EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Impjieg indipendenti — trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2010/41/UE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jaħdmu għal rashom

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din iddaħħal fis-seħħ il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jaħdmu għal rashom.

PUNTI EWLENIN

  • Il-leġiżlazzjoni tkopri l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom (persuni li jeżerċitaw attività bi qligħ għal rashom) u l-konjuġi jew is-sħab għall-ħajja tagħhom.
  • Trattament ugwali jfisser li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni, direttament* jew indirettament*, abbażi tal-ġeneru fis-settur pubbliku jew privat. Il-fastidju*, sesswali* jew ta’ tip ieħor, huwa meqjus bħala diskriminazzjoni abbażi tas-sess.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jadottaw azzjoni pożittiva, bħall-promozzjoni ta’ inizjattivi ta’ negozju fost in-nisa, sabiex jiżguraw l-ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa li jaħdmu.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li:
    • il-kundizzjonijiet sabiex jiġi stabbilit negozju bejn il-konjuġi jew is-sħab għall-ħajja ma jkunux aktar diffiċli milli għal persuni oħra;
    • il-konjuġi u s-sħab għall-ħajja jistgħu jibbenefikaw minn skemi ta’ protezzjoni soċjali nazzjonali;
    • il-konjuġi u s-sħab għall-ħajja nisa li jaħdmu għal rashom jingħataw allowance tal-maternità suffiċjenti ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa;
    • kull min iqis li d-drittijiet tiegħu għal trattament ugwali ma ġewx rispettati jista’ jkollu aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi;
    • ikun disponibbli kumpens reali u effettiv jew riparazzjoni għal kwalunkwe telf jew ħsara li xi ħadd seta’ jkun ġarrab;
    • il-korpi nazzjonali rilevanti għandhom l-awtorità jippromwovu, janalizzaw, iwettqu monitoraġġ u jappoġġaw it-trattament ugwali tal-persuni kollha koperti mil-leġiżlazzjoni;
    • it-trattament ugwali jiġi applikat bejn l-irġiel u n-nisa waqt l-abbozzar u l-implimentazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi, politiki u attivitajiet koperti mil-leġiżlazzjoni;
    • il-kontenut tal-leġiżlazzjoni jsir magħruf b’mod kemm jista’ jkun wiesa’.
  • Il-pajjiżi tal-UE kellhom jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva sal-5 ta’ Awwissu 2015.
  • Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet nazzjonali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-5 ta’ Awwissu 2016.
  • Il-Kummissjoni għandha l-websajt tagħha stess għall-imprendituri nisa.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija tapplika mill-4 ta’ Awwissu 2010. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fid-dritt nazzjonali tagħhom sal-5 ta’ Awwissu 2012.

SFOND

Għal aktar informazzjoni ara “L-impjieg u t-taħriġ” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINI EWLENIN

* Diskriminazzjoni diretta: meta persuna waħda tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minn oħra minħabba l-ġeneru tagħhom.

* Diskriminazzjoni indiretta: meta regola, kriterju jew prattika li jidhru newtrali jqiegħdu lill-persuni ta’ ġeneru wieħed fi żvantaġġ partikolari.

* Fastidju: meta mġiba mhux mixtieqa tikser id-dinjità ta’ xi ħadd jew toħloq ambjent ta’ intimidazzjoni, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

* Fastidju sesswali: kull forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta’ natura sesswali.

ATT

Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, pp. 1–6)

l-aħħar aġġornament 28.06.2016

Top