RSS
Werrej alfabetiku

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Tkabbir u impjiegi

Arkivji
Impjiegi u politika soċjali

L-istrateġija ta’ Liżbona, imnedija fis-sena 2000, kellha l-għan li tagħmel mill-Ewropa “l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien tad-dinja – żona ekonomika li kapaċi tikseb tkabbir ekonomiku fuq perijodu twil b’aktar impjiegi u impjiegi aħjar u iktar koeżjoni soċjali”. Il-bilanċ f’nofs il-proċess tal-istrateġija ta’ Liżbona stabbilixxa li, mill-aktar punt ottimist, ir-riżultat huwa mitigat. Id-diskrepanza f’termini ta’ produttività u tkabbir bejn l-Ewropa u s-sħab ekonomiċi tagħha reġgħet kibret, u ma’ dan trid tiżdied ukoll l-isfida tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.
Għaldaqstant, il-Kunsill tal-Ewropa ddeċieda li jerġa’ jniedi l-istrateġija ta’ Liżbona permezz ta’ sħubija għat-tkabbir u l-impjiegi. L-għan ta’ din is-sħubija għadu bbażat fuq l-iżvilupp sostenibbli. Madankollu, sabiex tilħaq dan l-għan, l-Ewropa trid tikkonċentra fuq numru aktar limitat ta’ prijoritajiet. Fil-fatt, il-kisba ta’ tkabbir aktar b’saħħtu u sostenibbli u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi li huma ta’ kwalità ogħla jilliberaw il-mezzi neċessarji sabiex jiġu kkonkretizzati l-ambizzjonijiet l-aktar ġenerali tagħna fuq il-livell ekonomiku, soċjali u ambjentali.

  • L-EWROPA BĦALA POST AKTAR ATTRAENTI GĦALL-INVESTITURI
    L-istimulazzjoni tat-tkabbir u tax-xogħol teħtieġ li tiġi infurzata l-attrazzjoni tal-Ewropa bħala post għall-investiment. Meta wieħed jaħseb dwar il-kontribuzzjoni importanti tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs – “small and medium enterprises”) fil-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir, l-Ewropa, l-ewwel nett trid telimina x-xkiel għall-ħolqien tal-SMEs u tinkoraġġixxi l-idea ta’ impriża. Barra minn hekk, minkejja l-progress li sar minn meta tnediet l-istrateġija ta’ Liżbona, għad hemm nuqqas ta’ kapital ta’ riskju disponibbli sabiex jinfetħu impriżi żgħar, u d-dispożizzjonijiet fiskali attwali jiskoraġġixxu ż-żamma tal-benefiċċji sabiex jissaħħaħ il-kapital proprju.
    • Jiġu żgurati swieq miftuħa u kompetittivi fl-Ewropa u barra mill-Ewropa
      Il-kompetittività fi ħdan is-suq intern tistimula l-produttività u l-innovazzjoni. Il-politika Ewropea tal-kompetittività għandha rwol fundamentali sabiex ikun hemm swieq kompetittivi. Din trid tiġi segwita f'Ewropa usa' kif ukoll f’ċerti swieq li għadhom ma urewx il-potenzjal kollu tagħhom. Hemm bżonn li jiġi eliminat ix-xkiel għall-kompetittvità u li jiġu orjentati mill-ġdid l-għajnuniet mill-Istat lejn l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-kapital ta’ riskju. Barra l-UE, il-politika kummerċjali trid tiżgura li l-impriżi Ewropej jidħlu fis-swieq tal-pajjiż terz billi jirrispettaw ir-regoli li jiggarantixxu l-kompetittività leali.
    • Titjib fir-regolamenti Ewropej u nazzjonali
      Simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tgħin lill-impriżi, u b’mod partikolari lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), billi jiġu eliminati formalitajiet amministrattivi inutli. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri diġà nedew diversi inizjattivi sabiex inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi. B’hekk, dan jirriżulta f’benefiċċji għall-produttività u l-kompetittività tal-impriżi Ewropej, u għall-potenzjal ta’ adattabilità, ta’ innovazzjoni tagħhom u f’termini ta’ impjiegi. Il-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda wkoll isir aktar faċli.
    • Espansjoni u titjib tal-infrastrutturi Ewropej
      L-investimenti fit-trasport iridu jwieġbu għall-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tas-soċjetà. Infrastruttura moderna hija fattur tal-kompetittività importanti sabiex tattira l-impriżi, għaliex tiffaċilita l-iskambji u l-mobilità. Barra minn hekk, it-tibdil fil-klima jixħet dawl fuq il-ħtieġa ta’ mobilità aktar sostenibbli. B’mod partikolari, l-intermodalità għandha l-għan li tqassam it-traffiku f’modi ta’ trasport li jirrispettaw aktar lill-ambjent, aktar sikuri u effikaċi fuq livell tal-enerġija. B’mod parallel, it-teknoloġiji l-ġodda jippermettu trasport aktar effiċjenti.
  • L-GĦARFIEN U L-INNOVAZZJONI, FATTURI TA’ TKABBIR
    L-għarfien u l-innovazzjoni huma essenzjali għat-tkabbir tal-produttività. Dan it-tkabbir tal-produttività jinvolvi fattur kritiku għall-Ewropa, għax fil-kuntest tal-kompetizzjoni mondjali trid taffaċċja kompetituri li għandhom ħaddiema b’salarji baxxi u riżorsi naturali.
    • Żieda u titjib fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp
      L-għan Ewropew ta’ 3 % tal-PDG, li minnu 1 % mis-settur pubbliku u 2 % mis-settur privat, għadu l-bogħod. F’dan il-kuntest, ir-riforma tal-għajnuniet mill-Istat tiffaċilita l-aċċess għall-impriżi li għadhom jibdew u dawk innovattivi għall-kapital ta’ riskju għall-finanzjament. Is-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka għandu b’mod partikolari l-għan li jappoġġja l-investimenti tas-settur privat f’teknoloġiji ewlenin. Barra minn hekk, approċċ fiskali komuni għar-riċerka u l-iżvilupp jinkoraġġixxi lill-impriżi sabiex jinvestu aktar fl-attivitajiet ta’ R&Ż.
    • Tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni u l-adozzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT – “Information and Communication Technology”)
      Sabiex ir-riċerka tirriżulta fi tkabbir, huwa meħtieġ li r-riżultati tar-riċerka jiġu trasformati f’innovazzjoni. Aktar kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-impriżi tippermetti trasferiment aħjar ta’ ideat skambjati sabiex ikun hemm parteċipazzjoni akbar tal-impriżi fil-finanzjament tal-universitajiet. Dan jirriżulta f’riċerka ta’ kwalità akbar u li trendi aktar. Il-Programm Kwadru għall-innovazzjoni u l-kompetittività jsostni l-azzjonijiet favur l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, tal-ekoteknoloġiji u tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
