EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ħin tas-sewqan u perjodi ta’ mistrieħ fis-settur tat-trasport bit-triq

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006) dwar il-ħinijiet tas-sewqan, pawżi u perjodi ta’ mistrieħ

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006, kif emendat bir-Regolament (EU) 2020/1054, jistabbilixxi regoli għall-ħinijiet tas-sewqan, pawżi u perjodi ta’ mistrieħ għas-sewwieqa ta’ trakkijiet, kowċijiet u xarabankijiet sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sikurezza fit-toroq.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014, kif emendat bir-Regolament (UE) 2020/1054, jistabbilixxi rekwiżiti li jikkonċernaw il-kostruzzjoni, l-installazzjoni, l-użu, l-ittestjar u l-kontroll ta’ takografi li jridu jitwaħħlu fil-vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006:

  • japplika għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq, b’vetturi b’massa totali ta’ aktar minn 3.5 tunnellati u għat-trasport bit-triq ta’ passiġġieri, b’vetturi li huma adattati sabiex iġorru aktar minn disgħa persuni (inkluż is-sewwieq);
  • mill-1 ta’ Lulju 2026, japplika għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq fit-trasport internazzjonali jew f’operazzjonijiet ta’ kabotaġġ b’vetturi (inkluż kwalunkwe trejler jew semitrejler) b’massa totali li taqbeż 2.5 tunnellati;
  • japplika, irrispettivament mill-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, għat-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea (UE) u bejn l-Istati Membri tal-UE, l-Iżvizzera u l-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Età minima

L-assistenti tax-xufiera u l-kondutturi jrid ikollhom tal-inqas 18-il sena, għajr f’ċerti ċirkostanzi għall-assistenti tax-xufiera li qed jitħarrġu, għal min l-età minima hija ta’ 16-il sena (ara l-Artikolu 5 għal aktar dettalji).

Regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, pawżi u perjodi ta’ mistrieħ

Regoli dettaljati għal dawn huma stabbiliti fl-Artikoli 6, 7, 8, 8a u 9.

  • Dawn ir-regoli jinkludu:
    • ammont massimu ta’ 9 sigħat għal ħin tas-sewqan ta’ kuljum, li jista’ jiġi estiż għal 10 sigħat mhux aktar minn darbtejn fil-ġimgħa;
    • ammont massimu ta’ 56 siegħa għal ħin tas-sewqan fil-ġimgħa;
    • total massimu akkumulat ta’ 90 siegħa għal ħin tas-sewqan matul kwalunkwe ġimagħtejn konsekuttivi;
    • wara sewqan għal perjodu ta’ 4.5 sigħat, sewwieq irid jieħu pawża mhux interrotta ta’ mhux inqas minn 45 minuta, sakemm ma jiħux perjodu ta’ mistrieħ;
    • pawża minima ta’ 11-il siegħa kuljum, li tista’ titnaqqas għal 9 sigħat, mhux aktar minn 3 darbiet fil-ġimgħa bejn kwalunkwe perjodi ta’ mistrieħ ta’ ġimagħtejn.
    • perjodu regolari ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 45 siegħa kull ġimgħa u perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 24 siegħa kull ġimgħa.
  • Il-kumpaniji tat-trasport iridu jorganizzaw ix-xogħol tas-sewwieqa b’tali mod li jħalluhom jerġgħu jmorru lura fiċ-ċentru operattiv tal-impjegatur fejn is-sewwieqa normalment ikunu bbażati fil-pajjiż tal-UE jew fil-post ta’ residenza tas-sewwieqa u jqattgħu mill-inqas perjodu wieħed regolari ta’ mistrieħ kull ġimgħa (jew perjodu ta’ mistrieħ ta’ aktar minn 45 siegħa kull ġimgħa f’kumpens għal perjodu ta’ mistrieħ imnaqqas kull ġimgħa) f’kull perjodu ta’ 4 ġimgħat konsekuttivi.
  • Is-sewwieqa għandhom ikunu jistgħu jieħdu l-mistrieħ tagħhom ta’ 45 siegħa fil-ġimgħa f’akkomodazzjoni adatta għall-ġeneri b’faċilitajiet adegwati għall-irqad u dawk sanitarji (jiġifieri lil hinn mill-kabina tal-vettura), li l-ispiża tagħhom trid titħallas mill-kumpanija tat-trasport bħala l-impjegatur.
  • Il-perjodi ta’ mistrieħ regolari u mnaqqsa tas-sewwieqa fil-ġimgħa ma għandhomx jiġu interrotti aktar minn darbtejn b’attivitajiet oħra li ma jaqbżux total ta’ siegħa, fejn dawn is-sewwieqa jakkumpanjaw vetturi li jiġu ttrasportati bil-vapur jew bil-ferrovija. Dan jgħodd biss fil-każ ta’ sewwieqa li għandhom aċċess għal kabina tal-irqad fil-vapur jew fil-ferrovija u, fil-każ ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa, l-interruzzjoni hija possibbli biss meta t-tul skedat tal-vjaġġ ikun ta’ 8 sigħat jew aktar.
  • Il-Kummissjoni Ewropea adottat att delegat, Regolament Delegat (UE) 2022/1012, li jistabbilixxi standards għall-livell ta’ servizz f’żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri għas-sewwieqa u proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà u s-sikurezza ta’ tali żoni.

Kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-regolament

  • Id-Direttiva 2006/22/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2020/1057, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 (ara t-taqsima dwar it-takografi hawn taħt).
  • Din tfittex li tiżgura l-applikazzjoni xierqa u l-interpretazzjoni armonizzata tar-regoli soċjali dwar it-trasport bit-triq billi tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-verifika uniformi u effettiva tal-konformità mar-regoli rilevanti mill-Istati Membri. Dawk il-kontrolli għandhom iservu biex inaqqsu u jipprevjenu l-ksur.
  • Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu sistema ta’ klassifikazzjoni tar-riskju għall-kumpaniji tat-trasport ibbażata fuq l-għadd u l-gravità relattivi ta’ kwalunkwe ksur li tkun wettqet il-kumpanija individwali. Kumpaniji bi klassifikazzjoni ta’ riskju għoli għandhom jiġu kkontrollati aktar mill-qrib u aktar ta’ spiss.

Takografi

  • Skont ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 (ara s-sommarju), it-takografi jridu jiġu installati fil-vetturi kollha ta’ aktar minn 3.5 tunnellati li jittrasportaw merkanzija bit-triq, u f’vetturi li jistgħu jġorru aktar minn disa’ persuni (inkluż is-sewwieq), b’ċerti eċċezzjonijiet. Mill-1 ta’ Lulju 2026, it-takografi jridu jiġu installati f’vetturi ta’ aktar minn 2.5 tunnellati involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq jew f’operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.
  • It-teknoloġija tat-takografi l-ewwel imxiet minn anologu għal diġitali u mbagħad minn diġitali għal diġitali aktar avvanzata, jiġifieri intelliġenti.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 introduċa regoli dwar takografi intelliġenti — ġenerazzjoni ġdida ta’ tagħmir abbord sabiex tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sewqan u l-ħinijiet ta’ mistrieħ tas-sewwieqa professjonali. It-takografi intelliġenti huma obbligatorji fil-vetturi l-ġodda kollha rreġistrati wara l-15 ta’ Ġunju 2019. It-takografi intelliġenti jipprovdu reġistrazzjoni awtomatizzata permezz tal-ippożizzjonar bis-satellita tal-ħin tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ, kif ukoll perjodi ta’ disponibbiltà u xogħol ieħor imwettaq minn sewwieq. Dawn għandhom itejbu l-konformità u jippermettu l-identifikazzjoni bikrija ta’ frodi jew ta’ użu ħażin possibbli.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 ilu japplika mill-11 ta’ April 2007.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 ilu japplika mit-2 ta’ Marzu 2015, bl-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 48 tiegħu.
  • Ir-Regolament (UE) 2020/1054, li emenda kemm ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 165/2014, ilu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2020, għalkemm l-Artikolu 1(15) u l-Artikolu 2(12) se jibdew japplikaw mill-31 ta’ Diċembru 2024.

SFOND

Għal iktar informazzjoni ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1-14).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 561/2006 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, pp. 1-33).

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1012 tas-7 ta’ April 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards li jispeċifikaw il-livell ta’ servizz u s-sigurtà ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u fir-rigward tal-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom (ĠU L 170, 28.6.2022, pp. 27-37).

Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, pp. 35-44).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 12.09.2022

Top