EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ħin tax-xogħol tal-baħħara

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 1999/63/KE — Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tqiegħed fil-leġiżlazzjoni l-ftehim dwar il-ħin tax-xogħol tal-baħħara* ftehim dwar il-ħin tax-xogħol intlaħaq bejn is-Sidien tal-Vapuri* tal-Komunità Ewropea L-Assoċjazzjoni u l-Federazzjoni tal-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport fit-30 ta’ Settembru 1998.
  • Din tikkunsidra l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC) tal-2006 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward tas-sigħat tax-xogħol tal-baħħara.

PUNTI EWLENIN

  • Kull vapur li jbaħħar li hu rreġistrat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE), kemm jekk ikun proprjetà pubblika kif ukoll jekk ikun proprjetà privata, li jwettaq attivitajiet marittimi kummerċjali jrid jirrispetta l-legiżlazzjoni.
  • Id-Direttiva tispeċifika numru massimu ta’ sigħat ta’ xogħol jew numru minimu ta’ sigħat ta’ mistrieħ f’perjodu partikolari ta’ żmien.
  • Sigħat ta’ xogħol:
    • ġurnata ta’ xogħol standard hija 8 sigħat, b’ġurnata waħda mistrieħ u mistrieħ fil-vaganzi pubbliċi;
    • is-sigħat massimi ta’ xogħol ma għandhomx jaqbżu l-14-il siegħa fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa jew 72 siegħa f’perjodu ta’ 7 ijiem.
  • Perjodi ta’ mistrieħ:
    • ma għandhomx ikunu inqas minn 10 sigħat fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa, jew 77 siegħa f’perjodu ta’ 7 ijiem;
    • jistgħu jiġu maqsuma f’mhux aktar minn żewġ perjodi, wieħed minnhom għandu jkun twil mill-inqas 6 sigħat;
    • għandhom iseħħu f’mill-inqas 14-il siegħa minn xulxin;
    • għandhom ikunu disturbati mill-inqas possibbli minn eżerċizzji ta’ sigurtà bħal kontrolli, eżerċizzji ta’ tifi tan-nar u ta’ salvataġġ;
    • għandhom jinkludu kumpens adegwat għal baħħara li jkunu qed jistrieħu u li jissejħu għax-xogħol.
  • Għandhom jinżammu rekords tas-sigħat ta’ xogħol u ta’ mistrieħ ta’ kuljum tal-baħħara.
  • L-ebda baħħar taħt it-18-il sena ma jista’ jaħdem billejl* ħlief għal dmirijiet jew taħriġ speċifiku.
  • L-impjieg, l-involviment jew ix-xogħol ta’ dawk taħt it-18-il sena ma jkunx permess jekk x’aktarx ikun jipperikola s-saħħa u s-sikurezza tagħhom.
  • Il-kaptani tal-vapuri għandhom id-dritt li jitlobu lill-ekwipaġġ jaħdem, jekk ikun hemm bżonn, biex tiġi żgurata s-sigurtà immedjata tal-vapur, tal-persuni abbord, tal-merkanzija u ta’ persuni oħrajn fil-perikolu.
  • Dettalji ta’ arranġamenti abbord u d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni għandhom ikunu aċċessibbli u murija.
  • Il-livelli tal-ekwipaġġ għandhom jevitaw jew inaqqsu sigħat eċċessivi ta’ xogħol sabiex ikun żgurat mistrieħ biżżejjed u l-għejja tiġi limitata.
  • Kull baħħar:
    • irid ikollu ċertifikat tas-saħħa li juri li huwa medikament tajjeb għax-xogħol fuq il-baħar — id-direttiva tistabbilixxi d-dettalji għal dawn iċ-ċertifikati inkluż il-ħruġ ta’ regoli, il-validità u n-natura tal-valutazzjoni tas-saħħa. Xi eċċezzjonijiet huma permessi;
    • huwa intitolat għal liv annwali bi ħlas ibbażat fuq minimu ta’ jumejn u nofs kull xahar maħdum u pro rata għal xhur mhux kompluti.
  • L-Istati Membri jistgħu:
    • jippermettu eżenzjonijiet għas-sigħat ta’ xogħol speċifikati u perjodi ta’ mistrieħ, taħt ċerti kundizzjonijiet;
    • japplikaw kundizzjonijiet aktar, u mhux inqas, favorevoli għall-baħħara minn dawk li fiha d-direttiva.

Emendi għad-Direttiva 1999/63/KE

  • Id-Direttiva ġiet emendata bid-Direttiva 2009/13/KE wara l-iffirmar tal-MLC fl-2006.
  • Id-Direttiva 2009/13/KE min-naħa tagħha ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2018/131, wara bidliet lill-MLC fl-2014, li tiffoka fuq id-drittijiet tal-baħħara f’każ li jiġu abbandunati f’portijiet barranin u tinkludi regoli aġġornati għar-ripatrijazzjoni, is-sigurtà finanzjarja u r-responsabbiltà tas-sidien tal-vapuri.

Leġiżlazzjoni relatata

L-infurzar tad-Direttiva huwa kopert minn leġiżlazzjoni separata (id-Direttiva 1999/95/KE) dwar l-infurzar ta’ regoli f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigħat tax-xogħol tal-baħħara abbord vapuri li jidħlu f’portijiet tal-UE, kif ukoll id-Direttiva 2013/54/UE dwar il-konformità mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittiumu u l-infurzar tagħha (ara s-sommarju).

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-22 ta’ Lulju 1999 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-30 ta’ Ġunju 2002.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Baħħar. Persuna impjegata fi kwalunkwe kapaċità abbord vapur li jbaħħar.
Sid il-vapur. Sid il-vapur jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra li tieħu dik ir-responsabbilità.
Billejl. Mill-inqas 9’ sigħat, li jibdew mhux aktar tard minn nofs il-lejl u jispiċċaw mhux qabel il-5am.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport (FST) — Anness: Il-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara (ĠU L 167, 2.7.1999, pp. 33–37).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 1999/63/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2013/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ċerti responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-konformità mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006 u l-infurzar tagħha ( (ĠU L 329, 10.12.2013, pp. 1–4).

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, pp. 30–50).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 1999/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fejn għandhom x’jaqsmu s-sigħat tax-xogħol tal-baħħara abbord vapuri li jidħlu f’portijiet Komunitarji (ĠU L 14, 20.1.2000, pp. 29–35).

l-aħħar aġġornament 10.12.2021

Top