    • L-innovazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli
      L-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku huma elementi fundamentali sabiex ikun jista’ jsir tkabbir ekonomiku li jirrispetta l-ambjent u sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tar-riżorsi (b’mod partikolari r-riżorsi tal-enerġija). L-iżvilupp tat-teknoloġiji ambjentali jista’ wkoll jiftaħ swieq ġodda, u dan jistimula l-kompetittività tal-impriżi u l-impjiegi.
    • Kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ bażi industrijali Ewropea solida
      Il-potenzjal teknoloġiku tal-industrija Ewropea mhux dejjem qed jintuża kollu. Approċċ Ewropew komuni tal-isfidi fil-qasam tar-riċerka, tar-regolamentazzjoni u tal-finanzjament jista’ joħloq sinerġiji li jippermettu li jitwettqu proġetti fuq skala kbira u li jwieġbu b’mod aktar xieraq għall-ħtiġijiet tas-soċjetà. Barra minn hekk, kontribuzzjoni finanzjarja tas-settur pubbliku tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tal-prodotti u s-servizzi konkreti filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività Ewropea fuq livell internazzjonali. Il-proġett Galileo u t-telefonija ċellulari huma eżempji tajbin ta’ sħubijiet.
  • IL-ĦOLQIEN TA’ AKTAR IMPJIEGI LI HUMA TA’ KWALITÀ OGĦLA
    L-Ewropa teħtieġ aktar impjiegi li huma ta’ kwalità ogħla. L-evoluzzjoni demografika li teżerċita pressjoni addizzjonali fuq ir-riżultati fir-rigward tal-impjiegi tagħmel minn dan ħtieġa assoluta mill-perspettiva ekonomika u soċjali.
    • L-attirazzjoni ta’ numru akbar ta’ persuni lejn is-suq tax-xogħol u l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali
      L-Istati Membri huma mitluba jistabbilixxu rati tal-impjiegi għall-2008 u l-2010 u jadottaw il-miżuri li jridu jimplimentaw fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom. Il-linji gwida integrati għall-impjiegi jgħinuhom jagħżlu l-istrumenti li huma l-aktar effikaċi. L-isfida tinvolvi l-attirazzjoni u ż-żamma ta’ aktar persuni fuq is-suq tax-xogħol: tingħata attenzjoni partikolari għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema akbar fl-età. F’dan il-kuntest, ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet u tas-sistemi tal-kura tas-saħħa hija meħtieġa wkoll sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tagħhom u protezzjoni soċjali sikura.
    • Titjib fil-kapaċità ta’ addattament tal-ħaddiema u l-impriżi u tkabbir fil-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol
      L-ekonomiji li qed jinbidlu b’rata mgħaġġla jeħtieġu livell għoli ta’ addattabilità fost il-ħaddiema li jridu jkunu kapaċi jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom sabiex iwieġbu għall-ħtiġijiet tas-setturi li jesperjenzaw tkabbir elevat. Madankollu, flessibbiltà bħal din trid tkun akkumpanjata minn sigurtà soċjali li tkopri wkoll il-perjodi tal-bidliet. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jridu jiġu mmodernizzati sabiex jaffaċċjaw dawn l-isfidi l-ġodda. It-tneħħija tax-xkiel għall-mobilità tal-ħaddiema hija indispensabbli sabiex jintlaħqu aħjar il-bżonnijiet tas-suq.
    • Aktar investiment fil-kapital uman permezz ta’ titjib tal-edukazzjoni u tal-kompetenzi
      L-edukazzjoni u l-formazzjoni għandhom rwol essenzjali f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien, għax isostnu t-tkabbir u l-impjiegi billi jipprovdu ħaddiema ferm ikkwalifikati u adattabbli. Isaħħu wkoll il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva. L-aċċess minn kulħadd għall-edukazzjoni u l-formazzjoni trid tiġi żgurata permezz taż-Żona Ewropea tal-edukazzjoni u t-taħriġ u t-tagħlim matul il-ħajja filwaqt li ssir referenza għall-kwalità mondjali sal-2010.
    • Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE 2007-2013 u l-irwol tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni
      Id-direzzjonijiet strateġiċi komunitarji jiddefinixxu l-prijoritajiet rigward il-politika ta’ koeżjoni. Dawn id-direzzjonijiet jidentifikaw l-oqsma li fihom il-politika ta’ koeżjoni tista’ tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija ta’ Liżbona, kif ukoll tal-linji-gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi. B’dan il-mod, il-programmi u l-proġetti nazzjonali li jirriżultaw mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni jiffukaw fuq it-tkabbir, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-għarfien, kif ukoll fuq il-ħolqien ta’ infrastrutturi fiżiċi.

Ara wkoll

  • Informazzjoni addizzjonali tista’ tinkiseb minn fuq is-sit tal-Kummissjoni Ewropea: “Tkabbir u impjiegi: ningħaqdu flimkien għall-Ewropa tal-ġejjieni”.
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna