.2010

ĠU L 132, 29.5.2010

ATTI RELATATI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999.
Ara verżjoni kkonsolidata .

REĠJUNI U ŻONI ELIĠIBBLI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/769/KE tal-31 ta’ Ottubru 2006 li tfassal il-lista ta' reġjuni u żoni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt il-fergħat transkonfinali u transnazzjonali tal-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea għall-perjodu 2007–2013 (ĠU L 312, 11.11.2006).
Ara verżjoni kkonsolidata .

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/597/KE tal-4 ta’ Awwissu 2006 li tfassal lista tal-Istati Membri eliġibbli għall-iffinanzjar mill-Fond tal-Koeżjoni għall-perjodu 2007 – 2013 (ĠU L 243, 6.9.2006).

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/595/KE tal-4 ta’ Awwissu 2006 li tfassal lista tar-reġjuni li huma eliġibbli għall-iffinanzjar mill-Fondi Strutturali skond l-obbjettiv tal-Konverġenza għall-perijodu 2007–2013 (ĠU L 243, 6.9.2006).
Ara verżjoni kkonsolidata .

TQASSIM INDIKATTIV SKONT L-ISTATI MEMBRI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/609/KE tal-4 ta' Awwissu 2006 li tistabbilixxi allokazzjoni indikattiva għal kull Stat Membru tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-għan ta' koperazzjoni territorjali Ewropea għall-perijodu 2007–2013 (ĠU L 247, 9.9.2006).
Ara verżjoni kkonsolidata .

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/594/KE tal-4 ta' Awwissu 2006 li tiffissa allokazzjoni indikattiva minn Stat Membru ta' l-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-obbjettiv ta' Konverġenza għall-perjodu 2007–2013 (ĠU L 243, 6.9.2006).
Emendata mid-:
Deċiżjoni 2010/475/UE (ĠU L 232, 2.9.2010).

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/593/KE tal-4 ta' Awwissu 2006 li tiffissa allokazzjoni indikattiva skont l-Istat Membru tal-approprjazzjonijiet tal-impenn għall-għan ta' kompetittività u impjiegi Reġjonali għall-perjodu 2007–2013 (ĠU L 243, 6.9.2006).
Emendata mid-:
Deċiżjoni 2010/476/UE (ĠU L 232, 2.9.2010).

LINJI GWIDA STRATEĠIĊI KOMUNITARJI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 octobre dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni (ĠU L 291, 21.10.2006).
L-abbozz ta' Linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni, it-tkabbir u l-impjieg ġie adottat mill-Kunsill fis-6 ta’ Ottubru 2006. Dawn il-linji gwida strateġiċi jikkostitwixxu l-qafas indikattiv għall-istabbiliment tal-politika ta’ koeżjoni u l-intervent tal-Fondi matul il-perjodu 2007 – 2013.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2005 — Politika ta’ Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi - Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007–2013 (COM(2005) 299 – Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

IRKUPRU EKONOMIKU

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-16 ta' Diċembru 2008, bit-titolu “Il-Politika ta' Koeżjoni: investiment fl-ekonomija reali” (COM(2008) 876 finali — Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
Il-politika tal-koeżjoni hija s-sors primarju tal-finanzjament komunitarju tal-ekonomija reali. Il-Kummissjoni tippreżenta serje ta’ prijoritajiet li jikkonċernaw il-persuni, l-impriżi, l-infrastrutturi u l-enerġija, kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex tikkontribwixxi għall-irkupru tal-ekonomija Ewropew u għall-progress soċjali. Tipprovdi għal tkabbir tal-investimenti pubbliċi għall-perjodu 2007–2013.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew - Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (COM(2008) 800 finali — Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

ENERĠIJA — FID-DJAR

Regolament (KE) Nru 397/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli fid-djar.
Il-pjan ta’ rkupru tal-ekonomija Ewropea jħeġġeġ il-miżuri favur l-effiċjenza enerġetika tal-bini. Dan ir-Regolament joffri qafas għall-investimenti pubbliċi previsti f’dan il-qasam. Iridu jiġu żviluppati xi pjanijiet ta’ investiment nazzjonali fil-livell territorjali li l-aktar li jkun xieraq (nazzjonali, reġjonali u lokali). Il-finanzjamenti tal-politika ta’ koeżjoni jridu jippermettu li jiġu appoġġjati l-miżuri meħuda mill-aktar familji dgħajfa.

Għaldaqstant, rigward l-ispejjeż tad-djar marbutin mal-effiċjenza enerġetika u mal-enerġiji rinnovabbli, il-kontribuzzjoni tal-FEŻR testendi għall-Istati Membri kollha. L-ispejjeż l-oħra relatati mad-djar iridu jibqgħu limitati għal dawk l-Istati Membri li aderixxew wara l-1 ta’ Mejju 2004. Konsegwentement, l-Artikolu 7 tar-Regolament 1080/2006, li jirregola l-eliġibilità ta’ dawn l-ispejjeż huwa emendat.

L-aħħar aġġornament: 17.09.2010
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna