RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

Trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol

Id-Direttiva tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura l-ħarsien tat-trattament ugwali bejn il-persuni tal-Unjoni Ewropea, irrispettivament mir-reliġjon jew twemmin tagħhom, minn jekk ikollhomx xi diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali tagħhom, fir-rigward tal-aċċess għal impjieg jew professjoni, promozzjoni, taħriġ professjonali, kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol u s-sħubija f'ċerti organizzazzjonijiet.

ATT

Direttiva 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

SINTEŻI

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tikkostitwixxi sfida ewlenija għall-Unjoni Ewropea. Effettivament, l-Unjoni hija mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, kif ukoll tal-istat tad-dritt. Għaldaqstant, l-UE għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġġieled kontra kull diskriminazzjoni, b'mod partikolari jekk tkun tirrigwarda l-impjiegi u s-suq tax-xogħol.

L-impjiegi u x-xogħol jikkostitwixxu elementi essenzjali biex jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs għal kullħadd u jikkontribwixxu, sa grad għoli, għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, soċjali u kulturali. Iżda jistgħu jiġu kkonstatati għadd kbir ta' każijiet ta' diskriminazzjoni fis-swieq tal-impjiegi u tax-xogħol.

L-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li ddaħħal mit-Trattat ta' Amsterdam, jagħti poteri speċifiċi lill-Komunità biex tiġġieled kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali.

L-Istati Membri jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol. Madankollu, il-portata ta' dik il-projbizzjoni, il-kontenut tagħha u l-forza eżekuttiva tagħha huma varjabbli. Din id-direttiva b'hekk timmira li tistabbilixxi qafas ġenerali minimu f'dan il-qasam.

Kamp ta' applikazzjoni

Id-Direttiva tirrigwarda l-oqsma li ġejjin:

  • Il-kundizzjonijiet ta' aċċess għal attivitajiet ta' impjieg jew mhux ta' impjieg, inkluż fir-rigward ta' promozzjoni;
  • it-taħriġ professjonali;
  • il-kundizzjonijiet ta' impjieg u ta' xogħol (inklużi l-kundizzjonijiet ta' ħlas u ta' tkeċċija);
  • is-sħubija u l-involviment f'organizzazzjoni ta' min iħaddem jew tal-ħaddiema jew kull organizzazzjoni professjonali oħra.

Dawn japplikaw kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat, inklużi l-korpi pubbliċi u kemm għax-xogħol bi ħlas kif ukoll għal dak volontarju.

Il-kunċett tad-diskriminazzjoni

Id-Direttiva timmira li tattakka kemm id-diskriminazzjoni diretta (trattament differenti bbażat fuq karatteristika speċifika) kif ukoll id-diskriminazzjoni indiretta (dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali iżda li tista' tipproduċi effett sfavorevoli għal persuna jew persuni speċifiċi jew inkella inċitament għad-diskriminazzjoni). Il-fastidju, li joħloq ambjent ostili, huma meqjus bħala diskriminazzjoni. Arranġamenti raġonevoli huma previsti biex jiġi ggarantit il-prinċipju ta' trattament ugwali għall-persuni b'diżabilità, billi jiġi llimitat għal każijiet li ma joħolqux diffikultajiet mhux ġustifikati.

Każijiet ta' trattament differenti awtorizzati

  • Rekwiżit professjonali essenzjali

F'ċerti każijiet, trattament differenti jista' jkun iġġustifikat meta dan ikun iġġustifikat min-natura tal-kariga jew mill-kundizzjonijiet li fihom isir ix-xogħol.

  • Trattament differenti bbażat fuq l-età

Tali differenzi fit-trattament huma aċċettati meta jkunu ġġustifikati oġġettivament, ikunu xierqa u neċessarji għall-kisba ta' objettivi leġittimi fis-suq tax-xogħol (li tiġi żgurata l-protezzjoni taż-żgħażagħ jew ta' ħaddiema ta' età avvanzata, l-iffissar ta' rekwiżit dwar it-tul ta' żmien ta' esperjenza tax-xogħol, eċċ).

  • Azzjonijiet pożittivi

L-Istati Membri għandhom id-dritt li jżommu jew jadottaw miżuri intiżi biex jipprevjenu jew jikkoreġu sitwazzjonijiet ta' inugwaljanza eżistenti (miżuri intiżi biex jippromwovu l-integrazzjoni taż-żgħażagħ, it-tranżizzjoni mill-attività professjonali sal-irtirar, eċċ.).

Rekwiżiti minimi

Id-Direttiva tinkludi klawsola ta' “non-rigressjoni” li tikkonċerna l-Istati Membri li japplikaw leġiżlazzjoni li tipprevedi livell ta' protezzjoni aktar għoli minn dak iggarantit mid-Direttiva.

Rikors u applikazzjoni tad-dritt

Minkejja l-affermazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa mid-dritt Komunitarju, l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju rriżultat li hija estremament diffiċli fil-prattika. Fid-dawl ta' dawn id-diffikultajiet, id-Direttiva tipprevedi serje ta' mekkaniżmi sabiex tiżgura l-effikaċja tad-drittijiet imdaħħla fir-rigward tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

Dawn il-mekkaniżmi huma bbażati fuq:

  • it-titjib tad-difiża tad-drittijiet permezz ta' tisħiħ tal-aċċess għall-ġustizzja jew għal proċeduri ta' konċiljazzjoni (kemm individwali kif ukoll li jagħti l-possibbiltà lil organizzazzjonijiet li jeżerċitaw dak id-dritt f'isem vittma);
  • l-aġġustament tal-oneru tal-prova : la darba jkunu ġew stabbiliti fatti li jippermettu li wieħed jippreżumi l-eżistenza ta' diskriminazzjoni, l-oneru tal-prova jaqa' fuq il-parti konvenuta, b'mod konformi mad-Direttiva 97/80 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'każ ta' diskriminazzjoni abbażi ta' sess;
  • il-protezzjoni tal-vittmi tad-diskriminazzjoni kontra ritaljazzjonijiet, u b'mod partikolari, kontra t-tkeċċija;
  • ix-xandir ta' informazzjoni adegwata dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, la darba tiġi adottata, lill-korpi ta' taħriġ professjonali u ta' tagħlim u fuq il-post tax-xogħol.

L-irwol tal-imsieħba soċjali huwa importanti ħafna fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri sabiex jinkoraġġixxu d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali bil-għan li jippromwovu t-trattament ugwali permezz tas-sorveljanza tal-prattiki fuq il-post tax-xogħol, permezz tal-istabbiliment ta' kodiċi ta' kondotta, l-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajbin, eċċ.

Id-dispożizzjonijiet diskriminatorji nazzjonali għandhom jitneħħew jew jiġu ddikjarati nulli u mingħajr effett. Għandhom jiġu previsti miżuri mill-Istati Membri f'każ ta' ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi fformulat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva, f'terminu ta' sentejn sa mid-dħul fis-seħħ tagħha, u sussegwentement kull ħames snin.

Id-Direttiva tinkludi formola ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-impriżi, b'mod partikolari l-SMEs.

Kuntest

Id-Direttiva tagħmel parti minn pakkett ta' miżuri intiżi biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni. Minbarra din il-leġiżlazzjoni, il-pakkett jinkludi komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta qafas ġenerali tal-azzjoni meħuda, Direttiva dwar il-prinċipju ta' trattament ugwali mingħajr distinzjoni abbażi tar-razza jew l-oriġini etnika, kif ukoll programm ta' azzjoni kontra d-diskriminazzjoni għall-perjodu 2001-2006.

Id-Direttiva ma tieħux f'kunsiderazzjoni d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għaliex dan il-prinċipju huwa diġà s-suġġett ta' leġiżlazzjoni Komunitarja (b'mod partikolari d-direttiva 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam lmal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol u d-Direttiva 86/613/KEE dwar l-applikazzjoni tal-principju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta' nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal).

REFERENZI

AttDħul fis-seħħTerminu għat-traspożizzjoni fl-Istati MembriĠurnal Uffiċjali
Direttiva 2000/78/KE

2.12.2000

2.12.2003

ĠU L 303, 2.12.2000

L-aħħar aġġornament: 11.04.2007
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna